MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Xmara
ta’ liġijiet mill-UE
Lord Vinson, li għal xi żmien kien Chairman ta’ l-Institute for Economic Affairs ta’ l-Ingilterra, stqarr dan l-aħħar li llum jisgħobbieh ħafna li kien qatta’ ħafna snin jipperswadi bosta nies jemmnu li l-Unjoni Ewropea kienet ħaġa tajba.
Illum huwa jaħsibha mod ieħor.
Il-ħolma
sabiħa li kellu ta’ l-Unjoni sabiħa hija llum realtà kerha.
Huwa jaf li din il-bidla fil-fehma dwar l-Unjoni Ewropea ma seħħetx
lilu biss, iżda ħafna oħrajn li llum bħalu biddlu l-fehma
tagħhom dwar l-Unjoni.
Kienu jarawha sabiħa.
Issa
jarawha kerha ħafna.
Ħafna fl-Unjoni jħossuhom bħal Lord Vinson, mifxulin u mdejqin
bil-kwantità kbira ta’ regolamenti li l-Unjoni ma tieqaf qatt li tagħmel.
Wieħed mill-ħafna nuqqasijiet ta’ l-Unjoni huwa li mhux possibbli għal
gvern ta’ pajjiż membru jbiddel regolamenti magħmulin mill-Unjoni li
jinstabu li huma ta’ ħsara għall-pajjiż membru.
Sabiex
regolament jinbidel il-pajjiż membru jrid jikseb il-kunsens tal-maġġoranza
tal-pajjiżi membri l-oħrajn, u dan il-kunsens ma jingħatax minn
dawk il-pajjiżi li jaraw ir-regolament tajjeb għalihom.
Lord Vinson jikkritika wkoll lill-Unjoni dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà,
li jfisser li l-Unjoni tħalli għall-pajjiżi membri li jmexxu huma
dawk l-oqsma li jistgħu jmexxu tajjeb huma aħjar minnha.
Dan il-prinċipju l-Unjoni ma tħaddmux.
Tiftaħar
bih fil-vojt u tkompli taħtaf taħt idejha aktar oqsma u qatt ma treġġa’
lura lill-pajjiżi membri xi setgħat milli jkollha.
Il-gurnalist Ingliż Charles Robinson jikkritika bl-aħrax lill-Unjoni Ewropea għal “xmara” ta’ liġijiet tagħha li ma tieqaf qatt.
Huwa jistma li 20 fil-mija biss minnhom joriġinaw mill-Parlament Ewropew, u 80 fil-mija joriġinaw mill-Kummissjoni Ewropea u dak li huwa jsejjah il-“Lobby” li hemm fi Brussels.
Dan
il-“Lobby” huwa magħmul minn madwar 15,000 “lobbyists” li jaħdmu
fi Brussels u li jfaqqsu l-ideat, jagħmlu suġġerimenti, juru t-tħassib
tagħhom, u jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar elf ħaġa,
biex jinfluwenzaw l-Unjoni ħalli toħroġ il-liġijiet li għalihom
il-“lobbyists” ikunu qegħdin jitħabtu (naturalment bi ħlas).
Fi Brussels hemm ukoll madwar 2,600 gruppi li għandhom skopijiet u
interessi varjati li lkoll għandhom uffiċċju hemm.
Huwa stmat li bejn 60 u 90 miljun Ewro huwa d-dħul tal-ħidma
tal-“lobbyists” fi Brussels.
Dawn
huma meqjusin bħala l-ġungla tal-burokrazija mhix demokratika li hemm
fil-belt kapitali ta’ l-Unjoni.
Kull xahar l-Unjoni tagħmel madwar 50 liġi u regolamenti u dawn imbagħad
iridu jidħlu fil-liġijiet tal-pajjiżi membri.
Jekk
il-Parlament ta’ pajjiż membru jonqos milli jdaħħal dawn il-liġijiet
u regolamenti fil-liġijiet tal-pajjiż, l-Unjoni, permezz tal-Qorti tagħha,
twaħħal multi kbar.
Il-membru tal-Parlament Ewropew, Syed Kamall, jgħid li l-Unjoni Ewropea hija proġett immexxi minn minoranza organizzata li tħabbrek sabiex isseħħ l-integrazzjoni tal-pajjiżi membri, kontra dak li jridu l-popli tagħhom.
Qiegħda
tgħaddi dik li trid il-minoranza, għax hawn apatija kbira fost iċ-ċittadini
li ma għandhomx mezz kif iwaqqfu l-mixja ta’ l-Unjoni, ħlief meta
jingħataw l-opportunità li jivvotaw f’xi referendum.
Il-qalba tal-minoranza organizzata li tmexxi l-Unjoni hija l-Kummissjoni Ewropea
li għandha kull interess li tkabbar u żżid is-setgħat tagħha
u l-oqmsa li l-Unjoni għandha d-dritt li tirregola hija u mhux
il-parlamenti nazzjonali.
Syed Kamall isostni li jew l-UE treġġa’ lura ħafna mis-setgħat
li ħatfet, jew x’uħud mill-popli mseħbin fl-Unjoni, l-ewwel
fosthom, l-poplu Ingliż, jinsistu li jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim
li jkollhom ma’ l-UE għal wieħed differenti minn dak tas-sħubija
tal-lum.
Ħtieġa
ta’ propaganda favur l-Unjoni Ewropea
Tista’
tgħid li f’kull pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea hemm sezzjoni
tal-popolazzjoni li hija kontra s-sħubija, u jekk ma ssibx li hemm partit
politiku li għandu fil-programm tiegħu l-ħruġ tal-pajjiż
mill-Unjoni, għandek issib organizzazzjoni jew għadd ta’
organizzazzjonijiet li jaħdmu biex l-opinjoni pubblika ddur kontra s-sħubija
tal-pajjiż fl-Unjoni.
F’pajjiżna hawn kemm il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI), kif ukoll
l-Alleanza Nazzjonali Repubblikana (ANR) kontra s-sħubija ta’ Malta
fl-Unjoni Ewropea.
Fl-Ingilterra l-United Kingdom Independent Party (UKIP) irid li l-Ingilterra toħroġ
mill-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew dan il-Partit ġab miljuni ta’ voti u tella’ għadd ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew.
Il-UKIP
mhux waħdu kontra s-sħubija ta’ l-Ingilterra fl-Unjoni, għax
hemm numru ta’ membri tal-Parlament Ingliż, kemm Laburisti kif ukoll
Konservattivi, li jridu li pajjiżhom joħroġ mill-Unjoni.
Fil-Polonja hemm il-partit imsejjah “Self-Defence Party”, immexxi minn
Andrzej Lepper, li jagħmel parti mill-Gvern ta’ kaolizzjoni, li huwa
kontra l-Unjoni Ewropea.
Fir-Repubblika Ċeka, il-President Vaclav Klaus, huwa kontra s-sħubija
ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea u pubblikament jikkritika l-Unjoni.
Fid-Danimarka
u fl-Isvezja l-maġġoranza tal-poplu vvotaw biex l-Ewro ma tidħolx
flok il-munita nazzjonali, minkejja li l-Gvern u l-partiti ħadmu bis- sħiħ
favur l-introduzzjoni ta’ l-Ewro.
Fi Franza u fl-Olanda l-maġġoranza tal-poplu ma qablitx mal-mexxejja
tal-partiti politiċi u vvotat kontra l-Kostituzzjoni li l-Unjoni Ewropea
fasslet.
F’Malta l-oppożizzjoni għas-sħubija qiegħda tikber għax
biż-żmien qegħdin jinħassu iktar l-konsegwenzi ħżiena
taghħha.
Il-politiċi Maltin qegħdin iqarrqu bil-poplu meta jsostnu li
l-kwistjoni tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni hija deċiża
darba għal dejjem.
Huma jafu li eluf ta’ Maltin u Għawdxin huma kontra s-sħubija u jistennew il-mument meta noħorġu mill-Unjoni.
Dawn
ma jitmewtux meta jisimgħu l-politiċi jgħidu li l-kwistjoni tas-sħubija
m’għadhiex teżisti, iżda jiħraxu iktar kontra l-politiċi
u jsaħħu l-oppożizzjoni tagħhom kontra s-sħubija.
L-Unjoni Ewropea taf li f’ħafna pajjiżi mseħbin fl-Unjoni, jekk
m’hemmx oppożizzjoni kbira kontra l-Unjoni, hemm apatija kbira
dwarha.
Tant hi kbira l-apatija popolari, li lanqas nofs il-popolazzjoni ma tħoss li għandha tmur tivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Għalhekk
l-Unjoni Ewropea jeħtieġilha tonfoq miljuni kbar ħalli tagħmel
propaganda favuriha kull sena.
F’Malta qegħdin ninnotaw li l-kampanja ta’ propaganda favur l-Unjoni tikber u tiżdied kuljum.
Dan
ifisser li l-Unjoni tifhem li l-Maltin u Għawdxin m’humiex kuntenti biha.
Fid-Danimarka, il-partit Ewro-xettiku, id-Danish People Party, immexxi minn Pia
Kjaerskaard, qiegħed iżid fl-appoġġ popolari.
Fin-Norvegja, il-Partit tal-Progress, immexxi minn Siv Jensen, illum sar l-akbar
partit fil-pajjiż.
Huwa
kontra l-UE u jiżgura li l-maġġoranza tan-Norvegiżi jibqgħu
kontra s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni.
Fl-Isvizzera, għalkemm il-Gvern huwa favur l-UE, il-maġġoranza
tal-poplu ma jridx li l-pajjiż jissieħeb fl-Unjoni.
Fl-Awstrija wkoll qed jikber il-kurrent kontra l-Unjoni Ewropea.
Ħadd ma jixli lil dawk kollha li fil-pajjiżi li semmejna huma kontra
l-Unjoni Ewropea, jew dawk li huma kontra l-Ewropa.
Għax l-Unjoni mhijiex l-Ewropa iżda parti kbira mill-Ewropa li m’għadhiex ħielsa u li hija marbuta b’politika ekonomika u soċjali ħażina li ebda maġġoranza f’pajjiż membru ma tista’ tbiddel skond ir-regoli tad-demokrazija.
Lanqas
f’Malta.
L-aħħar eżempju ta’ bniedem li kien favur l-UE u ra li żbalja jagħtiulna l-President tas-Slovenja, Janez Drnovsek.
Huwa daħħal lil pajjiżu fl-Unjoni iżda llum jikkritikaha bl-aħrax.
Jgħid
li l-politika komuni ta’ l-UE dwar il-biedja hija ħela kbira, u jixli
l-Unjoni li tħallas sussidji fuq il-baqar iktar milli nofs in-nies
tad-dinja jaqilgħu flus.
Meta f’Malta se nikkonvertu bħalma għamel il-President tas-Slovenja?
Il-poplu
mhux kuntent bl-UE
F’hafna pajjiżi ta’ l-UE l-politiċi qegħdin jimponu r tagħhom dwar l-Unjoni u jwettqu l-politika ta’ l-Unjoni fuq il-popli tagħhom kontra l-fehma tal-popli.
F’dawk l-pajjiżi, meta l-popli ngħataw l-opportunità li juru kif jaħsbuha dwar l-Unjoni, ivvotaw kontra dak li l-politiċi qalulhom jagħmlu.
Hekk
seħħ fir-referendum fl-Isvezja dwar l-Ewro, fir-referendum
fid-Danimarka dwar l-Ewro, fir-referendum fi Franza dwar il-Kostituzzjoni
Ewropea, u fir-referendum fl-Olanda dwar l-istess Kostituzzjoni.
F’Malta wkoll il-partiti politiċi qegħdin jimponu fuq il-poplu
l-politika u r-regolamenti ta’ l-UE, avolja l-kotra tal-Maltin u l-Għawdxin
qed jilmentaw dwar l-effetti tas-sħubija ta’ pajjiżna
fl-Unjoni.
Iżda
għad jasal il-mument mhux fil-bogħod meta l-kotra tal-Maltin u l-Għawdxin
timponi hi fuq il-partiti politiċi tagħna u ġġieghelhom
ibiddlu l-politika servili għall-Unjoni u jerġgħu jfittxu
l-interessi tal-poplu Malti qabel iwettqu r-rieda ta’ l-UE.
Il-poplu għad irid jisħaq mal-partiti politiċi li jagħmlu
sewwa l-kontijiet ta’ kemm is-sħubija fl-Unjoni qiegħda tiswa lil
pajjiżna u kemm hija kbira l-ħsara li l-poplu Malti qiegħed iġarrab
minħabba s-sħubija fl-Unjoni.
Sal-lum
il-poplu ma semax ħlief kemm kiseb u kemm qed igawdi mill-Unjoni, u
l-politiċi jagħmlu minn kollox biex inessuh kemm qegħdin
nirrifjutaw u x’aħna nbatu minħabba s-sħubija fl-UE.
Il-politiċi li jfittxu l-opportunitajiet personali mis-sħubija tagħtihom, jistinkaw biex iħarsu l-interessi personali tagħhom anke meta jafu li l-kotra mhux opportunijiet ta’ vantaġġ għandha bis-sħubija għoli tal-ħajja, taxxi indiretti, nuqqas ta’ impjiegi, ħlas għas-servizzi soċjali, u kundizzjonijiet agħar għall-pensjonanti.
Il-midja li qiegħda tirċievi għajnuna mill-UE mhux se tagħmel kritika oġġettiva ta’ l-Unjoni u tal-politika u r-regolamenti tagħha.
Iżda
tajjeb infakkru li għalkemm fi Franza u fl-Olanda, fid-Danimarka u
fl-Isvezja l-midja tefgħet is-saħħa kollha tagħha favur
l-Ewro u l-Kostituzzjoni Ewropea, is-saħħa tal-kotra tal-poplu
f’dawk il-pajjiżi għelbet is-saħħa tal-midja u vvotat
kontra l-Ewro u kontra l-Kostituzzjoni Ewropea.
F’pajjiżna l-midja kollha tal-partiti politiċi, il-gazzetti li
m’humiex tal-partiti, u x-xandir ta’ l-istat jissaraw bejniethom min l-iktar
jipprova jinfluwenza l-opinjoni pubblika favur l-UE, u assolutament jinsew
l-interessi tal-kotra tal-poplu li marret minn taħt bis-sħubija
fl-Unjoni.
Madankollu, li ġara fi Franza, fl-Olanda, fl-Isvezja u fid-Danimarka għad
irid jiġri f’Malta.
Il-Ħamis, 23 ta’ Novembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ