MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Morna hazin bil-bagit ta’ l-UE

 

Bl-uċuħ imbissmin u d-daqq tat-trombi, il-Gvern u l-propagandisti tiegħu riedu jġiegħlu lill-poplu jemmen li Malta għamlet xi gwadann kbir bil-ftehim li l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea għamlu l-ġimgħa l-oħra dwar il-baġit ta’ l-Unjoni għas-seba’ snin bejn l-2007 u l-2013.

 

Iżda kollox kien eżerċizzju ta’ diżinformazzjoni u ta’ miżinformazzjoni biex iqarraq bil-poplu.

Għax il-Gvern ma rnexxielu jikseb għal Malta xejn iktar minn dak li pajjiżna kellu jingħata mill-Unjoni fit-tliet snin bejn l-2004 u l-2006.

 

Infatti, kif wieħed jista’ jara minn dak li ċ-Ċentru ta’ l-Informazzjoni Malta-UE (il-MIC) xandar fil-bulletin uffiċjali tiegħu L-Aġġornat, ta’ Frar 2003, il-bilanċ nett li l-Unjoni kellha tagħti lil Malta fit-tliet snin bejn l-2004 u l-2006, kien ta’ 194.3 miljun Ewro.

 

Dan iġib medja ta’ 64.76 miljun Ewro fis-sena.

Issa skond il-Prim Ministru, għas-seba’ snin bejn il-2007 u l-2013 il-bilanċ nett li l-Unjoni għandha tagħti lil Malta huwa ta’ 450 miljun Ewro.

 

Dan iġib medja ta’ 64.28 miljun Ewro fis-sena.

Dawn l-ammonti huma mogħtijin mill-Gvern stess, u jikxfu kemm hija falza l-impressjoni li qiegħda tingħata li l-Gvern irnexxielu jagħmel xi gwadann kbir.

 

Il-verità hija li ma jirnexxielu jikseb xejn iktar milli diġà kien ingħata fil-ftehim li sar ma’ l-Unjoni fis-sena 2002 (li deher f’L-Aġġornat ta’ Frar 2003).

Id-disa’ pajjiżi l-oħrajn li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 bħal Malta, kollha kisbu għas-seba’ snin bejn l-2007 u l-2013 iktar milli kienu ħadu għat-tliet snin ta’ qabel.

Malta biss ma kisbet xejn iktar minkejja l-ħafna ftaħir vojt ta’ kemm il-Gvern Malti kellu ħila jipperswadi l-ewwel lill-Prim Ministru tal-Lussemburgu, Juncker, li kellu l-presidenza ta’ l-Unjoni sa Ġunju ta’ din is-sena, u wara lill-Prim Ministru Ingliż Blair, li kellu l-presidenza ta’ l-Unjoni għas-sitt xhur li jintemmu llum.

L-ammont li l-Unjoni kellha tagħti lil Malta għas-snin 2007-2013 kien gie ffissat f’Ġunju ta’ din is-sena meta ma ntlaħaqx qbil dwar il-bagit ta’ l-Unjoni.

Dak baqa’ l-ammont li se jingħata lil Malta wara li ntlaħaq qbil il-ġimgħa l-oħra dwar il-baġit ta’ l-Unjoni.

 

Qatt ma kien hemm xi theddida li seta’ jitnaqqas.

 

Għax huwa l-inqas ammont li jista’ jingħata lil pajjiżna skond il-formola li biha l-Unjoni tiffissa x’jingħata lil pajjiż membru.

Il-Gvern u l-propagandisti tiegħu pprovaw jidħku bil-poplu billi jgħidulu li bis-saħħa ta’ l-argumenti tal-Gvern, pajjiżna baqa’ ntitolat li jingħata għajnuna skond dak li huwa magħruf bħala ”Objective One”, jew l-ogħla għajnuna.

Din ukoll hija ħrafa.

 

Għax pajjiżna jingħata l-ogħla rata ta’ għajnuna għax il-Prodott Gross Domestiku għal kull persuna ma jilħaqx il-75 fil-mija tal-medja tal-prodott gross Domestiku ta’ l-Unjoni Ewropea kollha.

Biex wieħed jifhem kemm pajjiżna ma marx tajjeb fil-ftehim li sar dwar il-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013, tajjeb li wieħed iħares lejn dak li se jingħata l-pajjiż kważi ċkejken daqs Malta, il-Lussemburgu.

Dan se jingħata ħafna iżjed minn Malta, għalkemm huwa għani ħafna aktar minn Malta, għax il-medja tal- Prodott Gross Domestiku ta’ persuna fil-Lussemburgu hija tliet darbiet daqs il-medja tal-prodott Gross Domestiku ta’ persuna f’Malta.

Minkejja dawn il-fatti, il-propogandisti favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ikantaw vittoria, meta ma stajniex immorru agħar milli morna.

 

Il-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
minn Karmenu Mifsud Bonnici Ċermen CNI


FIL-WAQT li l-mexxejja politiċi jfinġu bħallikieku kollox miexi sewwa fl-Unjoni Ewropea, fost il-popli tal-pajjiżi membri hawn ferment kontra l-Unjoni.

 

Dan il-ferment intwera biċ-ċar fi Franza u fl-Olanda meta l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontra l-Kostituzzjoni li l-Unjoni ħejjiet għaliha.

 

F’Malta ma sarx referendum dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni biex ma tingħatax opportunità lill-maġġoranza tivvota kontriha.

Fl-Ingilterra wkoll hemm ferment kontra l-Unjoni Ewropea, tant li ftit ilu l-partit politiku li jsostni li l-Ingilterra ċediet wisq mill-indipendenza tagħha meta ssieħbet fl-Unjoni (il-UK Independence Party), nieda kampanja biex isir referendum dwar jekk l-Ingilterra għandhiex toħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Il-UK Independence Party jittama li jiġbor maż-żewg miljun firma favur it-talba biex isir referendum.

 

Osservaturi politiċi jfakkru li l-kandidati tal-UK Independence Party marru tajjeb fl-elezzjonijiet għall-membri tal-Parlament Ewropew.

L-osservaturi jsostnu wkoll li fost il-poplu Ingliz hemm skuntentizza mifruxa għall-politika ta’ l-Unjoni f’diversi oqsma, u għall-kilba kbira ta‘ l-Unjoni biex tifrex il-ħakma u r-regoli tagħha fuq kull aspett tal-ħajja tal-poplu.

L-Ingilterra hija waħda mit-tliet pajjiżi ta’ l-Unjoni li ma aċċettawx li jdaħħlu l-munita komuni ta’ l-Unjoni, l-Ewro, flok il-munita nazzjonali, l-Isterlina.

 

Iż-żewġ pajjiżi l-oħrajn huma l-Isvezja u d-Danimarka.

Minkejja li l-mexxejja ta’ l-Unjoni jsostnu li l-munita komuni l-Ewro tgħin l-ekonomiji u l-kummerċ imorru ’l quddiem, l-ekonomiji u l-kummerċ tat-tliet pajjiżi ta’ l-Unjoni li ma qalbux għall-Ewro, huwa itjeb u sejrin aħjar mill-medja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li daħħlu l-Ewro.

Ewlenija fost ir-raġunijiet għall-ferment popolari kontra l-Unjoni Ewropea hija dik li l-politika u r-regoli tagħha jgħollu l-prezzijiet u jżidu l-għoli tal-ħajja.

 

Dan huwa fatt li anki l-poplu Malti qiegħed iġarrbu.

 

Barra li ħafna familji qegħdin isibuha diffiċli li jlaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet u fl-għoli tal-ħajja, il-pajjiż qiegħed isir inqas kompetittiv.

It-tnaqqis fil-kompetittività ta’ pajjiżna kkaġunata mill-politika u r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea qed jolqot ħażin ħafna l-industriji f’pajjiżna tal-manifattura, tas-servizzi u tat-turiżmu.

 

Konsegwenza ta’ dan huma aktar sensji u qgħad akbar għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna.

Bħal ma hemm fl-Ingilterra, anki f’Malta hawn lok għal moviment politiku li jiġġieled ħalli niksbu lura l-Indipendenza u l-Ħelsien li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea telfitna.

 

Kemm hawn eluf li lesti jsostnu din il-ġlieda?

 

L-iskandlu tas-Sea Malta

 

Jekk il-Gvern jibqa’ jagħmel kif trid l-Unjoni Ewropea, se jkollna aktar straġi bħal tas-Sea Malta.

 

Għax akkost ta’ kollox l-Unjoni trid li l-Gvern jeħles mill-kumpaniji tal-poplu u mill-investimenti tal-poplu, il-Gvern Malti m’għandux sinsla biex jieqaf lill-Unjoni u jħares l-interessi nazzjonali.

 

Iżda l-kundanna li l-Gvern jistħoqqlu hi mhux biss minħabba d-djufija tiegħu.

 

Hija wkoll minħabba l-aġir skandaluzż tiegħu.

 

L-iskandlu tas-Sea Malta mhux se jinħafer u lanqas jintesa.

 

Il-Gvern b’mod despotiku ġab fix-xejn u għal xejn l-impjieg ta’ 144 ħaddiem tas-Sea Malta.

 

B’mod sfaċċat u diskriminatorju se jimpjega 57 biss mill-144 li se jissensja.

 

Bil-mod li l-Gvern mexa, wera li la għandu kuxjenza soċjali u lanqas diċenza politika.

 

Biex mingħalih jiggwadanja politikament, il-Gvern ma skruplax iċaħħad 144 familja mill-mezz ta’ l-għixien tagħhom, li hu x-xogħol tal-kapijiet tal-familji.

 

Għal daqshekk Gonzi u Austin Gatt jixirqilhom jibqgħu mfakkrin bħala li tellfu l-ħobża ta’ 144 ħaddiem.

 

Il-protagonisti tal-Gvern mingħalihom ibellgħuha lill-poplu li mhux il-Gvern jaħti għas-sensji tal-144 ħaddiem tas-Sea Malta.

 

Meta l-poplu jifli sewwa x’ġara, jintebaħ li d-deċiżjoni li jipprivatizza s-Sea Malta kienet tal-Gvern.

 

Id-deċiżjoni li jxolji s-Sea Malta minflok ifittex li jbiegħha lit-tieni aqwa offerent, kienet tal-Gvern.

 

Id-deċiżjoni li jagħti x-xogħol u n-negozju b’xejn lill-ħbieb tiegħu, mingħajr ma jobbligahom jimpjegaw lill-ħaddiema tas-Sea Malta, kienet tal-Gvern.

 

Id-deċiżjoni li jgħin biex ma jkunux onorati l-ftehim kollettivi tal-baħħara tas-Sea Malta, kienet tal-Gvern.

 

Għalhekk it-tort ta’ dak li ġara huwa tal-Gvern.

 

Il-Ministru Gatt huwa responsabbli ta’ att frodolenti bi ksur ta’ l-artiklu 303 tal-Liġi tal-Kumpaniji, għax ta b’xejn ix-xogħol u n-negozju tal-kumpanija Sea Malta u b’hekk naqqas il-fondi taghha minn fejn iridu jitħallsu l-kredituri fosthom il-ħaddiema, wara x-xoljiment tal-kumpanija.

 

L-aġir tal-Ministru Gatt huwa skandaluż ukoll għax huwa rregala x-xogħol u n-negozju tas-Sea Malta lill-ħbieb tiegħu b’dannu għall-kompetituri tagħhom.

 

Il-Gvern kellu jobbliga lil minn ħa x-xogħol u n-negozju tas-Sea Malta, li jimpjega l-ħaddiema kollha tagħha mhux baħħara, skond l-artiklu 38 tal-Liġi Industrijali.

 

Minflok mexxa kontra Grimaldi li kiser il-liġi, il-Gvern ħelsu billi se jimpjega huwa lill-ħaddiema.

 

Għal dan l-iskandlu politiku, il-Ministru Gatt imissu jirriżenja.

 

Jekk il-Prim Ministru jkompli jipproteġġih, ikun kompliċi fl-iskandlu u ma jixraqlux jibqa’ fil-kariga.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Is-Sibt, 24 ta’ Diċembru, 2005.

 << Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ