MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea jikser il-Kostituzzjoni.. .

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

Il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra ltaqgħu fi Brussels u ddiskutew id-difiża komuni ta’ l-Unjoni.

 

Il-Prim Ministru ta’ Malta ħa sehem fid-diskussjoni dwar id-difiża komuni ta’ l-Unjoni. 

 

Wara l-laqgħa, il-Prim Ministru Malti qal li huwa nsista li d-deċiżjonijiet dwar id-difiża jridu jittieħdu bi qbil tal-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni.

Ta’ min ifakkar li fit-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea li kien iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April ta’ din is-sena, il-Gvern Malti għamel dikjarazzjoni unilaterali dwar in-newtralità tagħna u d-difiża komuni ta’ l-Unjoni.

Fid-Dikjarazzjoni intqal li fil-kwistjoni tad-difiża komuni ta’ l-Unjoni, irid ikun hemm il-kunsens ta’ kull pajjiż ta’ l-Unjoni, u li fir-rigward ta’ dan, Malta għandha politika ta’ newtralità.

Iżda d-Dikjarazzjoni dwar in-newtralità magħmula minn Malta fit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fiha tlett nuqqasijiet kbar.

 

Tliet nuqqasijiet tad-Dikjarazzjoni

 

L-ewwel nuqqas huwa li d-Dikjarazzjoni saret minn Malta biss u mhix bilaterali, jiġifieri ma saritx ukoll mill-Unjoni Ewropea. 

 

Il-Gvern Malti talab lill-Unjoni Ewropea tissieħeb ukoll fid-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralità ta’ Malta.

Iżda l-Unjoni m’aċċettatx li tagħmel dan. 

 

Il-Ġermanja u Franza l-aktar li oġġezzjonaw li d-Dikjarazzjoni ssir ukoll mill-Unjoni Ewropea.

It-tieni nuqqas tad-Dikjarazzjoni tal-Gvern Malti dwar in-Newtralità huwa li minnufih qabilha fl-istess Trattat tas-Sħubija ffirmat fis-16 ta’ April, il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni għamlu dikjarazzjoni li fiha qalu li li minkejja kull dikjarazzjoni unilaterali li l-għaxar pajjiżi ġodda għamlu fit-Trattat tas-Sħubija, ir-regoli kollha ta’ l-Unjoni Ewropea jorbtu xorta lil dawk l-għaxar pajjiżi bħal ma jorbtu lill-15-il pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Fi kliem ieħor dawn il-15-il pajjiż membru ta’ l-Unjoni qalu li, igħidu x’igħidu d-dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ l-għaxar membri ġodda, dawn il-pajjiżi kienu se jkunu marbutin bl-istess regoli li bihom kienu marbutin il-15-il pajjiż membru ta’ l-Unjoni. 

 

Ir-regoli ta’ l-Unjoni huma aqwa mid-dikjarazzjonijiet unilaterali, bħal dik li għamel il-Gvern Malti.

It-tielet nuqqas tad-Dikjarazzjoni tal-Gvern Malti dwar in-newtralità huwa li dik id-Dikjarazzjoni titkellem dwar il-ħtieġa ta’ qbil ta’ kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni fil-kwistjoni tad-difiża komuni ta’ l-Unjoni. 

 

Il-Gvern Malti, meta għamel dik id-Dikjarazzjoni nesa li l-oġġezzjoni mhix dwar il-ħtieġa li jkun hemm qbil min-naħa ta’ Malta għal kull deċiżjoni dwar id-difiża komuni. 

 

L-oġġezzjoni hija aktar fundamentali u hija bbażata fuq dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta dwar alleanzi militari.

 

Sehem f’alleanza militari

 

M’għandu jkun hemm ebda dubju li ftehim bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex jibnu difiża komuni tfisser twaqqif ta’ alleanza militari. 

 

M’hemm ebda dubju li difiża komuni tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni tfisser li dawn il-pajjiżi jintrabtu li jiddefendu lil xulxin. 

 

Din tammonta għal alleanza militari, jiġifieri, għaqda ta’ pajjiżi li jiftehmu kif jiddefendu lil xulxin militarment.

 

Għalhekk l-Unjoni waqqfet l-armata Ewropea li ġġib l-isem ta’ ‘Rapid Reaction Force’.

Issa l-Kostituzzjoni tagħna tgħid ċar u tond li Malta ma tistax tieħu sehem f’ebda alleanza militari. 

 

Mela meta l-Prim Ministru jmur jieħu sehem f’diskussjonijiet dwar difiża komuni għall-Unjoni, u meta l-Prim Ministru jintrabat li Malta tibgħat suldati fl-Armata Ewropea, huwa jkun qiegħed idaħħal lil Malta fl-alleanza militari ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Kostituzzjoni tagħna tinkiser mhux jekk Malta tieħu sehem f’operazzjonijiet militari meta Malta ma taqbilx magħhom. 

 

Il-ksur tal-Kostituzzjoni tagħna ssir jekk Malta tieħu sehem fid-deċiżjonijiet tad-difiża komuni u meta Malta tieħu sehem fl-Armata Ewropea. 

 

Għalhekk is-sehem li l-Prim Ministru Malti ħa fil-laqgħa fi Brussels il-ġimgħa li għaddiet dwar id-difiża komuni ta’ l-Unjoni Ewropea, u r-rabta li għamel li jibgħat suldati Maltin fl-Armata Ewropea, huma ksur ċar tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

 

Ksur tal-politika ta’ newtralità

 

Il-ftehim li l-Gvern Malti għamel ma’ l-Unjoni Ewropea li daħal fit-Trattat tas-Sħubija tas-16 ta’ April jikser ċar u tond dak li l-Kostituzzjoni tagħna tgħid li Malta tħaddan politika ta’ newtralità. 

 

Il-ftehim Nazzjonalista jorbot lil Malta bir-regoli ta’ l-UE. 

 

Fil-Kostituzzjoni ta‘ l-UE hemm l-artiklu 15 li jgħid li kull pajjiż membru ta’ l-UE għandu attivament u mingħajr riservi jappoġġja l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni ta’ l-Unjoni u m’għandu jagħmel xejn li b’xi mod idgħajjifha.

Jekk il-politika ta’ newtralità ta’ Malta li ma taqbilx mal-politika barranija u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni, idgħajjifha għax ma taqbilx magħha, ikun hemm ksur tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li Malta fil-ftehim magħmul, intrabtet li ssegwi.

Dan il-ksur seta’ jiġi evitat kieku Malta għamlet ftehim bilaterali jew Protokol ma’ l-Unjoni dwar in-newtralità.

 

...u jgerrex l-investiment

 

L-ahbar xejn sabiħa li l-ikbar kumpanija barranija f’Malta, l-ST Microelectronis ta’ Ħal Kirkop, sejra tieħu parti mill-produzzjoni tagħha fil-Marokk, għandha tiftaħ għajnejn dawk li ma ntebħux li l-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea mhux se jħajjar investiment barrani f’pajjiżna, iżda se jgerrex investiment li għandna biex imur f’pajjiżi li huma barra l-Unjoni Ewropea, bħal ma huwa l-Marokk.

Minkejja li ftaħru li Malta fl-Unjoni Ewropea tkun f’suq kbir u għalhekk tkun tista’ tbiegħ aktar milli qiegħda tagħmel meta hija barra mill-Unjoni, l-istorja ta’ ST Microelectronics tgħallimna li din hija ħrafa, fost il-ħafna ħrejjef, li bellgħu lill-poplu tagħna ħalli serqulu l-vot favur il-ftehim Nazzjonalista.

 

Il-kompetittività kollox

 

Kemm Malta jirnexxilha tbiegħ il-prodotti tagħha fis-swieq barranin jiddependi mill-kompetittività tagħha, li tinkludi l-kwalità tal-prodotti, il-prezz tagħhom u f’kemm żmien tista’ taħdimhom u twassalhom fis-swieq barranin.

Il-parti l-kbira tal-ħwejjeġ li jinbiegħu fis-swieq tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea ma jinħadmux fl-Ewropa, iżda jinħadmu fil-pajjiżi ta’ l-Asja. 

 

Xorta waħda, għalkemm il-pajjiżi ta’ l-Asja m’humiex imsieħba fl-Unjoni Ewropea, jesportaw lejn is-swieq ta’ l-Unjoni l-prodotti li ħafna minnhom jinħadmu minn kumpaniji Ewropej li fetħu fabbriki fil-pajjiżi ta’ l-Asja.

Illum ħafna imprendituri tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin jagħlqu l-fabbriki tagħhom fl-Ewropa u jifthu fabbriki fil-pajjiżi li huma barra l-Unjoni Ewropea u għalhekk m’humiex imxekkla bir-regoli ta’ l-Unjoni.

 

L-istess ħaġa se jiġri f’pajjiżna, fejn minħabba l-ftehim li bih il-Gvern rabatna ma’ l-Unjoni, bl-iskuża tas-suq kbir tagħha, l-imprendituri se jemigraw minn Malta għall-pajjiżi barra mill-Unjoni, l-aktar għall-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq, bħal Marokk u t-Tuneżija.

Din l-emigrazzjoni ta’ l-imprendituri u investituri minn Malta diġà bdiet u qegħda tiżdied aktar ma jinħass l-effett ħażin tal-ftehim Nazzjonalista. 

 

Sfortunatament kemm il-Gvern kif ukoll konsulenti industrijali u finanzjarji Maltin, qegħdin iħeġġu u jħajjru li ssir din l-emigrazzjoni minn Malta kontra l-interessi tal-poplu.

 

Żieda fl-ispiża tal-produzzjoni

 

Hemm fattur importanti ieħor li jiskoraġġixxi investiment milli jiġi jew isir f’pajjiżna. 

 

Dan il-fattur huwa li minħabba l-ftehim li bih il-Gvern rabat lil pajjiżna bir-regoli ta’ l-Unjoni, l-ispiża tal-produzzjoni f’Malta għoliet aktar milli kienet qabel ma sar dak il-ftehim ma’ l-Unjoni.

Hemm it-tielet fattur li huwa wkoll konsegwenza tal-ftehim li l-gvern għamel ma’ l-Unjoni Ewropea li qiegħda taħdem kontra l-investiment ġdid f’pajjiżna. 

 

Dan huwa l-fatt li minħabba r-regoli ta’ l-Unjoni, pajjiżna ma jistax ikompli jagħti dawk l-inċentivi u l-benefiċċji li kien jagħti biex jiġbed lejh l-investiment.

Il-projbizzjoni ta’ l-għoti ta’ inċentivi u benefiċċji hija diżinċentiv għall-investituri f’Malta meta dawn isibu l-inċentivi u l-benefiċċji li jingħataw lilhom f’pajjiżi li m’humiex marbuta bir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea, bħal ma Malta intrabtet meta għamlet il-ftehim li l-Gvern Malti ffirma f’Ateni fis-16 ta’ April. 

 

Huwa fl-interess suprem tal-poplu Malti li l-irbit ħażin li sab ruħu fih bil-ftehim li l-Gvern għamel, jinħall mill-aktar fis. 

 

Sakemm dan iseħħ, l-investiment ikompli jitgerrex minn Malta u x-xogħol u l-impjiegi ma jiżdidux.

 

Nuqqas ta’ qbil dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-UE

 

Il-Partit Soċjalista ta’ Franza hemm opinjonijiet differenti dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Id-differenzi ta’ l-opinjonijiet huma kbar. Minkejja diskussjonijiet fit-tul fil-laqgħat tal-partit, għadu ma jistax jintlaħaq ftehim.

Il-Partit Soċjalista Franċiż għandu diversi personalitajiet magħrufa għall-appoġġ tagħhom favur l-Unjoni Ewropea. 

 

Forsi l-aktar esponent Soċjalista magħruf huwa Jacques Delors, li kien għal ħafna snin il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Fi żmien Delors, il-Kummissjoni Ewropea kisbet saħħa kbira u li kien għal Delors, is-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tikber a spejjeż ta’ tnaqqis fis-saħħa tal-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Kritika kontra l-Unjoni Ewropea

 

Iżda fi Franza ħafna Soċjalisti li huma kritiċi ta’ l-Unjoni Ewropea, joġġezzjonaw għall-politika tagħha fil-qasam ta’ l-impjiegi, kif ukoll fil-qasam tal-pensjonijiet u ta’ l-għajnuna governattiva, jew aħjar nuqqas ta’ għajnuna, lill-industriji.

Ħafna Soċjalisti Franċiżi jikkundannaw il-politika li l-Unjoni Ewropea ġġiegħel lill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri jimxu biha f’dawn l-oqsma, għax il-politika tagħha hija l-kaġun ta’ ħafna qgħad u nuqqas ta’ xogħol, tbaxxi l-pensjonijiet u ċċaħħad lill-industriji importanti minn għajnuna finanzjarja meta jkollhom il-ħtieġa tagħha għal xi żmien ħalli jirkupraw.

 

Fazzjonijiet fil-partit

 

Fil-Partit Soċjalista Franċiż minn dejjem kien hemm fazzjonijiet differenti ta’ Soċjalisti moderati, ta’ Soċjalisti estremisti u ta’ Soċjalisti tat-triq tan-nofs.

Minkejja d-differenzi ta’ bejniethom, is-Soċjalisti Franċiżi jsibu mezz kif jaħdmu flimkien f’partit wieħed u għal għanijiet komuni.

Iżda dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea li tfasslet mill-Konvenzjoni mmexxija mill-ex-President Franċiż Valery Giscard d’Estaing, in-nuqqas ta’ qbil bejn is-Soċjalisti Franċiżi għadu kbir ħafna fuq punti fundamentali.

Uffiċjal taż-Żgħażagħ Laburisti Maltin dan l-aħħar qalilna li baqa’ impressjonat bl-intensità tad-dibattitu politiku fi ħdan il-Partit Soċjalista Franċiż, bil-libertà ta’ l-espressjoni li l-membri tiegħu għandhom dwar ħafna kwistjonijiet u bil-fehma soda li l-membri tal-Partit Soċjalista Franċiż għandhom li dan id-dibattitu ħieles ta’ opinjonijiet differenti isaħħaħ u mhux idgħajjef il-partit.

 

Il-Ħamis, 23 ta’ Ottubru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ