MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

  Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

L-UE timbotta għall-privatizzazzjoni tas-servizz soċjali tas-saħħa

Kemm-il darba sostnejna kemm f'din il-paġna, kif ukoll fil-programm tas-CNI fuq is-Smash TV, li dak li l-UE ma jirnexxilhiex iddaħħal mill-bieb, tara x'tagħmel biex iddaħħlu mit-tieqa. 

Illum għandna prova oħra ta' kemm għandna raġun ngħidu dan. 

Ftit ta' żmien ilu l-Parlament Ewropew, wara protesti kbar li saru fi Brussels mit-trade unions Ewropej, kien ivvota kontra l-famuża Direttiva Dwar is-Servizzi li kienet ta' theddida kbira għal diversi kategoriji ta' ħaddiema fil-pajjiż membri fl-UE, speċjalment il-ħaddiema tal-portijiet.

F'dik id-Direttiva kien hemm ukoll is-servizz tas-saħħa li kien se jkun miftuh ukoll għall-kompetizzjoni. 

Wara l-vot kontra fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea kienet irranġat xi ftit id-Direttiva ħalli din issib l-apoġġ tal-Parlament Ewropew. 

Fost il-bdil li sar, kien tneħħa mid-direttiva oriġinali s-servizz fil-portijiet u anki s-servizz tas-saħħa.

Fil-fatt l-aħħar verżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi sabiet l-appoġġ tal-Parlament Ewropew.

 Kemm-il darba għidnielkom li l-UE ma tantx tkun lesta li taċċetta li xi ħadd jgħidilha le! 

U kemm dan hu veru jidher mill-fatt li issa l-Kummissjoni Ewropea ħabbret pjani għal direttiva ġdida dwar is-servizz tas-saħħa ħalli dan jinfetaħ għas-suq ħieles tal-kompetizzjoni! 

Ilna li għidnielkom li għall-UE is-servizz tas-saħħa huwa servizz kummerċjali daqs kull attività kummerċjali oħra.

Kemm din id-direttiva ġdida tkun ta' theddida għas-servizz tas-saħħa b'xejn, kompliet tissaħħah b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-UE. 

F'każ li kellha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li ċittadina Ingliża, Yvonne Watts, kellha dritt tingħata lura l-flus li ħallset biex marret minn jeddha tieħu kura fi Franza, mingħand is-Servizz tas-Saħħa ta' l-Ingilterra.

Din id-deċiżjoni storika hija meqjusa bħala pass importanti ieħor biex is-servizz tas-saħħa tal-pajjiżi kollha ta' l-UE isir suq wieħed!

Hawn xi ħadd f'Malta li jemmen li pajjiżna jkun jiflaħ għall-ispiża li tkun tinvolvi sistema bħal din – li s-servizz tas-saħħa f'pajjiżna jħallas l-ispejjeż ta' min jiddeċiedi li jmur jieħu l-kura f'xi pajjiż ieħor ta' l-UE? 

U allura mhix ċara li s-servizz tas-saħħa jkollu jsir bil-ħlas u b'hekk addio wieħed mill-aqwa pilastri tal-welfare state li kien waqqaf Gvern Laburista!!!

Is-sħubija fl-UE frott tal-biża’

Għalkemm Gonzi fuq il-Fosos tal-Furjana u l-propagandisti ta' l-Unjoni Ewropea jiftaħru li lis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, issaħħet l-indipendenza ta' pajjiżna, il-verità sagrosanta hija bil-maqlub.

Bis-sħubija fl-Unjoni ma bqajniex indipendenti u l-Parlament Malti ma baqax sovran. 

Malta saret reġjun ieħor ta' l-UE, suġġetta għal-liġijiet u għad-direttivi kollha ta' l-Unjoni, kemm dawk li jgħoddu għalina, kif ukoll dawk li huma ta' ħsara għall-poplu tagħna.

Meta pajjiżna ngħata l-indipendenza fl-1964, il-Parlament Malti kiseb is-setgħa li jagħmel il-liġjiet f'kull qasam tal-ħajja f'pajjiżna mingħajr xkiel ta' ħadd u mingħajr ma jiddettalna ħadd. 

Meta sseħibna fl-Unjoni f'Mejju ta' sentejn ilu, il-Parlament Malti aċċetta li jitqiesu qishom saru minnu eluf ta' liġijiet li l-Unjoni kienet għamlet fl-erbgħin sena li kienet ilha mwaqqfa u aċċetta wkoll li l-liġijiet kollha li l-Unjoni tagħmel ’il quddiem, ikunu jorbtu lill-poplu Malti, jaqbel jew ma jaqbilx magħhom. 

B'hekk il-Parlament Malti għadda s-sovranità li kellu bl-indipendenza lill-Unjoni Ewropea u la ma baqax sovran, pajjiżna ma baqax indipendenti, jgħidu x'jgħidu Gonzi u l-propagandisti ta' l-Unjoni Ewropea. 

Ma' l-indipendenza, niżżilna l-bandiera Ingliza minn fuq l-arbli tagħna. Minflokha, bis-sħubija fl-Unjoni, tellajna l-bandiera ta' l-Unjoni tperper fuqna biex nuru li aħna suġġetti ta' l-Unjoni.

Hija kontradizzjoni kbira li niċċelebraw l-indipendenza meta niftaħru bis-sħubija fl-Unjoni. 

Huwa għajb li qegħdin nidħqu bil-poplu billi nostru minnu li l-għan aħħari ta' l-Unjoni Ewropea huwa li teqred in-nazzjonalizmu ta' kull poplu Ewropew u tbiddel l-istati indipendenti Ewropej f'super stat Ewropew wieħed, imsejjah l-Unjoni Ewropea. 

Dak huwa l-iskop politiku fundamentali ta' l-iżvilupp ta' l-Unjoni u l-Kostituzzjoni ta' l-Ewropa imfassla mill-Unjoni, li l-Parlament Malti approva fis-6 ta' Lulju tas-sena l-oħra, kellha tkun pass ieħor kbir lejn l-integrazzjoni politika u ekonomika ta' l-istat ġdid li jġib l-isem ta' l-Unjoni Ewropea.

Gonzi u l-propagandisti ta' l-Unjoni Ewropea ma jimpurtahomx mill-indipendenza ta' Malta ħlief biex jinqdew biha ħalli jaljenaw lill-poplu u ma jħalluhx jirrifletti li l-iżvilupp kollu f'Malta li jiftaħru bih, sar wara li Malta ingħatat l-indipendenza u mhux bis-sħubijha fl-Unjoni Ewropea. 

Huma ma jridux li l-poplu jifhem li jekk wera kuraġġ meta sar indipendenti, wera biża' u dgħjufija meta ssieħeb fl-Unjoni Ewropea biex ma jibqax iżolat u biex ma jinħakimx mir-Russi jew mil-Libjani.

Dik kienet ir-raġuni li għaliha fi ftit tax-xhur qabel il-Ħelsien tal-31 ta' Marzu 1979 għaddew riżoluzzjoni biex Malta ssir parti mill-Unjoni Ewropea.

Fi Frar ta' l-1979, dawk li llum jgħajtu li għandhom fiduċja fil-poplu Malti, urew l-akbar sfiduċja fih li ma kienx se jkollu l-ħila li jħares id-demokrazija f'pajjiżna, u minħabba f'hekk talbu lill-barranin biex jindaħlu huma u jiżguraw id-demokrazija f'pajjiżna. 

Ma tawx każ li b'hekk kienu se jnaqqsu d-demokrazija f'pajjiżna għax ma nibqgħux immexxija mir-rappreżentanti magħżula demokratikament fl-elezzjonijiet ġenerali, iżda nkunu ggvernati minn dak li jiddeċiedu l-barranin ta' l-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-politiċi tagħna jgħidu li l-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija issa deċiża darba għal dejjem, sakemm jibqgħu jkun hawn Maltin u Għawdxin bħalna li nemmnu fl-indipendenza u l-ħelsien ta' pajjiżna, il-ġlieda biex niksbuhom mill-ġdid mhux se tintemm. 

Tintemm biss meta noħorġu mill-Unjoni Ewropea u nerġgħu nieħdu rajna f'idejna. 

B'hekk biss il-poplu Malti juri li għandu l-ħila u l-kuraġġ li jgħix ħieles u mhux meta jkun maħkum mill-Unjoni Ewropea.

It-tmien miljuni minfuqa f’xogħol għall-ħaddiema

Ma naqblux mal-politika ta' l-Unjoni Ewropea f'ħafna oqsma, fosthom il-politika ekonomika u soċjali tagħha li ġġib il-qgħad u ma tagħmel xejn biex teqirdu.

Aħna nemmnu li l-ġustizzja soċjali titlob li l-ħaddiema jingħataw ix-xogħol u li fejn is-settur privat ma jasalx biex jipprovdi xogħol għall-ħaddiema, il-gvern għandu d-dmir li joħloq ix-xogħol huwa ħalli kulħadd jaħdem. 

Għalkemm l-ekonomisti ta' l-Unjoni Ewropea ma jaqblux ma' dan, huwa ta' ħsara għal pajjiż li jkollu ħaddiema qegħda u l-ekonomija tal-pajjiż tmur ’il quddiem jekk il-gvern iħaddem lil kull ħaddiema li ma jsibx xogħol fis-settur privat.

Il-ħaddiema li jaħdmu qatt ma huma piż fuq il-pajjiż. 

Huma piż il-ħaddiema qegħda. 

Għax il-qgħad ifisser li r-riżorsi umani ta' pajjiż mhux qed ikunu sfruttati u meta jingħata minflok benefiċċju għall-qgħad (unemployment benefit), ifisser ħlas li għalih il-pajjiż ma jieħu xejn.

L-ekonomisti ta' l-Unjoni Ewropea jridu li jkun hemm f'pajjiż ħaddiema li jfittxu x-xogħol ħalli l-pagi ta' dawk li jaħdmu ma jogħlewx. 

Gvern b'kuxjenza soċjali m'għandux iħalli ħaddiema qegħda, u m'għandux jikkuntenta billi jagħti lill-ħaddiema bla xogħol benefiċċju għall-qgħad.

Għalkemm l-Unjoni Ewropea qegħda ssus wara l-Gvern Malti biex inaqqas in-numru ta' ħaddiema fis-settur pubbliku, aħna nsostnu li l-Gvern jimxi b'politika bil-maqlub u jħaddem lil dawk kollha li s-settur privat ma jħaddimx. 

Issa li l-Gvern qiegħed jgħid li għandu tmien miljuni liri Maltin mit-taxxi li huwa jista' ma jdaħħalx ħalli jtaffi l-piż tal-poplu, aħna nsostnu li huwa għandu jonfoq dawk it-tmien miljun żejda billi jħaddem eluf ta' ħaddiema minn dawk li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, kontra dak li trid l-Unjoni Ewropea.

Jekk il-Gvern jimxi b'politika differenti minn ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tax-xogħol, huwa jkun barra li jaqdi dmir soċjali, jkollu wkoll x'juża l-ammont ta' benefiċċju tal-qgħad (unemployment benefit) ta' l-eluf ta' ħaddiema li ma jibqgħux jirreġistraw u jgħin l-ekonomija tal-pajjiż bit-tmien miljun liri f'pagi mħallsa lill-ħaddiema.

Il-Gvern jekk jaċċetta li jonfoq it-tmien miljuni f'pagi lill-ħaddiema li jħaddem, ikun qiegħed itejjeb ukoll il-qagħda tal-pensjonijiet li l-Unjoni Ewropea qegħda tinsisti miegħu biex ma jħallihomx ta' l-istess benefiċċju għall-pensjonanti kif huma llum.

Jekk il-Gvern iwettaq dan isib oppożizzjoni mill-Unjoni Ewropea, iżda jsib ukoll l-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi li jemmen fil-ġustizzja soċjali li hija aqwa mill-politika ta' l-Unjoni Ewropea.

Is-Sibt, 23 ta’ Settembru, 2006.

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ