MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID
LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET
TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA
LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
L-Ingann tal-Gvern Nazzjonalista
MALTA se tirratifika l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern huwa żgurat li l-35 deputati li għandu fil-Parlament se jivvotaw favoriha.
Huwa għarraf b'dan lill-Unjoni Ewropea.
Iżda l-Gvern qed jilgħab logħba fina.
Huwa m'għandux bżonn il-voti ta' l-Oppożizzjoni għar-ratifika tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
B'danakollu huwa jrid jobrom l-Oppożizzjoni biex jumiljaha tivvota miegħu favur il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li qiegħda ġġedded il-ftehim ta' Malta ma' l-UE, li l-Oppożizzjoni vvotat kontrih sentejn ilu.
Kieku l-Gvern tassew ried li jkun hawn kunsens wiesgħa dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, kien ifittex li jiksbu qabel ma ffirmaha fit-28 ta' Ottubru li għadda f'Ruma.
Il-ftehim dwar il-Kostituzzjoni ġdida kien intlaħaq f'Ġunja ta' qabel fil-laqgħa fi Brussels tal-mexxejja tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni.
Minn Ġunja sa Ottubru l-Gvern la tkellem ma' l-Oppozizzjoni direttament dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, u lanqas idduskutiha fil-Parlament.
Lanqas ma kellu d-diċenza li jgħarraf lill-poplu bid-differenzi li seħħew bejn il-Kostituzzjoni miftehma u l-abbozz tagħha li kien tħejja sena qabel mill-Konvenzjoni taħt il-presidenza ta' Giscard d'Estaing.
Il-Gvern jaf li qiegħed
jikkommetti sagrileġġ meta japprova l-Kostituzzjoni ġdida ta'
l-UE.
Għax din tikser il-Kostituzzjoni ta' Malta, li l-Prim Ministru u l-membri tal-Parlament ħadu l-ġurament li jkunu leali u fidili lejha.
Għalhekk il-Prim Ministru u l-membri tal-Parlament li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE jkunu qegħdin jiksru l-ġurament li ħadu fl-okkażjoni tal-ħatra tagħhom.
Il-Gvern irid iċappas
lill-Oppożizzjoni bis-sagrileġġ li huwa se jagħmel.
Iridha li miegħu tkażbar il-Kostituzzjoni ta' Malta, u jrid lill-Membri Parlamentari ta' l-Oppożizzjoni jiksru bħalu l-ġurament li ħadu lejn il-Kostituzzjoni ta' Malta.
Il-Gvern u l-propagandisti tiegħu
fetħu kampanja biex ibeżżgħu lill-Oppożizzjoni.
Qegħdin jgħidulha li jekk trid turi l-vokazzjoni tagħha Ewropea issa trid tivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida l-UE.
Dan huwa ingann u qerq tal-Gvern u l-propagandisti tiegħu.
Il-vokazzjoni Ewropea, jekk tfisser li pajjiżna jagħmel parti mill-Ewropa u huwa issa msieħeb fl-UE, m'għandhiex x'taqsam ma' jekk tapprovax jew le l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Ħafna li huma fl-UE u
m'humiex kontriha, xorta waħda ma jaqblux mal-Kostituzzjoni ġdida li
thejjiet.
U għandhom il-kuraġġ jgħidu li ma jaqblux magħha u mhux se jivvotaw favuriha.
Mitejn u tnejn u tletin membri tal-Parlament Ewropew ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida meta tressqet fil-Parlament fit-12 ta' Jannar fi Strasbourg.
It-tletin deputat ta' l-Oppożizzjoni fil-Parlament Malti jkunu magħhom jekk ma jivvotawx favur ir-ratifika tagħha billi jastjenaw mill-vot.
Bandieri bojod u ħomor biss
NHAR il-Ħadd, 13 ta' Frar, fuq il-Fosos tal-Furjana, dehru mijiet ta' bnadar bojod u ħomor, iżda ebda bandiera waħda blu bl-istilel sofor ta' l-UE.
Għal Maltin u l-Għawdxin kienet xena ta' sodisfazzjoni tara l-folla xxejjer il-bandiera Maltija li għadha tgħożż u ma nbidlitx mal-bandiera ta' l-Unjoni li l-folla ma tħosshiex li hija tagħha.
Deher ċar li l-kotra mhix sejra tiċħad il-bandiera Maltija għall-bandiera ta' l-UE, minkejja l-isforzi tal-propaganda li qiegħda ssir favur il-bandiera blu bl-istilel sofor, anki fost it-tfal ta' l-iskejjel u l-preżenza tagħha fl-uffiċini governattivi.
Anka tas-CNI ħassejna sodisfazzjon bid-dehra tal-mijiet tal-bnadar Maltin mhux imniġġsa mill-bandiera ta' l-UE.
Għax fehemna li għall-kotra, il-bandiera ta' l-UE hija barranija u tirrappreżenta t-tmexxija barranija li għandna llum, wara s-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Aħna nemmnu li eluf ta' Maltin u Għawdxin, fil-fond ta' qalbhom, bħalna jittamaw li jerġgħu jkunu indipendenti, ħielsa u sovrani.
Bħalna jistennew li jżernaq dak il-jum meta ġensna jerġa' jkun mifdi mit-tmexxija barranija, għax is-sħubija fl-Unjoni mhux għajr tmexxija mill-Unjoni.
L-indipendenza, il-ħelsien u s-sovranita` huma l-għan aħħari tagħna, l-imsieħbin fil-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI.
Qatt ma ħbejnieh u qatt mhu
se nċeduh.
Nemmnu li jkun ta' ġid għall-poplu tagħna, anki jekk biex niksbuh, irridu nagħmlu sagrifiċċji.
Ix-xena ta' l-14 ta' Frar ta' fuq il-Fosos tal-Furjana għamlitilna kuraġġ għax urietna li l-kotra għadha tgħożż li hija Maltija.
Minkejja diffikultajiet kbar li għandna, nafu li l-isforzi tagħna tas-CNI qegħdin jiġu apprezzati u numru li dejjem jikber qegħdin jintebħu li qed ngħidu l-verita` dwar il-ftehim ħażin tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Oħrajn donnhom waqgħu fil-muta u ma jridux ikomplu jgħidu l-verita` dwar l-Unjoni Ewropea, kif kienu jagħmlu qabel.
Bħal li kieku, billi sseħibna fl-UE, mhux xorta waħda baqgħu l-iżvantaġġi tagħha għalina u dak li kien ħażin fl-UE, mhux xorta waħda ħażin baqa'.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-kotra aktar se tingħafas bir-regoli u l-kundizzjonijiet ta' l-UE u meta fi ftit ta' żmien ieħor, jibdew jispiċċaw il-ftit derogi li tawna, il-morsa aktar tissikka.
U jasal iż-żmien meta l-għan li għalih twaqqfet is-CNI jintlaħaq u l-poplu Malti jerġa' jsir nazzjon indipendenti, ħieles u sovran!
Meta se noħorgu mill-UE
IL-MEMBRU ta' l-Oppożizzjoni Laburista għall-Affarijiet Barranin rega' għaxxaqha.
Jumejn ilu kiteb li "Tkun ġennata jekk noqgħodu nwebblu lin-nies li se noħorġu mill-UE mill-ewwel ċans li jkollna".
Qal li kliem bħal dan joffri skuża lin-Nazzjonalisti biex iwaħħlu fil-Laburisti għal dak kollu li jkun qed imurilhom żmerċ.
Aħna ma ngħidux li huwa ġenn li jgħid li s-sħubija ta' Malta fl-UE hi issa kwistjoni deċiża darba għal-dejjem.
Ngħidu li hija stupitaġni
li jgħid hekk.
Aħna ngħidu li Malta jaqblilha toħroċ mill-UE mill-ewwel mument li jkollna maġġoranza tal-poplu li trid hekk.
Għax il-ħsara li s-sħubija diġa` għamlitilna, ma hija xejn ħdejn il-ħerba li se tagħmlilna 'l quddiem.
Is-sħubija fl-UE diġa` kabbritilna l-qgħad, naqqsitilna l-impjiegi, għalqitilna l-impriżi, naffritilna l-investiment barrani, żiditilna t-taxxi. għollietilna l-prezzijiet tad-djar u l-plots, u l-ħajja saret għolja nfern.
Minħabba s-sħubija fl-UE, il-kura tal-mard mhux se tibqa' b'xejn, l-edukazzjoni terzjarja se ssir bil-ħlas, u l-benefiċċji tal-lum tal-pensjonijiet se jonqsu u l-impriżi li kienu tal-poplu kollu jridu jkunu privatizzati.
Is-sħubija fl-UE baxxitilna l-produzzjoni għas-suq lokali u l-importazzjoni ta' prodotti barranin kibret.
Dan il-gwaj kollu qiegħed iwassal biex il-maġġoranza tal-poplu issa tifhem li jkun aħjar li nkunu barra l-Unjoni Ewropea.
U l-maġġoranza
tal-poplu tistenna tmexxija kuraġġjuża li ma tibzaż
mill-iskużi tan-Nazzjonalisti.
Tistenna lil min ifehma li aktar ma jkun hawn oppożizzjoni għall-UE, aktar jirnexxilna niksbu minn għandha biex tipprova tikkuntentana, milli jekk inkunu ġwejjef u nuru li aħna rassenjati.
Lill-Onorevoli Membru Laburista responsabbli għall-Affarijiet Barranin ngħidulu li billi huwa mhux qed jikkritika l-politika ta' l-UE li qiegħda tħarbatna, mhux xorta waħda n-Nazzjonalisti qegħdin kontinwament jixlu lill-Oppozizzjoni Laburista li qiegħda tfixkel f'kollox?
Jaħseb li n-Nazzjonalisti se jgħidulu kemm huwa bravu għax qaleb magħhom, jew jgħidulu li huwa opportunist u għamel u-turn?
Ngħidulu wkoll li m'għandux dritt li min ma jaqbilx miegħu jgħajru b'ġenn.
Tliet ġimgħat ilu għajjar lil sħabu li baqgħu jgħozzu t-twemmin Soċjalista, tal-'loony left', jiġifieri l-imġienen tax-xellug.
Kliem bħal dan iġiegħel lil veri Laburisti jistmerruħ.
Ħrejjef dwar l-UE
IĊ-ĊENTRU ta' l-Indottrinazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea (MIC) nhar is-Sibt li għadda ħareġ b'żewġ ħrejjef li ma jixraqx li nħalluhomx għaddejin mingħajr kritika.
L-ewwel ħrafa hija li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE m'hijiex inkonsistenti mal-Kostituzzjoni ta' Malta.
Dwar l-ewwel kwistjoni, jekk
il-Kostituzzjoni ġdida toħloqx stat, iċ-Ċentru jargumenta li
la darba l-istati membri għandhom l-ahhar kelma dwar il-Kostituzzjoni tidħolx
fis-seħħ jew le, allura, skond iċ-Ċentru, mhux se jitwaqqaf
stat gdid.
Dan huwa argument zopp u żbaljat.
Il-Kostituzzjoni ġdida ta'
l-UE tidħol fis-seħħ jekk tkun ratifikata mill-25 pajjiżi
membri.
Iżda jekk dan jiġri, l-Unjoni Ewropea tkun mhux stat, iżda super stat federali.
Hija tkun Super Stat federali magħmula
minn 25 stati membri.
Hija tikkmandahom u tagħmel liġijiet għalihom ukoll.
Skond il-Liġi Internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tkun meqjusa bħal l-Istati Uniti ta' l-Amerika (magħmulin minn 51 stat) u bħal ma kienet l-Unjoni Sovjetika (Union of Soviet Socialist Republics), u l-Jugoslavja (qabel ma tfarrket).
L-UE tkun stat distint mill-25 stati membri, bil-politika barranija tagħha, bil-politika ta' sigurta` u politika ta' difiża komuni tagħha.
Dwar it-tieni kwistjoni, jekk il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE hijiex inkonsistenti mal-Kostituzzjoni ta' Malta, iċ-Ċentru ta' l-Indottrinazzjoni, jargumenta li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (jiġifieri l-Qorti ta' l-UE), qatgħet li la darba l-pajjiżi membri ċedew is-sovranita` tagħhom f'ċerti oqsma lill-Unjoni, allura huma ma jistgħux jippretendu li f'dawk l-oqsma l-liġijiet tagħhom ikunu fuq il-liġijiet li l-Unjoni tagħmel.
Iżda dwar din il-kwistjoni,
iċ-Ċentru jidher li ma fehemx il-qofol tagħha.
Il-kwistjoni hija din.
L-Erbgħa, 23 ta' Frar, 2005
Il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE tgħid fl-Artiklu 6 tagħha li hija u l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel, ikunu aqwa u fuq il-Kostituzzjoni ta' pajjiż membru ta' l-Unjoni.
Fil-waqt li l-Kostituzzjoni ta' Malta, fis-Sezzjoni 6 tgħid, li jekk xi liġi f'Malta ma tkunx skond il-Kostituzzjoni Maltija, il-Kostituzzjoni Maltija tirbaħ u dik il-liġi tkun nulla.
Il-Gvern Malti m'għandux is-setgħa jmur kontra s-Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta u ma kellux is-setgħa jċedi lill-Unjoni d-dritt li tagħmel liġijiet li jkunu kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta.
Għalhekk il-Kostituzzjoni ta' l-UE tmur kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Qorti ta' l-Unjoni Ewropea m'għandhiex setgħa tiddeċiedi li liġi ta' l-UE tkun aqwa mill-Kostituzzjoni Maltija.
Minflok tagħti tagħrif siewi, mill-MIC ħerġin il-ħrejjef.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min JIKSER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ