MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena Malta tkun ħallset lill-Unjoni Ewropea €4,340,000 minn ħalq uliedek

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

Insalvaw it-Tarzna mill-kapriċċi ta’ l-UE

 

L-Inginier Lawrence Ciantar, li kien għal xi żmien membru tal-Kunsill tat-Tarzna, Kap ta' l-Enemalta, u okkupa ħafna karigi importanti oħrajn, l-ġimgħa l-oħra għamel appell qawwi biex insalvaw it-Tarzna, u għal dan il-għan issuġġerixxa li titwaqqaf 'task force' ta' nies tal-mistier, b'poteri eżekuttivi. 

 

Ikun xieraq li r-rappreżentanta f'Malta tal-Kummissjoni Ewropea twasslilha l-kitba tas-Sur Ciantar ħalli l-Kummissjoni tifhem x'diżastru għamlet bil-pjan imsejjaħ ta' ristrutturar tat-Tarzna, li mponiet biex taċċetta li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni.

Dwar il-pjan ta' l-Unjoni Ewropa għat-Tarzna, is-Sur Ciantar kiteb hekk: 

 

"l-hekk imsejjaħ programm ta' ristrutturar ma kien xejn ħlief eżerċizzju ta' tnaqqis ta' ħaddiema biex tonqos l-ispiża kurrenti. Ma sarux investimenti f'għodda u makkinarju modern biex titjieb l-effiċjenza u l-kwalità tax-xogħol. Ma sarx taħriġ ta' l-impjegati f'dawk li huma teknoloġiji ġodda u partikolarment fil-maniġment.

It-tnaqqis fid-dħul ta' apprendisti, tant meħtieġa biex it-Tarzna tibqa' tiżviluppa, dgħajjef ħafna l-potenzjal tat-Tarzna għas-snin li ġejjin."

Is-Sur Ciantar semma ħafna fatturi li wasslu lit-Tarzna f'qagħda mwiegħra. 

 

Qal li 

 

"għal xi żmien ir-relazzjonijiet industrijali kienu spiċċaw fi stat ta' frustrazzjoni, li wassal għal telqa kbira fost il-maniġment u l-ħaddiema." 

 

Dwar it-telf finanzjarju ta' kull sena tat-Tarzna, huwa qal li 

 

"għalkemm saru diversi proposti, ftit li xejn kien hemm entużjażmu effettiv biex it-Tarzna tissoda."

 

Huwa kkritika li 

 

"t-tmexxija tat-Tarzna ġiet mgħoddija effettivament f'idejn maniġment barrani. Barra minn hekk, xi wħud mill-kuntratti li rebħet it-Tarzna kienu mgħoddija lill-kuntratturi barranin, li mpjegaw magħhom ħaddiema barranin. B'hekk dawn il-kuntratturi gawdew mill-qligħ, u l-esperjenza tax-xogħol marret ukoll barra l-pajjiż, waqt li t-Tarzna ġarret it-telf fuq il-kuntratti. Din is-sitwazzjoni kellha mpatt negattiv qawwi fuq il-moral tal-ħaddiema Maltin."

Is-Sur Ciantar iwissi li ftit ħaddiema ma jistgħux jitħallew jagħmlu ħsara lill-interessi tal-massa tal-ħaddiema.

 

Huwa sostna li fit-Tarzna 

 

"l-maġġoranza tal-ħaddiema huma nies li jaqdu dmirhom sew. Kienu ħafna l-proprjetarji ta' vapuri li esprimew sodisfazzjon għas-servizz u x-xogħol li ħadu mit-Tarzna minn taħt idejn il-ħaddiema Maltin."

Wara li jsostni li jeħtieġ determinazzjoni qawwija u riżoluzzjoni soda minn kulħadd biex it-Tarzna ssalva, is-Sur Ciantar jissuġġerixxi dan: 

 

"Fiċ-ċirkostanzi preżenti għandha titwaqqaf 'task force' b'poteri ezekuttivi ffurmata minn membri kompetenti fix-xogħol tat-tarznari bil-għan li tanalizza t-tmexxija u l-proċeduri li jirregolaw il-kuntratti u x-xogħol u ddaħħal prattiċi dixxiplinati fuq l-attivitajiet kollha, sewwa maniġerjali, kif ukoll fuq ix-xogħol. Il-profiċjenza tal-Marketing Team għandha tkun imsaħħa b'nies kompetenti u professjonali."

Huwa jkompli jgħid: 

 

"L-amministrazzjoni tat-Tarzna għandha tkun tinkludi element qawwi ta' managers kwalifikati Maltin, u tħalli spazju għas-servizzi ta' esperti barranin, fejn ikun hemm bżonn. Ix-xogħol lill-barranin għandu jiġi ftit ftit imnaqqas biex isir użu akbar ta' ħaddiema Maltin.

Għandha terġa' tiġi mħaddma l-iskema ta' dħul ta' apprendisti fit-Tarzna. Għandu jsir stħarriġ estensiv dwar liema oqsma ta' xogħol li fih it-Tarzna tista' tiddiversifika u tifrex l-attivitajiet tagħha. Tiġi studjata l-possibilità li t-Tarzna tissieħeb ma' sieħeb strateġiku, biex tesplora swieq ġodda."

Is-Sur Ciantar ma baqax lura milli jgħid li t-Tarzna kellha u għad għandha potenzjal biex tkun kummerċjalment vijabbli u 

 

"jkun żball kbir jekk dak li bnew missirijietna fuq medda ta' mijiet ta' snin, tkun il-ġenerazzjoni tagħna li teqirdu."

Dan għandna nsostnuh mas-sagrileġi ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Nuqqas tal-kuxjenza soċjali ta’ l-UE

 

Il-politika tal-kummerċ ħieles u bla rażan li l-Unjoni Ewropea tħaddan hija difettuża, żbaljata u ta' ħsara għall-ġid komuni tal-pajjiż. 

 

Pajjiż li jimporta prodotti li jinbiegħu orħos minn prodotti bħalhom maħdumin fil-pajjiż, ikun qiegħed jgħin lill-konsumaturi ta' dawk il-prodotti billi jħallsu prezzijiet inqas għalihom, iżda mbagħad ikollu jintaxxa aktar lill-istess konsumaturi ħalli jkollu fondi x'jonfoq fl-għoti ta' għajnuna soċjali lill-ħaddiema tal-pajjiż li jispiċċaw bla xogħol għax ma jkunux qegħdin jinbiegħu l-prodotti li huma jipproduċu fil-pajjiż.

Dak li l-konsumaturi jiffrankaw fil-prezzijiet orħos, jiżburżawh f'taxxi ogħla. 

 

Iżda mhux hekk biss. 

 

Għax l-ammont ta' flus minfuq fix-xiri ta' prodotti importati, joħroġ barra mill-ekonomija tal-pajjiż u jispiċċa għand il-barranin. 

 

Mentri kieku dak l-ammont ta' flus jintefaq fuq prodotti maħdumin fil-pajjiż, l-ammont jibqa' fl-ekonomija tal-pajjiż u f'idejn in-nies tal-pajjiż.

Għalhekk id-deċiżjoni li pajjiż irid jieħu hija din: 

X'jaqbel il-ġid komuni tal-poplu li jħallas prezzijiet orħos u jkollu qgħad aktar, jew li jħallas prezzijiet ogħla, iżda ma jkollux qgħad u jħallas inqas taxxi?

Pajjiż fejn tal-kummerċ ikollhom l-aktar saħħa u leħen qawwi, jagħżel politika ta' importazzjoni akbar. 

 

Pajjiż li jrid li qabel kollox kulħadd ikollu xogħol u jgħix diċentement, jagħżel politika ta' ħarsien tal-produzzjoni lokali tal-pajjiż.

Jekk imbagħad inħarsu lejn il-kwistjoni mil-lat importantissimu – dak soċjali – m'hemmx dubju li soċjalment ħafna aħjar li l-prodotti jkunu ogħla, iżda kulħadd jaħdem, milli l-prodotti jinbiegħu orħos, iżda jkun hemm numru ta' familji li jiddependu għall-għixien fuq l-għajnuna soċjali.

Il-politika kapitalista u liberali ta' l-Unjoni Ewropea ma tqisx l-aktar importanti l-aspett soċjali tal-kwistjoni.

 

Iżda min irid il-ġid komuni, ma jistax ma jagħtix l-akbar piż lill-aspett soċjali tal-poplu ta' pajjiż.

 

Dan in-nuqqas l-Unjoni Ewropea qiegħda terġa' turih fil-proposti li qiegħda tagħmel biex tonqos l-emissjoni tal-carbon dioxide mill-industriji 

* ta' l-azzar, 

* tal-kimika, 

* tal-fertilizzanti, 

* tas-siment, 

* ta' l-aluminju, u 

* tal-produzzjoni tal-karta, 

* fil-pajjiżi ta' l-Unjoni. 

 

Dawn iżidu l-ispejjeż u jagħmlu lill-industriji inqas kompetittivi fil-konfront ta' dawk fil-pajjiżi barra l-Unjoni. Skond it-trejdunjins Ewropej dawn il-proposti jwasslu biex l-industriji imsemmijin jagħlqu fl-Ewropa, u jikbru dawk barra l-Unjoni li ma jkollhomx l-istess spejjeż, u xorta waħda joħorġu minnhom l-istess ammonti ta' 'carbon dioxide'. 

 

Il-konsegwenza tkun telfien ta' mpjiegi ta' madwar 

* 50,000 ħaddiem fl-Unjoni.

It-trejdunjins Ewropej qegħdin jippruvaw ifehmu lill-Unjoni Ewropea li fil-waqt li tinsisti biex l-industriji msemmijin, fil-pajjiżi ta' l-Unjoni, jagħmlu l-ispejjeż meħtieġa ħalli jnaqqsu l-emissjoni tal-carbon dioxide, l-Unjoni għandha tagħmel dazji fuq il-prodotti ta' l-industriji bħalhom barra l-Unjoni li ma jieħdux l-istess miżuri biex inaqqsu l-carbon dioxide, ħalli l-prodotti importati ma jieħdux is-suq ta' dawk ta' l-industriji Ewropej. 

 

Bl-ammont ta' dazju miġbur, l-Unjoni Ewropea tkun tista' tagħmel proġetti oħrajn favur il-ħarsien tal-klima u t-tisbiħ ta' l-ambjent. 

 

Iżda s'issa, l-għorrief ta' l-Unjoni Ewropea ma jridux jafu u t-telfien ta' l-impjieg tal-ħaddiema ta' dawn l-industriji ma jimpurtahomx minnu. 

 

Dan hu xiehda tan-nuqqas tar-ruħ soċjali ta' l-Unjoni, u anki tan-nuqqas ta' ħsieb tagħha.

 

L-UE toqtol l-industrija f’pajjiżna

 

L-Unjoni Ewropea hija mifruda dwar l-politika ta' l-importazzjoni ta' prodotti maħdumin barra mill-Unjoni. 

 

Xi pajjiżi ta' l-Unjoni li l-impriżi kbar tagħhom għalqu l-fabbriki li kellhom u fetħu oħrajn f'pajjiżi barra l-Unjoni, minn fejn jimpurtaw il-prodotti biex jinbiegħu fis-swieq ta' l-Unjoni, iridu li l-Unjoni ma tagħmel ebda restrizzjoni, la ta' dazju u lanqas fuq il-kwantità, fuq l-importazzjoni tal-prodotti.

Pajjiżi oħrajn ta' l-Unjoni li żammew miftuħin l-impriżi tagħhom, iridu li l-Unjoni tillimita l-importazzjoni ta' prodotti bħal ta' l-impriżi tagħhom, maħdumin barra l-Unjoni.

Għandna ħafna eżempji ta' din it-taqbida. 

 

Għandna kumpanija Olandiża li tagħmel il-lampi ta' 'luċelettrika' fiċ-Ċina, tinsisti ma' l-Unjoni biex tħalli l-importazzjoni fl-Unjoni tal-lampi tagħhom miċ-Ċina, fil-waqt li kumpanija fil-Ġermanja li tagħmel il-lampi ta' 'luċelettrika' qiegħda tinsisti ma' l-Unjoni biex tillimita l-kwantità ta' lampi li jidħlu fl-Unjoni miċ-Ċina.

Ftit ta' żmien ilu xi pajjiżi ta' l-Unjoni li jipproduċu ż-żraben, biex jipproteġu l-industrija, ħeġġew lill-Unjoni twaqqaf l-importazzjoni taż-żraben mill-pajjiżi ta' l-Asja. 

 

L-istess għamlu l-pajjiżi ta' l-Unjoni li jaħdmu t-tessuti u l-ħwejjeġ.

Ftit ilu wkoll, impriżi Ewropej ta' l-azzar insistew ma' l-Unjoni Ewropea biex tinvestiga l-ilmenti tagħhom li impriżi fl-Asja ta' l-azzar kienu qegħdin joħdulhom is-swieq billi jbiegħu l-azzar tagħhom bi prezz inqas milli jiswa biex jipproduċuh.

Dan l-aħħar ukoll Franza sostniet ma' l-Unjoni li l-UE għandha tipproteġi l-impriżi tagħha billi tikkontrolla l-bejgħ fis-swieq ta' l-Unjoni tal-prodotti maħdumin f'pajjiżi li m'humiex lesti jagħtu l-istess faċilitajiet għall-importazzjoni ta' prodotti maħdumin fl-Unjoni.

Dan kollu jixhed li l-politika kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea tas-suq miftuħ u ħieles minn kull protezzjoni għall-impriżi Ewropej, hija politika li qiegħda tagħmel ħerba mill-industrija tal-manifattura ta' l-Unjoni.

 

L-industrija f'Malta ġarrbet ħsara kbira bil-politika kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea imposta fuq pajjiżna mas-sħubija fl-Unjoni. 

 

Pajjiżna ħatt il-protezzjoni kollha li kien jagħti lill-industrija f'pajjiżna, u ħafna fabbriki marru lura u kellhom jagħlqu.

Dan b'telf kbir ta' l-impjiegi ta' mijiet ta' ħaddiema, u telf kbir ukoll ta' kapital li kien investit biex twaqqfu l-fabbriki u l-impriżi. 

 

Vittmi ta' din il-politika ta' l-Unjoni, kienu 

* fabbriki ta' l-għamara, 

* tat-tessuti, 

* tan-nuċċalijiet, 

* taż-żraben, 

* tal-prodotti tal-ġilda u 

* oħrajn, 

 

li lkoll flimkien kienu jħaddmu 

* eluf ta' ħaddiema.

Għalhekk il-Federazzjoni ta' l-Industrija ta' pajjiżna issa qiegħda żżarma u tingħaqad mal-Kamra tal-Kummerċ, għax il-kummerċ ta' l-importazzjoni qiegħed joqtol l-industrija ta' pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 24 ta' Jannar, 2008.

<< Lura <<

 

 e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ