MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Id-dnub tan-nisel ta’ l-UE

 

Il-politiċi tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi l-politiċi Maltin, jinsew tagħlima importanti ta’ l-istorja li tixhed li, fl-aħħar mill-aħħar, kull poplu jrid li t-tmexxija tkun f’idejn pajjiżu… mhux li jitmexxa minn ħaddieħor.

Għandna ħafna eżempji ta’ dan fi żmienna:

L-Unjoni Sovjetika kienet tħaddan ħafna pajjiżi. 

 

Sfaxxat u llum għandna minflokha 

* 15-il pajjiż indipendenti.
 

Il-Jugoslavja kienet federazzjoni ta’ ħafna pajjiżi. 

Sfaxxat u llum għandna 

* s-Slovenja, il-Kroazja u l-Bosnja-Herzegovina pajjiżi indipendenti 

* mis-Serbja u l-Montenegro.

L-unjoni taċ-Ċekoslovakkja spiċċat bil-firda 

* tar-Repubblika Ċeka 

* mis-Slovakkja.
 

L-Ingliżi kienu waqqfu l-Federazzjoni 

* tar-Rodeżja ta’ Fuq, t’Isfel u n-Nayasaland. 

 

 

Malajr infirdu u llum għandna 

* ż-Żimbabwe, iż-Żambja u l-Malawi indipendenti.

 

 

Bħalissa anke r-Renju Unit hu mhedded li ma jibqax magħqud, 

* bl-Iskozja 

taħdem biex issir indipendenti mill-Ingilterra.

Għandna min-naħa l-oħra l-każ ta’ l-Isvizzera li r-reġjuni tagħha, għalkemm għandhom ilsna differenti, baqgħu magħqudin flimkien għax jitmexxew b’sistema ta’ referendi popolari biex jiddeċiedu l-aktar ħwejjeġ importanti għalihom.

Iżda minkejja dawn il-ġrajjiet ta’ l-istorja ta’ żmienna, il-politiċi Ewropej, inklużi dawk Maltin, iridu jintegraw il-popli ta’ l-Ewropa f’superstat wieħed li jitmexxa mill-mexxejja ta’ l-Unjoni Ewropea, u ma jħallux lill-parlamentari nazzjonali jmexxu huma lin-nazzjonijiet Ewropej, imneżżgħin mill-indipendenza tagħhom.
 

Hija ħaġa naturali li l-Unjoni li l-politiċi qegħdin iwaqqfu, ma tgawdix l-appoġġ tal-popli tagħhom. 

 

Għax fil-waqt li kull poplu jrid li jitmexxa minn rajh, l-Unjoni trid li hi tmexxi lill-popli mseħbin fiha.

 

Din hija r-raġuni għan-nuqqas ta’ appoġġ popolari għall-Unjoni Ewropea, minkejja l-miljuni li tonfoq fi propaganda kull sena ħalli tipprova tikseb l-appoġġ tal-poplu, u minkejja l-fatt li l-politiċi biegħu ruħhom lilha.

It-Trattat il-ġdid ta’ Riforma se jagħti aktar setgħat lill-Unjoni Ewropea, u għalhekk il-popli tal-pajjiżi membri se jitilfu aktar mid-dritt li huma jmexxu ħwejjiġhom. 

 

Dan huwa d-dnub tan-nisel ta’ l-Unjoni Ewropea li t-Trattat ta’ Riforma se jkompli jiggrava.

It-Trattat se jkompli jsaħħaħ it-tmexxija mill-Unjoni u għalhekk hu ħażin ħafna.


Minfloku, l-Unjoni għandha tinbidel f’għaqda ta’ pajjiżi sovrani u indipendenti, li jikkoperaw u jgħinu lil xulxin, mhux li jitmexxew bħal merħla mir-rgħajja ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-politika ta’ l-UE teħtieġ tinbidel

 

Waqt li r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea huma mehdijin jiddiskutu l-abbozz tat-Trattat ġdid ta’ Riforma mħejji mill-Portugiżi li għandhom il-presidenza tal-Kunsill Ewropew għal dawn is-sitt xhur, il-mexxejja ta’ l-Unjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew qegħdin iħabblu rashom dwar it-tibdil li l-President ġdid ta’ Franza, Nicholas Sarkozy, irid li jsir fil-politika monetarja ta’ l-Unjoni u tal-Bank Ċentrali.

Sal-lum il-politika monetarja ta’ l-Unjoni tistrieħ fuq il-prinċipju fundamentali li l-Bank Ċentrali Ewropew jiffunzjona b’mod indipendenti mill-Unjoni u mill-pajjiżi membri. 

 

L-għan ewlieni tal-Bank Ċentrali hu li jrażżan l-inflazzjoni tal-prezzijiet fl-Unjoni, u kemm tkun ir-rata tal-kambju ta’ l-Ewro mal-muniti barranin ma jingħatax importanza.

L-Unjoni tesiġi wkoll li jitħares mill-pajjiżi membri l-Patt ta’ Stabbilità li jrid li kull gvern jikkontrolla l-infieq tiegħu u kemm jissellef. 

 

L-Unjoni tisħaq ukoll li l-kompetizzjoni ma tkunx imxekkla.

Iżda issa l-President Franċiż qiegħed juri li jrid jibdel ħafna minn din il-politika monetarja ta’ l-Unjoni. 

 

Huwa jsostni wkoll li jsir tibdil fir-regoli tal-Patt ta’ Stabbilità, speċjalment biex gvern ikun jista’ jissellef kemm ikun jeħtieġ biex iwettaq il-politika ekonomika tiegħu.

Huwa jinsisti li l-Bank Ċentrali Ewropew m’għandux ikun għal kollox indipendenti mill-Unjoni u mill-pajjiżi membri ħalli jiffissa r-rata tal-kambju ta’ l-Ewro mal-muniti barranin, b’mod li l-Ewro ma jkunx għoli ħafna u jolqot ħażin il-prezzijiet tal-prodotti li l-Unjoni tesporta, u b’hekk irażżan ir-rata tat-tkabbir ekonomiku u l-qagħda ta’ l-impjiegi fil-pajjiżi ta’ l-Ewro.
 

Sarkozy jisħaq li l-politika monetarja ta’ l-UE għandha titfassal skond il-ħtiġijiet tal-baġits tal-pajjiżi membri u mhux ma tagħtix kas tagħhom. 

 

Huwa diġà rnexxielu jħassar mit-Trattat il-ġdid ta’ Riforma ta’ l-UE dak li l-Unjoni kienet issostni li fis-suq intern, il-kompetizzjoni trid tkun ħielsa u mhux imxekkla.

Minbarra dan it-tibdil, waqt li l-Gvern Franċiż ta’ Chirac kien, aktar kmieni din is-sena, intrabat li Franza taqta’ l-iżbilanċ fil-baġit sa l-2010, Sarkozy issa avża lill-UE li mhux se jibbilanċja d-dħul u l-infieq tal-baġit, qabel ħames snin oħra, sa l-2012. 

 

Kontra dak li trid l-UE, huwa biħsiebu jnaqqas it-taxxi bil-għan li jġib żieda fir-rata tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.

 

Aħna f’Malta jmissna nieħdu tagħlima minn Sarkozy u bħalu għandna nħarsu l-interessi nazzjonali tagħna qabel il-politika ta’ l-UE li xxekkel l-impjiegi u l-investiment barrani fil-pajjiż.

 

M’għandniex inbiegħu s-sovranità ta’ pajjiżna

 

F’artiklu li deher nhar il-Ħadd li għadda f’ġurnal lokali bl-Ingliż, it-Tabib Josie Muscat saħaq li m’għandniex inbiegħu s-sovranità ta’ Malta u li jkunu tradituri dawk li mingħajr il-kunsens tal-poplu f’referendum, japprovaw li l-UE tingħata aktar setgħat, kif se jsir bit-Trattat il-ġdid ta’ Riforma.

Dr Muscat wera li t-Trattat ta’ Riforma hu l-istess Kostituzzjoni ta’ qabel. 

 

Huwa għamel dan billi kkwota x’qalu dwaru 

* Valery Giscard d’Estaing, li kien ippresieda l-Konvenzjoni li fasslet il-Kostituzzjoni ta’ l-UE, 

* il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, li bħala presidenta ta‘ l-Unjoni mexxiet id-diskussjonijiet dwar it-Trattat ta’ Riforma, 

* Josè Luis Zapatero, il-Prim Ministru ta‘ Spanja, 

* Diego Lopez Garrido, il-kelliemi parlamentari tal-Partit Soċjalista Spanjol, 

* il-Prim Ministru Taljan Romano Prodi, 

* il-Membru Parlamentari Ingliż Denis Macshane, li kien fiż-żmien Blair ministru responsabbli mill-UE, u

* l-Ministru ta’ l-Intern ta’ l-Italja, Giuliano Amato, wieħed mill-viċi-presidenti tal-Konvenzjoni li fasslet il-Kostituzzjoni ta‘ l-UE ta’ l-2004.


Dawn kollha kkonfermaw li dak kollu ta’ sustanza li kien hemm fil-Kostituzzjoni ta’ l-2004 li kienet miċħuda mill-popli 

* ta‘ Franza u 

* ta’ l-Olanda, 

jinsab fit-Trattat il-ġdid ta’ Riforma. 

 

Dr Muscat ikkwota wkoll lid-Direttur ta‘ l-organizzazzjoni Open Europe, Neil O’Brian, li ilmenta li qatt ma kien mistenni li l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE (fosthom il-Prim Ministru Malti), kienu se jerġgħu jippreżentaw l-artikli tal-Kostituzzjoni ta’ l-2004, u kull ma jagħmlu biss, jagħtuhom numri ġodda.

Dr Muscat fl-artiklu tiegħu jgħid li l-istonku tiegħu jitqalla’ jara l-mod ċiniku tal-propagandisti ta’ l-UE li qegħdin juru stmerrija lejn il-popli tagħhom billi jbiddlu ftit tal-kliem mill-Kostituzzjoni ta’ l-2004 ta’ l-UE.

Hu jistqarr li dak li l-Unjoni qiegħda tagħmel hija 

* “integration” bil-moħbi, jew aħjar, 

* kolp ta’ stat bil-mod il-mod, 

* ħalli toħloq superstat Ewropew, jew, kif Josè Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, sejjaħlu 

* “non-imperial Empire” (imperu mhux imperjali).

Dan kollu l-Unjoni qiegħda tagħmlu minkejja li 75 fil-mija taċ-ċittadini tagħha jridu li jsir referendum kull meta jsir trattat li jagħti aktar setgħat tal-pajjiżi membri lill-UE.

Dr Josie Muscat sejjaħ lill-Unjoni Ewropea 

* istituzzjoni burokratika, 

* immexxija minn Kummissjoni li mhix eletta u 

* mhi “accountable” (responsabbli) lejn ħadd.

 

Minflok inaqqas id-“democratic deficit” (in-nuqqas ta’ demokrazija) ta’ l-UE, it-Trattat il-ġdid ta’ Riforma joħloq 

* karigi ġodda li m’huma responsabbli lejn ħadd, 

* bħal ma hija l-kariga ta’ President ta’ l-Unjoni Ewropea, 

* b’setgħat akbar li jnaqqsu aktar is-sovranità ta’ pajjiżna.

 

L-Unjoni qerditilna n-newtralità

 

Nifirhu liż-żgħażagħ tal-Moviment Graffitti li l-ġimgħa li għaddiet għamlu protesta pubblika dwar il-bastiment militari Amerikan USS Kearsurge li ngħata l-permess jidħol u joqgħod għal xi ġranet fil-Port il-Kbir tagħna.

 

Dan il-bastiment kellu sehem ewlieni fl-aggressjoni kontra l-Iraq.

Fl-istqarrija li ħarġu ż-żgħażagħ tal-Graffitti wrew l-istmerrija tagħhom li l-partiti politiċi Maltin qegħdin jilqgħu f’pajjiżna żjajjar minn bastimenti tal-gwerra, li jippożaw bħala għodda li jġibu l-paċi, mentri huma xejn ħlief armi biex jiġġieldu l-gwerer u jeqirdu n-nies ċivili innoċenti.

Żjajjar minn bastimenti militari barranin, speċjalment fi żmien ta’ gwerra, jiksru l-politika ta’ newtralità ta’ pajjiżna u huma kontra l-ħidma attiva ta’ pajjiżna għall-paċi, li għandna dmir inwettqu skond il-Kostituzzjoni Maltija.

Il-bastimenti militari Amerikani, ikunu fejn ikunu, huma l-mira ta’ attentati kontrihom. 

 

Il-preżenza tagħhom fil-Port il-Kbir qiegħda tistieden li jseħħ xi attentat li jkun ta’ ħsara kbira għas-sigurtà ta’ pajjiżna, u dannu kbir għall-industrija turistika tagħna.

L-istess diskors għandu jingħad dwar il-bini ta’ l-ambaxxata ġdida Amerikana fuq medda kbira ta’ art f’Ta’ Qali, li ħafna jqisuha bħala bażi militari Amerikana f’pajjiżna. 

 

Bħalma għamlu għall-bastimenti militari barranin fl-ibħra tagħna, il-partiti politiċi nsew il-ħarsien tas-sigurtà tal-poplu tagħna u t-twettiq tal-politika ta’ newtralità u approvaw li titwaqqaf din il-bażi Amerikana fuq artna, taħt l-iskuża ta’ ambaxxata kbira.

In-newtralità tagħna ma tissaħħaħx billi nilqgħu għandna forzi militari barranin, kif lanqas il-paċi ma niksbuha bl-armi u l-għodod tal-gwerra.

L-Unjoni Ewropea għadha miżgħuda b’bażijiet militari barranin – 

* fl-Italja, 

* fil-Ġermanja, 

* fl-Ingilterra, 

* fil-Polonja, 

* fir-Repubblika Ċeka 

– u l-Unjoni mhix qiegħda trażżan l-armamenti, iżda qiegħda dejjem iżżidhom u qiegħda tibni armata tagħha.

 

It-Trattat il-ġdid ta’ Riforma jħeġġeġ lill-pajjiżai membri ta’ l-Unjoni biex isaħħu l-qawwiet militari tagħhom u jgħid li l-Unjoni għandha jkollha politika barranija komuni u politika ta’ sigurtà li twassal għall-bini ta’ politika ta’ difiża komuni.

L-Unjoni Ewropea ma rrinunzjatx għall-użu ta’ l-armi nukleari li żewġ pajjiżi membri għandhom – l-Ingilterra u Franza – u lanqas qiegħda tagħmel xejn ħalli jitneħħew mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni, l-armamenti nukleari li l-qawwiet militari Amerikani għandhom fl-Ewropa.

Għalhekk f’għajnejn il-popli tal-pajjiżi l-oħrajn, l-UE hija potenza militari, u sfortunatament, Malta titqies li tifforma parti minnha u ma għadhiex tiċħad l-użu ta’ l-armi.

 

IRRIDU LURA L-LIBERTA`

 

Il-Ħamis, 23 ta' Awissu, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ