MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Mewġa popolari kontra l-UE

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Bis-shubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-muntanja tad-dejn pubbliku qegħda dejjem tkompli tikber.

 

Skont l-Estimi Uffiċjali tal-Gvern, id-dejn tal-Gvern Ċentrali biss, li kien 4,250,000,000 ewro fil-2010 se jibqa’ tiela’ kull sena sakemm jilħaq il-4,860,000,000 ewro fl-2014.


Barra d-dejn tal-Gvern Ċentrali l-pajjiż huwa mgħobbi bid-dejn tal-korpi u entitajiet governattivi, bħall-Enemalta, li diġà għandhom ’il fuq minn biljun ewro dejn bejniethom, u li l-Gvern Ċentrali qiegħed jagħmel tajjeb għalih.


Għalhekk il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż sejra dejjem għall-agħar bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.


Mhux biss il-qagħda finanzjarja, iżda anke l-qagħda ekonomika kienet milquta ħażin bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Għaliex minħabba l-politika tal-Unjoni

* li ma tħalliniex inkomplu nagħtu għajnuna

* u inċentivi lill-industrija lokali tal-manifattura,

* ħafna fabbriki f’pajjiżna għalqu,

* u ntilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol,

* fosthom it-Tarzna li kienet istituzzjoni nazzjonali tal-aqwa taħriġ fis-snajja’ għaż-żgħażagħ Maltin,

* il-kumpanija nazzjonali tas-SeaMalta li kienet skola għall-baħħara,

* u issa qegħdin nipperikolaw li nitilfu l-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta,

* li ħolqot kategoriji ġodda ta’ xogħol għal eluf ta’ żgħażagħ Maltin,

* bħala bdoti ta’ l-ajru,

* membri ta’ ‘cabin crew’ tal-ajruplani,

* u tekniċi tal-manutazzjoni ta’ l-ajruplani.


Il-politika tal-Unjoni Ewropea li ġegħlitna nħassru l-għoti ta’ protezzjoni lill-industriji lokali tellfet lill-ekonomija Maltija ammont kbir ta’ valur miżjud li kien jinkiseb permezz tal-pagi tal-ħaddiema Maltin li bil-lant tagħhom kienu jipproduċu l-ħwejjeġ meħtieġa mill-poplu. 

 

Minflok il-bejgħ ta’ prodotti maħdumin lokalment, waqajna għall-importazzjoni tagħhom u b’hekk, barra li tlifna l-impieg ta’ ħafna ħaddiema, telliefna lill-ekonomija ta’ pajjiżna ammonti kbar ta’ flus f’xiri ta’ prodotti barranin.

 

Qed ikollna telf kbir


It-telf li l-poplu tagħna ġarrab kemm fl-impiegi, kif ukoll fl-ekonomija minħabba l-politika tal-Unjoni Ewropea, huwa kbir ħafna. 


Fil-qasam tal-għamara, pere­żempju, il-parti kbira ma għadhiex tinħadem f’pajjiżna, mhux għaliex il-Maltin tas-sengħa m’għandhomx ħila jaħdmu l-aħjar għamara. 

 

Kollox qiegħed jinġieb minn barra, sal-għamara tal-kċejjen, meta l-industrija lokali tal-għamara kienet qabel tipprovdi impjieg għal mijiet ta’ nies tas-sengħa, u b’hekk l-ispiża tax-xogħol kienet tkun kollha dħul għall-ħaddiema Maltin u għall-ekonomija ta’ pajjiżna.


Minħabba r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea ħafna kuntratti kbar ta’ xogħlijiet f’pajjiżna qegħdin jittieħdu minn kum­paniji barranin għaliex ma nistgħux nagħtu preferenza lill-kumpaniji Maltin fuq dawk ta’ pajjiżi oħrajn tal-Unjoni.


Dan ifisser li somom kbar li jintefqu mill-Gvern fuq proġetti kbar, ma jmorrux fi bwiet tal-Maltin, iżda joħduhom il-barranin. 

 

Hekk ġara fil-każ tal-proġett ta’ madwar tliet miljun ewro tal-pont il-ġdid tal-breakwater tal-Port il-Kbir, li nħadem fi Spanja u mhux minn ħaddiema Maltin. 


L-istess qed jiġri fil-każ tal-bini tal-Parlament ġdid li l-istruttura tiegħu qed isir tal-azzar li jinħadem barra minn Malta u hekk parti kbira tan-nefqa ta’ €80 miljun fuq dan il-proġett se tmur għand il-periti barranin u l-ħaddiema barranin u mhux se tibqa’ fl-ekonomija Maltija.


Bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, mhux biss ammonti kbar ta’ flus qegħdin jintefqu barra l-pajjiż, meta setgħu u kellhom jintefqu fil-pajjiż, iżda anke ħafna xogħol li għandu jsir mill-Maltin qiegħed jingħata lill-ħaddiema li ġew mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. 

 

Skont tweġiba parlamentari mogħtija fit-18 ta’ Ottubru, hawn f’Malta 5,596 persuni minn pajjiżi tal-Unjoni li qegħdin jaħdmu regorlarment.


Minn dawn, 1,066 huma ħaddiema li jagħmlu xogħol li ma jitlobx sengħa, u 903 jaħdmu fi ħwienet.


Barra dawn l-eluf ta’ barranin mill-Unjoni Ewropea

li qegħdin jieħdu x-xogħol tal-Maltin bi dritt,

hawn eluf oħrajn ta’ immigranti illegali li qegħdin jitħaddmu f’pajjiżna

b’kundizzjonijiet inferjuri għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin,

u dan għaliex ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea

ma jħalluhomx imorru fejn iridu jmorru fil-pajjiżi kbar tal-Unjoni.

 

Il-qaghda qed tehzien


Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ssarrfet f’pajjiżna f’piżijiet finanzjarji akbar, tnaqqis tal-industrija lokali tal-manifattura, telf ta’ valur miżjud, u telfien ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol.


Il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna qiegħda tkompli teħżien,

* kemm bis-self li mġegħlin nagħmlu lill-pajjiżi taż-Żona Ewro,

* bħall-Greċja,

* l-Irlanda u

* l-Portugall,

* kif ukoll bil-garanzija ta’ €704 miljun

* li l-Unjoni Ewropea qiegħda ġġiegħel lil Malta tagħti

* għall-Faċilità tal-Istabilità Finanzjara Ewropea ta’ l-UE.

 

Wara s-sena 2014,

* l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna tista’ teħżien aktar għaliex,

* barra li d-dejn pubbliku se jkompli jikber,

* pajjiżna mhux se jibqa’ jitqies intitolat

* għall-ogħla ammont ta’ fondi ta’ Objective One mill-Unjoni Ewropea,

* filwaqt li nkomplu nħallsu kull sena l-kontribuzzjoni ta’ miljuni ta’ ewro lill-Unjoni

* (din is-sena se nħallsu €68,000 miljun)

* u nkomplu nagħmlu ammont akbar ta’ spejjeż

* biex inlaħħqu ma’ dak li l-Unjoni trid minna.

 

minn Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Jaqblilna noħorġu miż-żona Ewro?

 

Il-kriżi tad-dejn fil-pajjiżi li daħħlu l-ewro wasslet biex waqqgħet il-gvernijiet li daħħlu miżuri ta’ awsterità biex jipprovaw jegħlbu l-kriżi.

 

Fil-Greċja, eluf ta’ impjegati fis-settur pubbliku tilfu l-impieg u oħrajn tnaqqsulhom il-paga.

 

Tnaqqsu l-pensjonijiet.

 

X’uħud mill-familji jsibuha diffiċli biex jixtru l-ikel u l-mediċini.

 

X’uħud ma jifilħux iħallsu l-kera u jmorru joqogħdu ma’ tal-familji tagħhom.

 

Bl-ordni tal-UE, l-industriji tal-Istat ikollhom jinbiegħu lill-privat.


Fl-Irlanda hemm problemi kbar minkejja li daħħlu miżuri ħorox ta’ awsterità u ħafna Irlandiżi qegħdin ikollhom jemigraw.


Fil-Portugall ukoll iddaħħlu miżuri ħorox ta’ awsterità li qed iqanqlu inkwiet industrijali mifrux.

 

Fi Spanja, minkejja l-miżuri kbar ta’ awsterità li daħħlu, il-qgħad kiber ħafna u laħaq l-ogħla livell fl-UE kollha.


Minkejja dawn il-miżuri kollha ta’ awsterità, l-UE ma tidhirx li hi sodisfatta u qed tagħfas biex il-miżuri jiħraxu u biex jiżdiedu s-sagrifiċċji li l-popli jkollhom jagħmlu.

 

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż Nicholas Sarkozy jagħmlu laqgħa wara l-oħra biex jaraw x’għandu jsir biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika.

 

Huma l-banek Ġermaniżi u dawk Franċiżi li jmorru l-aktar ħażin jekk ifallu l-pajjiżi taż-Żona Ewro li għandom biljuni kbar ta’ ewro mislufin lilhom mill-banek taż-żewġ pajjiżi.


Pajjiżna, għax daħal fl-UE u fiż-Żona Ewro qed jiġi mġiegħel jissellef, minkejja d-dejn pubbliku kbir li għandu, biex ikun jista’ jislef lill-pajjiżi tal-ewro li qed jipperikolaw li jfallu, u biex jiggarantilhom mas-€700 miljun ewro.

 

Dan qiegħed iseħħ bl-iskuża li l-ewro hi l-munita tagħna u għalhekk għandna interess li nħarsuha biex ma tisfaxxax.


Il-membri tal-Parlament tagħna qablu li pajjiżna jagħmel dan is-self u jagħti dawn il-garanziji mhux fl-interess tal-poplu tagħna iżda biss għax imġegħlin nagħmlu mill-UE.

 

Huma jmisshom jafu li l-politika li l-Unjoni mxiet biha s’issa fil-kriżi finanzjarja u ekonomika, ma swietx biex tingħeleb il-kriżi, u anzi l-qagħda baqgħet sejra aktar għall-agħar.

 

Għax il-politika tal-Unjoni ma tgħinx biex tkabbar l-ekonomiji tal-pajjiżi membri, u qed toħloq aktar qgħad u qiegħda ġġib riċessjoni.

 

L-UE ma tridx tifhem li s-soluzzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja tinsab fit-tkabbir tal-attività ekonomika u bit-tkabbir tax-xogħol u l-impiegi li jwassal għaż-żieda fil-konsum.


Jekk sa ftit ilu ħadd ma kien jaħseb li xi pajjiż li daħħal l-ewro se jasal biex joħroġ miż-Żona Ewro, illum hawn ħafna li jsostnu li jkun aħjar għal xi pajjiżi mifnijin bid-dejn u defiċit, li jerġgħu jaqilbu għall-muniti nazzjonali tagħhom.

 

Għax jekk jagħmlu dan ikunu jistgħu jbaxxu l-valur tal-munita kemm ikollhom bżonn biex jkunu jistgħu jirpiljaw billi jżidu l-esportazzjoni u jkabbru t-turiżmu.

 

Ikunu jistgħu jiffissaw ir-rati tal-imgħax fuq is-self skont ma jkun jaqblilhom biex jgħinu jikber l-investiment u jiżdied ix-xogħol u jitkattru l-impjiegi.

 

Ikunu wkoll f’qagħda aħjar jirregolaw il-prezzijiet u jikkontrollaw l-għoli tal-ħajja.


F’Malta,

* wara s-sħubija fl-UE

* u d-dħul tal-ewro

* l-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu

* u l-prezzijiet għolew,

* u l-politika tal-Unjoni ma tippermettix

* li dawn ikunu regolati u kkontrollati.

 

Fl-istess waqt id-dejn pubbliku baqa’ jiżdied kull sena, u jikber l-ammont ta’ interessi li jridu jitħallsu.


Din is-sena l-ammont ta’ interessi li l-Gvern irid iħallas fuq id-dejn laħaq €250 miljun u dawn qegħdin jiżdiedu bejn wieħed u ieħor ħames miljuni kull sena.

 

F’xi pajjiżi tal-UE diġà qed isiru studji biex jaraw kif ikunu milqutin jekk xi pajjiżi joħorġu miż-Żona Ewro.

 

Dan qiegħed isir kemm fil-Ġermanja, kif ukoll fl-Ingilterra.

 

Numru ta’ ekonomisti jsostnu li l-munita ewro se tisfaxxa, jew li tibqa’ biss bħala l-munita tal-Ġermanja u Franza u ta’ dawk il-pajjiżi li huma l-aktar qribhom ekonomikament.

 

Huma jgħidu li l-pajjiżi ta’ isfel tal-Ewropa, bħal l-Greċja, l-Italja, Spanja, il-Portugall, Ċipru u Malta jispiċċaw joħorġu miż-Żona Ewro.

 

Qabel ma daħħalna l-ewro, l-esportazzjoni kienet qed tikber u l-istess kienu qed jiżdiedu t-turisti.

 

Jekk noħorgu mill-ewro, m’hemmx raġuni għaliex kemm l-esportazzjoni, kif ukoll it-turiżmu m’għandhomx ikomplu jiżdiedu.


Min ma jridx jittradixxi l-interessi tal-poplu tagħna, għandu jifli sewwa jekk ikunx jaqbel li Malta toħroġ miż-Żona Ewro.

 

Il-Ħamis, 24 ta’ Novembru, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ