MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġġibilna l-gwaj

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Għada, il-Ġimgħa, il-Ministri ta’ l-Intern tal-pajjiżi li huma u li se jidħlu fl-Unjoni Ewropea, sejrin jiltaqgħu ħalli jiddiskutu l-qagħda allarmanti tan-nuqqas ta’ sigurtà fl-Unjoni Ewropea li hija mwerwra mit-theddid ta’ attakki bħal dawk li seħħew f’Madrid il-Ħamis li għadda. 

 

Kontra dan it-theddid, l-Unjoni Ewropea qiegħda tħejji politika komuni barranija u ta’ sigurtà u difiża għall-pajjiżi membri, inkluża Malta.

Il-politika komuni li l-Unjoni qiegħda tħejji kontra t-theddid ta’ attentati vjolenti ma taqbilx mal-politika ta’ newtralità ta’ Malta. 

 

Meta Malta tħaddan dik il-politika komuni ta’ l-Unjoni, Malta tkun taħt l-istess theddid li llum għandhom Spanja, l-Ingilterra, l-Italja, Franza, il-Ġermanja u pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea se teqred in-newtralità ta’ Malta hekk kif Malta jkollha tħaddan il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà u difiża ta’ l-Unjoni.

 

Is-sħubija fl-Unjoni mhux se ġġibilna sigurtà u sliem, iżda se tesponina għat-theddid u teqridilna s-sliem li n-newtralità ġabitilna.

 

Ftehim militari ma’ l-Italja

 

Biex l-Unjoni Ewropea ssieħeb magħha lil Malta, il-Gvern Nazzjonalista ssagrifika s-sliem tal-poplu tagħna li ksibna bil-politika ta’ newtralità. 

 

Issa li l-Unjoni Ewropea qiegħda tħoss li hija mhedda u għalhekk qiegħda tarma ruhha, Malta saret parti mill-fruntiera tagħha u parti mid-difiża tagħha fil-qalba tal-Mediterran. 

 

Bis-sħubija fl-Unjoni, dħalna fl-armata ta’ l-Unjoni

 

Dan seħħ bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni tagħna li tgħid li Malta tirrofta li tieħu sehem f’xi alleanza militari.

Hija ħaġa gravi ħafna li l-Gvern Malti jikser il-Kostituzzjoni tal-pajjiż. 

 

Hija ħaġa ħafna aktar gravi li l-Gvern Malti jesponi lill-poplu Malti għall-perikli ta’ attentati li għalihom huma miftuħa l-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Gvern responsabbli u li jħares kif jixraq is-sliem tal-poplu għal ebda raguni ma jissagrifika l-interessi tal-poplu tiegħu għall-interessi ta’ l-Unjoni Ewropea

 

Iżda l- Gvern Malti hekk għamel meta ghamel il-ftehim ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Meta l-poplu ta’ Malta se jagħmel lill-Gvern li ssagrifika l-ħarsien u s-sliem tal-poplu, l-istess kif il-poplu ta’ Spanja għadu kif għamel u qaċċat lill-Gvern ta’ Aznar li pprefera l-interessi ta’ l-Amerikani għall-interessi tal-poplu Spanjol?

 

Għal min se tivvota f’Ġunju!

 

Neil Kinnock, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, meta tkellem fl-Università ta’ Malta dan l-aħħar, kixef kif l-Unjoni Ewropea tqis l-elezzjoni li se ssir f’Ġunju li ġej biex nibagħtu ħames membri fil-Parlament ta’ l-Unjoni.

Kinnock gie rrapportat fil-gazzetti li ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex imorru jivvotaw. 

 

U qalilhom biex iħeġġu nies oħra wkoll (x’interess Alla jbierek!). 

 

U żied jgħidilhom biex imorru jivvotaw “mhux b’mod partiġġjan” (jiġifieri, mhux moħħom fil-partit politiku tagħhom) “iżda fl-aħjar interess ta’ l-Unjoni Ewropea” (“in the best interest of the EU”)!

 

Lanqas qalilna biex nivvotaw fl-interess ta’ pajjiżna, iżda fl-interess ta’ l-Unjoni Ewropea

 

Dan qalu għax għall-Unjoni Ewropea, il-vot ta’ Ġunju tqisu bħal “vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fl-Unjoni Ewropea”. 

 

Jekk ħafna ċittadini ta’ l-istati membri jmorru jivvotaw, ikun vot ta’ fiduċja u jekk ħafna ma jmorrux jivvotaw, ikun vot ta’ sfiduċja fl-Unjoni Ewropea.

Kellu jkun Neil Kinnock biex insiru nafu l-iskop prinċipali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju!

 

Għandna dritt noħorġu mill-UE

 

Biex ċerti preżentaturi u kelliema mistiedna fuq stazzjonijiet tar-radju ma jibqgħux ibellgħu r-ross bil-labra lis-semmiegħa tal-programmi tagħhom meta dawn jistaqsuhom jekk Malta hux se tkun tista’ toħroġ mill-UE fil-futur, ħassejna li għandna nġibu l-“prova tal-fatti”, kif aħna tas-CNI dejjem nagħmlu, flok il-paroli fil-vojt ta’ xi politiċi Maltin u l-qaddejja tagħhom.

Aqraw, xtarru u ddeċiedu min qed “joħlom” – kif stqarr mistieden fuq programm fuq is-Super One, b’referenza ċara ghaċ-chairman tas-CNI, Karmenu Mifsud Bonnici, fuq Smash TV qal li Malta tkun tista’ toħroġ mill-Unjoni. (Dan aċċettah ukoll l-Onorevoli Dr Michael Frendo, li kien qed jiddibatti miegħu).

Araw min qed jibża’ jgħid il-verità. 

 

L-artiklu I-59 ta‘ l-Abozz tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE għandu t-titlu: Ħruġ volontarju mill-Unjoni, u l-erba’ sub-artikli jgħidu hekk: 

 

“1. Kull stat membru jista’ jiddeċiedi, skond ir-regoli kostituzzjonali proprji, li jirtira mill-Unjoni Ewropea”.

 

“2. Stat membru li jiddeċiedi li jirtira għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tieghu. Il-Kunsill għandu jikkonsidra din in-notifika. Fid-dawl tal-linji ta’ gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jirregola l-modalitajiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni. Dak il-ftehim għandu jiġi konkluż għan-nom ta’ l-Unjoni mill-Kunsill tal-Ministri, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ir-rappreżentant ta’ l-Istat Membru li jirtira m’għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet jew fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri jew tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernawh.”

“3. Il-Kostituzzjoni għandha tieqaf milli tapplika għal dak l-istat mid-data tal-bidu fis-seħħ tal-ftehim dwar l-irtirar jew fin-nuqqas, sentejn wara n-notifika msemmija fil-paragrafu tnejn, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil ma’ l-Istat Membru inkwistjoni, ma jiddeċidix li jestendi dan it-terminu.”

“4. Jekk stat li jkun iritira mill-Unjoni jitlob biex jerġa’ jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tiġi sottomessa għall-proċedura msemmija fl-Artiklu 57.”

 

Mela issa tafu bl-iswed fuq l-abjad, kif kull stat membru, inkluża Malta, se jkollha d-dritt terġa’ toħroġ mill-Unjoni fil-futur.

 

U għalhekk meta tisimgħu lil min jagħtikom stampa differenti billi jgħid li Malta tista’ toħroġ mill-Unjoni, “ikun qed joħlom”, għidulu f’wiċċu u toqogħdux tistħu li jkun qed jipprova jqarraq bikom u bis-semmiegħa l-oħra tal-programm.

 

U aqrawlu xi parti mill-Artikli I-59 tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni, li kkwotajnilkom kelma b’kelma, hawn fuq.

 

Kjarifika

 

Il-preżentatur tal-programm ta’ Super One Radio li kkwotajna kliemu fl-artiklu f‘din il-paġna l-ġimgħa l-oħra (11 ta’ Marzu – “Issa qegħdin nifhmu ahjar”) – ma kienx Joseph Muscat, kif ħasbu xi qarrejja li ċemplulna ħalli jivverifikaw min kien.

 

Il-Ġimgħa, 23 ta’ April, 2004.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ