MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Minn Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman
Kampanja Ħelsien
Nazzjonali
CNI
“Agħtuna x-xogħol!”
Meta
tisma’ Ministru ewlieni tal-Gvern
jgħid li lest jilgħab il-flus li
fi ftit snin il-fabbriki f’Malta se jagħlqu, tifhem li huwa żgur mhu
se jagħmel xejn biex il-fabbriki jibqgħu miftuħin, għax ma
jkunx irid jitlef il-flus li jkun lagħab f’imħatri.
Sfortunatament, dak li qal dan il-Ministru, ma qalux minn żniedu, iżda jikxef il-politika tal-Gvern li m’għandu ebda pjan konkret biex jgħin lill-fabbriki biex ma jagħlqux.
Lanqas
m’għandu l-Gvern pjan konkret kif joħloq ix-xogħol u l-impjiegi
huwa, sakemm is-settur privat ikollu s-saħħa joħloq xogħol
ġdid u mpjiegi alternattivi għall-ħaddiema tagħna.
Il-politika
tal-Gvern hija li ma jindaħalx biex ma jingħatawx is-sensji u li m’għandux
jidħol huwa biex joħloq mix-xogħol u l-impjiegi.
Iħalli
kollox f’idejn is-suq, skond l-ideoloġija neo-liberali
kapitalista.
Kull min tassew jappoġġja l-ħaddiema ma jistax jaċċetta
dan u għandu jieħu sehem fil-Protesta Nazzjonali ta‘ għada
ħalli nuru li ma naqblux mal-politika li tħalli jintilfu l-impjiegi
mingħajr ma toħloq xogħol alternattiv għall-ħaddiema.
Kull min tassew jemmen fil-ġustizzja soċjali, m’għandux jibqa’ lura milli jagħti l-appoġġ tiegħu għall-kampanja favur il-ħolqien tax-xogħol u l-impjiegi ħalli kull min jiflaħ jaħdem, jaqla’ x’jiekol u jmantni l-familja tiegħu permezz ta’ ħidmitu.
Jiżbaljaw
dawk is-setturi tas-soċjetà li joġġezzjonaw li l-Gvern jieħu
sehem attiv fil-ħolqien tax-xogħol u l-impjiegi meta s-settur privat
ma jasalx biex jagħmel dan b’mod li ma jkollniex ħaddiema qegħda
fil-pajjiż.
Jiżbaljaw,
għax aktar ma jkollna ħaddiema jaħdmu, aktar jkun hawn negozju u
kummerċ, aktar tkun kbira l-attività ekonomika fil-pajjiż li minnha
jgawdu s-setturi kollha tas-soċjetà.
Nitkellem ħafna dwar is-solidarjetà.
Hemm
bżonn li kliemna nsarrfuhom f’azzjoni konkreta.
Min
jaħdem u mhux mhedded b’sensja, irid ikun solidali ma’ min mhux jaħdem
u ma’ min hu mhedded li jilliċenzjawh.
Għalhekk għandna nieħdu sehem fil-Protesta Nazzjonali ta’ għada kulħadd, b’wirja ta’ solidarjetà ħalli nuru l-impenn tagħna favur bidla fil-politika tal-Gvern, biex tkun waħda attiva li toħloq ix-xogħol u l-impjiegi.
L-għajta tagħna fil-Protesta Nazzjonali ta’ għada għandha tkun:
“Agħtuna x-Xogħol!”
Irridu
nuru li nemmnu li l-kwistjoni tax-xogħol u l-impjiegi hija ewlenija għalina
u għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Hija
ewlenija għax tolqot id-dinjità tal-bniedem fl-istess ħin li minnha
jiddependu kemm l-ordni soċjali u l-pensjonijiet li l-Moviment tal-Ħaddiema
rnexxielu jwaqqaf f’pajjiżna.
Jeħtieġ li mingħajr aktar dewmien nieħdu l-passi meħtieġa
ħalli nħarsu lill-ħaddiema tagħna billi ma nħallux li
ħaddiema barranin jieħdu xogħol il-Maltin.
Ingħataw
permessi żejda fejn ma kinux meħtieġa u aktar minn hekk qegħdin
jitħallew ħafna aktar jaħdmu bla permess b’kundizzjonijiet
baxxi tax-xogħol.
Għalkemm
din mhix il-politika uffiċjali tal-Gvern, hija fil-fatt il-politika li biha
miexi l-Gvern.
Għada għandna nipprotestaw kontra din il-politika anti-nazzjonali li
hija nġusta mal-ħaddiema tagħna u anki mal-poplu kollu li jġorr
il-piż ta’ l-għajnuniet li jingħataw lill-ħaddiema tagħna
bla xogħol meħud lilhom mill-barranin.
Għada
għandna wkoll nipprotestaw kontra l-politika li ma jingħatawx inċentivi
lill-impriżi biex ikabbru x-xogħol u jżidu l-impjiegi, bl-iskuża
li l-inċentivi jħarrbtu l-kompetizzjoni tas-suq.
Għandna
nsostnu politika li tħares l-impriżi lokali ħalli jżidu
l-impjiegi.
Ma nipprotestawx kontra l-globalizzazzjoni, iżda kontra l-politika li ma
tagħmel xejn biex tilqa’ għall-effetti ħżiena
tal-globalizzazzjoni fuq l-impriżi u l-impjiegi f’pajjiżna.
Nuru li nridu politika nazzjonali li toħloq ix-xogħol u l-impjiegi. Ngħajjtu:
“Agħtuna x-Xogħol!”
L-Erbgħa, 23 ta’ Novembru, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar