MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Il-ftehim ma’ l-UE jista’ jiġi nnegozjat mill-ġdid

 

F’konferenza stampa li saret nhar it-Tnejn, is-CNI saħqet li l-membri tal-Parlament Malti għandhom iħarsu l-interess nazzjonali billi ma jivvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE, u Malta jkollha l-opportunità li tinsisti ma’ l-Unjoni biex tibdel il-ftehim li sar magħha li nstab li huwa ta’ ħsara kbira għall-poplu Malti.

Ic-Chairman tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali fisser kif Malta llum għandha l-istess ċirkostanzi li kellha f’Helsinki, billi l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE tista’ tidħol fis-seħħ jekk Malta tirratifikaha.

 

Jekk Malta ma tagħmilx dan, l-Unjoni Ewropea tifhem li trid terġa’ tinnegozja ma’ Malta l-ftehim ta’ l-2003 li l-maġġoranza tal-poplu llum tifhem li huwa żvantaġġjuż ħafna għal Malta.

 

It-tagħlima ta’ Helsinki għandna nuzawha biex intejbu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ l-Unjoni.

 

Kieku kellna Gvern li jfittex qabel kollox l-interess nazzjonali, kieku l-Gvern stess kien jara li l-Parlament Malti ma jirratifikax il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE, minkejja li din kienet iffirmata mill-Prim Ministru f’Ottubru li għadda.

Fl-istess konferenza stampa ntqal li s-
CNI tippretendi li l-Oppożizzjoni Laburista ma tivvotax favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.

 

Din il-Kostituzzjoni tgħid li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel huma superjuri għall-Kostituzzjoni Maltija. Jekk il-membri ta’ l-Oppożizzjoni ma jivvotawx mal-membri tal-Gvern favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE, ir-ratifika ssir b’sempliċi maġġoranza ta’ 35 vot favur.

 

B’hekk ma tkunx saret bil-maġġoranza kwalifikata ta’ tnejn minn tlieta tal-membri kollha tal-Parlament.

 

U b’dan il-mod il-Kostituzzjoni tagħna tibqa’ titqies mill-Qrati suprema u superjuri għal-liġijiet ta’ l-Unjoni li jkunu inkonsistenza mal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u dawn il-liġijiet, safejn ikunu nkonsistenti mal-Kostituzzjoni Maltija, ma jitqisux validi u ma jkollhomx effett f’pajjiżna.

Skond is-
CNI, il-Parlament Malti m’għandux japprova l-Kostituzzjoni gdida ta’ l-UE, li fil-waqt li ġġedded il-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, tħalli barra d-dikjarazzjoni dwar in-newtralità li kien għamel il-Gvern fl-2003 u kienet inthemżet mal-ftehim.

 

Din għandha tkun raġuni oħra għaliex il-Membri Parlamentari Laburisti m’għandhomx jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.

Fil-konferenza stampa ġie mfisser għaliex kull riserva li ssir mill-Oppozizzjoni għall-Kostituzzjoni ta’ l-UE ma tiswa xejn.

 

Ghax fl-aħħar il-Parlament irid jivvota fuq il-mozzjoni tal-Gvern li tgħid li l-Parlament japprova l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kif inhi mingħajr riservi, mingħajr emendi.

 

Ġrajjiet koroħ għall-Unjoni Ewropea

 

Matul l-aħħar tmint ijiem seħħew ġrajjiet koroħ għall-Unjoni Ewropea.

 

Fi Franza tbassar li l-maġġoranza tal-Franċiżi bħalissa huma kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni, u li parti kbira minn dawk kontra jħaddnu jew twemmin politiku xellugi jew jappoġġjaw lill-Ħodor.

Dwar l-Italja, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li ma aċċettatx il-kontijiet uffiċjali tal-Gvern Taljan għal din is-sena.

 

Dawn kienu juru li d-defiċit ma jkunx iktar minn tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.

 

Il-Prim Ministru Berlusconi lmenta pubblikament li l-Unjoni mhix qiegħda tgħin lill-pajjiżi membri li jkunu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet finanzjarji u problemi ekonomiċi.

 

Minflok tgħinhom, l-Unjoni qiegħda tfixkilhom.

Dwar id-defiċit tal-Gvern Malti, il-pubblikazzjoni ta’ l-istatistika ta’ l-UE, il-Eurostat, iddikjarat li d-defiċit għas-sena li għaddiet kien ta’ 184 miljun lira Maltin, waqt li l-Gvern Malti kien qal li kien ta’ 94 miljun lira Maltin.

 

Il-Prim Ministru, meta ġie mistoqsi dwar x’intqal fl-Eurostat, aċċetta li dak kien korrett, iżda dak ma kienx id-defiċit tal-Gvern biss, iżda l-iżbilanċi kollha ta’ l-entitajiet u l-korporazzjonijiet governattivi flimkien.

 

Jekk dak li l-Prim Ministru qal huwa minnu, id-defiċit ta’ 184 miljun lira Maltin huwa l-iżbilanċ tas-settur pubbliku kollu.

Jumejn ilu l-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi membri ta’ l-UE qablu li pajjiż membru jitħalla jaqbeż il-limitu ta’ l-iżbilanċ ta’ tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tiegħu jekk ikollu ċirkostanzi speċjali li ma jħalluħx jagħmel mod ieħor.

 

Dan ifisser li l-Unjoni aċċettat li l-politika tagħha qiegħda tkun ta’ saram għat-tkabbir ta’ l-ekonomiji ta’ x’uħud mill-pajjiżi membri tagħha.

 

Fost dawn hemm il-pajjiżi membri kbar bħall-Ġermanja, Franza u l-Italja.

Il-Ġermanja u Franza kienu minn ta’ quddiem li 12-il sena ilu saħqu biex isir il-Patt ta’ Stabilità u t-Tkabbir li jimponi l-limitu ta’ tlieta fil-mija żbilanċ.

 

Illum, il-Ġermanja u Franza sabu li din il-politika kienet żbaljata, u għalhekk issaraw biex jekk ma tinbidilx, tiddgħajjef bil-mod kif iddgħajfet.

Jekk għall-pajjiżi kbar u avvanzati bħalma huma l-Ġermanja, Franza u l-Italja, il-politika ta’ l-Unjoni nstabet li hija ta’ tfixkil, kemm se tkun ta’ tħarbit u ħsara dik il-politika għal pajjiż żgħir bħal Malta?

 

Jaħbu l-ħsara tal-ftehim ta’ sħubija fl-UE

 

Il-poplu Malti għadu ma jafx kemm hija kbira l-ħsara li l-ftehim ta’ sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea għamel lil pajjiżna.

 

Ma jafx, għax dawk kollha favur is-sħubija, ħbew ir-raġunijiet veri ta’ ħafna deċiżjonijiet li ttieħdu li tefgħu lura lill-pajjiż.

 

Ma jafx il-poplu kemm hija kbira l-ħsara kkaġunata mill-ftehim tas-sħubija, għax il-politiċi tagħna ta’ kull naħa, ma jridux jgħidu l-verità dwar il-ħakma assoluta li l-Unjoni għandha fuq it-tmexxija ta’ pajjiżna.

Kieku l-poplu jsir jaf il-verità dwar ir-raġunijiet għala ttieħdu ħafna deċiżjonijiet li għamlu ħsara lil pajjiżna, il-poplu ma jibqax kwiet, u jqum kontra l-politiċi li mhux qegħdin iħarsu l-interessi tal-poplu Malti qabel kollox u qabel l-interessi ta’ l-Unjoni u ta’ min jista’ jgawdi mis-sħubija.

Il-poplu Malti ma jafx għaliex spiċċa l-ftehim li l-Gvern Laburista kien għamel mal-Libja biex nixtru ż-żejt bi prezz irħas minn tas-suq.

 

L-Unjoni Ewropea ma tħallix l-industrijalisti f’Malta u l-operaturi l-oħrajn fil-kummerċ u fil-provvista ta’ servizzi jkollhom vantaġġ ta’ fuel irħas u ta’ elettriku irħas milli jkollhom il-kompetituri tagħhom fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Għax skond l-Unjoni, il-fuel u l-elettriku irħas tal-Maltin jistorna l-kompetizzjoni u jkun ta’ żvantaġġ għall-kompetituri tal-Maltin fl-Unjoni Ewropea.

Ix-xiri taż-żejt bi prezz irħas mil-Libja kien ifisser rati iktar baxxi ta’ elettriku għall-poplu.

 

Kien ifisser prezz irħas tal-petrol u diesel għall-poplu.

 

Kien ifisser fuel irħas għall-Air Malta u għalhekk telf inqas għall-kumpanija.

 

Kien ifisser spiża inqas għal-lukandi u għalhekk għajnuna għall-industrija tat-turiżmu.

 

Dawn il-vantaġġi kollha tlifnihom għax il-politika ta’ l-Unjoni sfrattatilna l-ftehim tax-xiri bi prezz irħas taż-żejt mil-Libja.

Il-politici tagħna m’għandhomx id-diċenza li jgħidu dan kollu lill-poplu għax kieku jagħmlu dan, iridu jfissru lill-poplu għax m’għandniex niġġieldu ħalli mill-iktar fis inbiddlu l-ftehim li pajjiżna għamel ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-paċifisti dwar in-newtralità ta’ Malta

 

Fil-magazin The Democrat ta’ dan ix-xahar,li joħroġ fl-Ingilterra, deher rapport dwar konferenza organizzata minn attivisti dwar il-paċi biex jiddiskutu l-Kostituzzjoni ta’ l-UE.

Fil-konferenza ntwera qbil unanimu ta’ kundanna għall-militarizzazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. L-implikazzjonijiet li hemm fil-Kostituzzjoni ta’ l-UE jitqiesu ta’ theddida serja għall-paċi.

Il-Membru Parlamentari
James Corbyn sostna li għandha titwaqqaf oppozizzjoni qawwija ghall-Kostituzzjoni ta’ l-UE minhabba it-twaqqif ta’ l-Armata Ewropea, li huwa jissuspetta, tista’ tintuża għal avventuri kolonjalisti.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew,
Caroline Lucas, tal-Partit tal-Ħodor ta’ l-Ingilterra, stqarret li d-dinja b’żewġ super potenzi, (jigifieri, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u s-superpotenza ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea), mhux bilfors aħjar minn dinja b’superpotenza waħda (l-Istati Uniti).

Iżda l-kumment l-aktar interessanti kien dak ta’
Roger Cole, tal-Peace and Neutrality Alliance ta’ l-Irlanda. Dan għamilha ċara daqs il-kristall li l-Kostituzzjoni ta’ l-UE tneħħi l-istatus ta’ newtralità ta’ l-Irlanda, l-Awstrija u Malta.

 

Huwa fakkar li l-Kostituzzjoni ta’ l-UE torbot magħha l-armamenti nukleari ta’ l-Ingilterra u ta’ Franza fil-passi li tieħu għall-militarizzazzjoni ta’ l-Unjoni.

F’pajjiżna, iżda, il-ħafna diskors li nisimgħu huwa li n-newtralità ta’ Malta mhix se tintmiss bil-Kostituzzjoni ta’ l-UE.

Din hija ipokresija kbira ta’ min irid iqarraq bil-poplu, u ta’ min ma jimpurtaħx min-newtralità, iżda m’għandux il-kuraġġ jgħid hekk.

 

L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu, 2005.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

<< Lura <<

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ