MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
It-Trattat
tas-Subija fl-Unjoni Ewropea ma jorbotx lil Malta
Nhar it-Tlieta fakkarna l-għoti ta’ l-Indipendenza lil Malta 40 sena ilu.
Ma ċċelebrajniex.
Ilmentajna
li l-Indipendenza tlifniha meta fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena dahal fis-seħħ
it-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea li Fenech Adami u l-Ministru Joe
Borg kienu ffirmaw f’Ateni fis-16 ta’ April tas-sena l-oħra.
Kif għamilna l-ġimgħa l-oħra, se nkomplu nuru llum għaliex
dak it-trattat ma jorbotx lil Malta, billi għal ħafna raġunijiet
il-kunsens tal-poplu Malti kien misruq u vvizzjat.
Fid-dikjarazzjoni solenni li s-CNI
ħarġet fid-29 ta’ Marzu ta’ din
is-sena, wara li ssemmew l-ewwel 13-il fatt li jfissru għala l-kunsens
tal-poplu kien ivvizzjat, jintqal dan:
“(n) Il-poplu Malti kien imċaħħad milli jkun jaf x’igħid
it-Trattat tas-Sħubija qabel ir-referendum kif ukoll qabel l-elezzjoni
ġenerali. It-trattat ma ppubblikawħx fl-ilsien Malti la mill-Gvern
Malti u lanqas mill-Unjoni
Ewropea. It-test
Ingliz kien ippubblikat mill-Polonja fuq l-Internet ftit qabel id-data
tar-referendum f‘Malta fit-8 ta’ Marzu, 2003. Dawk kollha li m’għandhomx
l-Internet jew li ma jaqrawx bl-Ingliż, ma setgħux ikunu jafu x’fih
it-trattat.
Billi t-trattat għandu ħafna tul u billi kien fuq l-Internet ftit
ta’ żmien qabel ma sar ir-referendum, ma kienx prattikament u umanament
possibbli għal dawk li jafu bl-Ingliż u li kellhom l-Internet li
jaqraw it-Trattat u jiflu sewwa x’ifisser.
“(c) Il-kunsens tal-poplu Malti għat-Trattat tas-Sħubija ma kienx
biss ivvizzjat, iżda wkoll inkiseb b’mezzi li ma kinux xierqa, validi,
demokratiċi u popolari.”
Ma
kellux mandat legali
Għar-raġunijiet
mogħtija, id-dikjarazzjoni solenni tas-CNI
tkompli tgħid hekk:
“(p) Minħabba n-nuqqas tal-kunsens xieraq tal-poplu Malti, aħna
nemmnu u nkomplu nsostnu bil-qawwa kollha li l-Gvern ta’
Malta ma kellux
mandat legali biex jiffirma t-Trattat ta’ Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni
Ewropea fis-16 ta’ April 2003, u għalhekk il-kunsens għandu jitqies
null u bla effett, u l-iffirmar tat-Trattat kontra l-Kostituzzjoni;
“(q) Fuq kollox aħna nemmnu u nsostnu bil-qawwa kollha li t-Trattat ta’
Sħubija ta’
Malta
fl-Unjoni Ewropea jikser l-artikli
tal-Kostituzzjoni
ta’ Malta li jistgħu jinbidlu biss bil-vot ta’ tnejn minn tlieta
tad-Deputati kollha tal-Parlament, u għalhekk ir-ratifika mill-Parlament
Malti fl-14 ta’ Lulju, 2003, tat-Tattat kienet kontra l-Kostituzzjoni u għandha
titqies nulla u bla effett.”
Fatti
magħrufa minn kulħadd
Id-dikjarazzjoni
solenni tas-CNI tissokta billi ssemmi ċerti fatti li seħħew bi
ksur tal-Kostituzzjoni ta’
Malta. Tgħid dan:
“(i) Inkisru l-Artikli li jridu vot ta’ tnejn minn kull tlieta tad-Deputati
kollha tal-Parlament li hemm fil-Kostituzzjoni ta’
Malta, li jgħidu li
Malta tirrifjuta li tieħu sehem f’xi alleanza militari u li ebda faċilitajiet
f’Malta ma jitħallew jintużaw b’xi mod li jitqiesu li jkun hawn
f’Malta konċentrazzjoni ta’ forzi militari u li ma jitħallewx fuq
it-territorju Malti nies militari barranin, ħlief dawk li jkunu jaqdu xogħol
ċivili u li t-Tarzni ta’ Malta ma jitħallewx jintużaw minn
vapuri tal-gwerra taż-żewġ superpotenzi.
“(ii) Bi ksur ta’ l-Artiklu msemmi tal-Kostituzzjoni ta’
Malta, sar ftehim
ħalli l-Forzi Armati ta’ Malta jieħdu sehem kemm fil-Partnership for
Peace, kif ukoll
fir-Rapid Reaction Force ta’
l-Unjoni
Ewropea, flimkien
mal-kontinġent tas-suldati Taljani.
“(iii) F’ħafna drabi, anki fi żmien ta’ gwerra, bastimenti
tal-gwerra tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni
Ewropea, kif ukoll dawk ta’
l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, thallew jidħlu fil-port ta’ Malta, xi
drabi f’għadd kbir, bi ksur ċar ta’ l-istess newtralitŕ
tal-Kostituzzjoni tagħna.
Bastimenti Amerikani tal-gwerra ssewwew fit-tarzni ta’ Malta minkejja li
l-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li dan m’għandux jitħalla jiġri
u l-ħaddiema tat-Tarzna sfaw mhedda li jitilfu l-impjieg jekk jirrifjutaw
li jagħmlu t-tiswijiet.”
Aktar
ksur tal-Kostituzzjoni
Id-Dikjarazzjoni
Solenni tad-29 ta’ Marz 2004 tkompli ssemmi kif inkisret il-Kostituzzjoni
ta’ Malta. Tissokta hekk:
“(iv) Artikli tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jistgħu jinbidlu biss
bil-vot favur ta’ tnejn minn tlieta tad-Deputati kollha tal-Parlament qegħdin
jinkisru bit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta
fl-Unjoni
Ewropea, għax
dan jgħid li l-liġijiet, regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet
kollha ta’ l-Unjoni, kif ukoll
il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni li qiegħda tiġi miktuba, huma aqwa u fuq il- Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’
Malta, bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni tagħna li tgħid li l-Kostituzzjoni ta’ Malta hija l-liġi suprema tal-pajjiż u li
l-Parlament ta’ Malta huwa l-ogħla organu li jista’ jagħmel liġijiet
għal Malta.
“(v) Ir-ratifika tat-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li
saret b’maġġoranza sempliċi fil-Parlament Malti, ma tissodisfax
il-ħtieġa skond il-Kostituzzjoni ta’ Malta li jkun hemm vot favur
ta’ tnejn minn tlieta tad-Deputati kollha tal-Parlament biex jgħaddu
emendi għall-Artikli tal-Kostituzzjoni li huma ‘entreched’, u lanqas
il-maġġoranza tal-voti fir-Referendum u fl-Elezzjoni Ġenerali ma
tiswa biex temenda l-Kostituzzjoni ta’
Malta.”
Id-Dikjarazzjoni Solenni tas-CNI ma waqfitx hawn, iżda kompliet turi li
t-Trattat tas-Sħubija jmur kontra dikjarazzjonijiet, riżoluzzjonijiet,
trattati, ftehim u konvenzjonijiet tal-Ġnus Magħquda.
Din it-tielet
parti tad-Dikjarazzjoni Solenni tixxandar il-ġimgħa d-dieħla.
Meħtieġa
għajnuna lill-industriji
Allan McArter, ic-Chairman ta’ l-Airbus North America Holdings żvela li kemm
il-kumpanija Ewropea ta’ l-Airbus, kif ukoll il-kumpanija Amerikana tal-Boeing, jirċievu kull waħda madwar biljun u biljun u nofs dollaru
kull sena għajnuna mingħand il-gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej u
ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Minħabba l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea li l-Gvern Malti għamel,
il-Gvern ma jistax jagħti aktar l-għajnuna lill-industriji li konna
nagħtu qabel, għax skond l-Unjoni, l-għajnuna governattiva tikser
ir-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq, li jisħqu li l-kompetizzjoni fis-suq
għandha tiżgura li l-kompetituri jkunu fuq l-istess livell (‘level
playing field’), mhux kompetituri mgħejjunin u oħrajn le.
B’danakollu, kemm il-Gvern
Amerikan, kif ukoll il-gvernijiet tal-pajjiżi
Ewropej isibu mezz kif jagħtu għajnuna kbira kull sena lill-kumpaniji
tal-Boeing u ta’ l-Airbus.
L-għajnuna
kienet meħtieġa
Ta’ min ifakkar
li l-għajnuna li l-Gvern Malti kien jagħti lill-industriji kienet tingħata
biex tgħin li dawn jikkompetu ma’ l-industriji f’pajjiżi barranin,
mhux ma’ industriji bħalhom f’pajjiżna.
U l-Gvern Malti kien jagħti l-għajnuna lill-industriji, mhux għal
wiċċ is-sidien tagħhom, iżda biex l-industriji jagħtu
x-xogħol lill-ħaddiema Maltin.
Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea ma tħalliniex nagħmlu dan
aktar biex l-industriji tagħha jkollhom inqas kompetizzjoni mill-industriji
tagħna mgħejjunin mill-Gvern Malti, avolja l-Unjoni Ewropea taf li
meta l-industriji tagħha jmorru aħjar, dan ifisser li tagħna
jmorru agħar, u li dan ifisser li l-industriji tagħna jħaddmu
inqas ħaddiema.
Dan huwa mod ieħor kif il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea magħmul
mill-Gvern Malti jnaqqas l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin.
Mhux biss il-ftehim tas-sħubija ma jħallix lill-Gvern Malti li jagħti
l-għajnuniet li kien jagħti lill-industriji, iżda saħansitra
jġiegħel lill-Gvern inaqqas in-numru ta’ impjegati li għandu
miegħu.
Inaqqas
l-impjiegi
Meta s-settur privat ikollu jnaqqas il-ħaddiema kemm għax naqas il-bejgħ tal-prodotti maħdumin lokalment, kif ukoll għax naqsu l-għajnuniet mogħtijin mill-Gvern lill-industriji, is-settur pubbliku se jkollu jnaqqas l-impjegati u l-ħaddiema li għandu miegħu.
Dan se jseħħ
għax il-ftehim magħmul ma’ l-Unjoni Ewropea jġiegħelna nagħmlu
hekk.
Pajjiżna għandu bżonn ftehim ma’ pajjiżi barranin li jgħinuna
ħalli nżidu x-xogħol u l-impjiegi, u mhux biex innaqqsuhom.
Għalhekk
jekk ma rridux li l-qgħad jikber, irridu nbiddlu l-ftehim li sar minnufih.
Il-Ħamis, 23 ta’ Settembru, 2004.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ