MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Prosit Gulia u Abela

 

Jidher li fl-aħħar anke xi politiċi u artikolisti bdew jitħarrku bis-serjetà dwar il-problema – jew aħjar kriżi – ta’ l-immigrazzjoni illegali.

 

Aħna tas-CNI ilna żmien twil li konna l-ewwel li tkellimna permezz taċ-Ċermen l-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, li kien qal bla tlaqliq ta’ xejn, li dak li kellna nagħmlu biex verament ngħinu lil immigranti illegali li ma ridux jispiċċaw jiġu f’pajjiżna, kien li ngħinuhom biex huma jmorru lejn dak il-pajjiż fejn xtaqu jmorru.

 

Dak in-nhar, li qal Karmenu Mifsud Bonnici kien waqa’ fuq widnejn torox.


Dawn l-aħħar ftit ġimgħat is-sitwazzjoni bdiet tinbidel.

 

Il-ġimgħa l-oħra wrejnikom x’qal il-Ministru Michael Frendo.

 

Semmejnilkom ukoll li d-Deputat Laburista Josè Herrera kien tkellem fil-Parlament dwar din il-kriżi.

 

U kkwotajnilkom ukoll x’qal il-kantant famuż Bob Geldof dwar din il-problema u kif kienet qiegħda tiġi ttrattata ħażin mill-UE.

 

Illum għandna pjaċir nikkwotaw xi siltiet, forsi l-aktar qawwija s’issa dwar din il-problema, minn artikli tad-Deputat Laburista Gavin Gulia u l-Avukat Toni Abela.

 

Minn hawn ngħidulhom mill-qalb prosit u j’Alla iktar politiċi u kittieba fl-aħħar jieħdu l-eżempju tagħkom biex fl-aħħar il-karba tal-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti tinstema’ u tissarraf f’azzjoni radikali.

 

U mhux nibqgħu nisimgħu tpaċpic fil-vojt li ma jwassal imkien.

 

Nibdew b’xi siltiet tad-Deputat Dr Gavin Gulia.

 

Taħt it-titlu: “Il-krizi ta’ l-immigrazzjoni – ‘about time ministri’ (l-orizzont, 4 ta’ Lulju), Gavin Gulian kiteb hekk:


1. “Wara li għamlu snin sħaħ jgħorku u jimlew bix-xemghħa lill-UE, fl-aħħar milli jidher (il-ministri) intebħu li l-UE qiegħda tittratta lil pajjiżna bħala s-“Cindirella” ta’ l-UE. Ħlief retorika u paroli…izda l-ebda azzjoni konkreta ma ttieħdet biex verament il-pajjiżi Ewropej iwettqu l-politika ta’ solidarjetà li tant jippriedkaw”.


2. “… ara l-UE kemm marret tiġri saqajha ma’ daharha biex tgħin lil Spanja meta sfat inondata bl-istess mewġ ta’ immigranti irregolari…”


3. “Jistgħu issa n-Nazzjonalisti jgħidulna x’riedu jgħidu biha, qabel l-aħħar elezzjoni, li Malta fl-UE, ikollha vuċi fuq il-mejda tan-negozjati. Il-Ministri Borg u Frendo qegħdin jinebħu li lanqas biss fuq kwistjoni li tolqot lill-Unjoni Ewropea kollha, u mhux lil Malta biss, bħalma hija l-immigrazzjoni irregolari, m’hu qiegħed ikollna wens mill-UE, aħseb u ara”.

Xtaqna kellna aktar spazju għax Gavin Gulia kiteb ferm iktar minn hekk, iżda rridu nikkwotaw ukoll xi siltiet ta’ l-iktar avukat li hawn f’pajjiżna li jitkellem u jikteb bla kantunieri ta’ xejn u b’mod stupend dwar kull problema li tkun qiegħda tolqot ħażin lill-poplu Malti. Qiegħed nirreferi għall-Avukat Toni Abela.


Fl-artiklu tiegħu f’dan il-ġurnal (L-Orizzont) ta’ l-4 ta’ Lulju, wara li ddeskriva l-biżgħat, kultant esaġerati tal-poplu Malti fl-imgħoddi, meta kiteb dwar “l-invażjoni” li għandna llum ta’ klandestini, qal li la għandna nibżgħu żżejjed izda lanqas m’għandna “nibqgħu b’ħalqna magħluq jew nagħmlu ta’ bir-ruħna li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll assolut”.

Ħalli niġu issa għal xi siltiet lejn l-aħħar ta’ l-artiklu ta’ Toni Abela:

 

“Mela jekk il-Gvern Malti jieħu deċiżjoni ħażina, malajr ninżlu t-toroq u nipprotestaw… allura meta l-Kummissjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Ministri jagħmlu paprata li tolqotna fil-laħam il-ħaj ma nistgħu nagħmlu xejn?”


2. “Issa li qegħdin fl-UE rridu niftakru li kważi tliet kwarti tat-tmexxija tal-pajjiż fl-aktar ħwejjeġ importanti, m’għadhiex f’idejn il-Gvern Malti iżda f’idejn ir-rigmenti u leġjuni ta’ burokratiċi u politiċi fi Brussels. Ma jidhirx li dan fimnih”. (Ma taħsbux li dan ezatt li ilna ngħidu aħna tas-
CNI?)


3. “L-UE taħti għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha u ma jidhirx li hija tassew sensittiva għall-ilmenti tagħna”.

4. “Meta għandna din il-passa kontinwa ta’ bnedmin li jiġu u jibqgħu (f’pajjiżna), il-burokratiċi fi Brussels iridu jitkellmu fuq il-passa ta’ l-għasafar! Wasal iż-żmien li nibagħtuhom jixxejru u dawk li jiġu f’pajjiżna meta riedu jmorru f’pajjiż ieħor, jibdew jitħallew imorru fid-destinazzjoni tagħhom”. (Eżatt kif kien qal Karmenu Mifsud Bonnici!)

5. “Jekk l-Ewropej tassew jemmnu fil-moviment ħieles tal-bniedem, jekk tassew jemmnu li kull immigrant irregolari li ma jiġix ripatrijat, illum għaliex m’għandniex nirrispettaw ix-xewqat tiegħu? Kull ma rridu nagħmlu nistaqsuh fejn jixtieq imur”.


U hawn niġu għall-kaxxa nfernali li Toni Abela ħalla għall-aħħar, bħalma jiġri fil-festi tagħna.
Toni Abela spiċċa hekk:

 

“......Iżda rridu nuru snina u mhux paroli biss. Flimkien ninżlu fit-toroq nipprotestaw kontra l-insensittività ta' l-UE lejn Malta fuq din il-kwistjoni. Il-membri Parlamentari Ewropej isiru blokk wieħed u jagħmlu kemm jifilħu storbju ġewwa u barra l-Parlament Ewropew. Jekk ikun hemm bżonn nofru reżistenza billi xi wħud minn dawn l-immigranti irregolari noħorġulhom passaport Malti u allura jkollhom il-libertà li jmorru fejn iridu fl-Ewropa, li l-Afrika qiegħda hemm mhux biss biex tifridna.


J'Alla aktar u aktar politiċi u artikolisti jkollhom l-istess kuraġġ bħalma wrew l-Avukati Gavin Gulia u Toni Abela, li poġġew bil-fatti l-interess ta' Malta u tal-Maltin l-ewwel u qabel kollox!

 

Grazzi mill-qalb għal darb'oħra!

 

U nisperaw ukoll li ħadd issa ma jakkuża lil Gavin Gulia, Toni Abela, Josè Herrera u l-Ministru Frendo b'xenofobija jew razziżmu għax qalu dak li għidna u ktibna aħna u l-ANR!

 

Grazzi wkoll lil Muscat

 

Tafu kemm ilna nħambqu dwar il-kwistjoni ta' l-għoli fil-prezz tal-mediċini minħabba r-reġistrazzjoni tal-mediċini li trid l-UE.

 

Fl-aħħar il-Membru Parlamentari Ewropew Joseph Muscat għamel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea u jidher li din fl-aħħar qiegħda tagħti widen u taqbel, li la darba mediċina tkun diġà rreġistrata f'xi pajjiż ieħor ta' l-UE, allura l-istess mediċina tkun tista' tiġi rreġistrata awtomatikament f'kull pajjiż ieħor ta' l-UE, inkluża Malta, bla ma jidħlu spejjeż kbar kif qiegħed jiġri llum. 

 

Lil Joseph Muscat ngħidulu “grazzi u prosit”!


Li ma nistgħux nifhmu però, hu kif soluzzjoni daqstant sempliċi kellu jgħaddi daż-żmien kollu biex il-Kummissjoni Ewropea tinduna bil-paprata li kienet qed issir u li kienet qiegħda tolqotna ħażin ħafna.

 

Konna nippretendu li l-istess Kummissjoni Ewropea kellha tinduna b'dan żmien ilu u mhux qagħdet tistenna lil Joseph Muscat, għan-nom tal-Partit Laburista, li jqajjem din il-problema li tant qiegħda ġġib tbatija lill-morda u pazjenti Maltin u Għawdxin!

 

Lil Gvern Nazzjonalista ngħidulu “imissek tistħi” li int m'għamilt xejn tul dan iż-żmien kollu u issa, bil-wiċċ tost kollu, qiegħed ukoll tipprova tnaqqas il-mertu ta' Joseph Muscat u l-Oppozizzjoni Laburista għal inizjattiva li ħadu għall-ġid tal-poplu Malti!

 

Kelmtejn lil “stordut” ta' Il-Mument!

 

Dak li jikteb il-paġna 30 tal-ġurnal Nazzjonalista Il-Mument taħt il-psewdonomu “Stordut”, reġa' ħaseb fina tas-CNI.

 

Għadha ma tistax tinżillu minn griżmejh li kkwotajna siltiet minn artiklu ta' Anna Mallia fil-Malta Today, u li kien kollu difiża għal pajjiżna u l-poplu Malti f'din il-kriżi li għandna bil-wasla ta' eluf ta' klandestini f'pajjiżna.


Billi l-esponenti tal-Gvern ma kinux lesti li jitkellmu ċar fil-pubbliku (għalkemm fil-privat tgħidx kemm kienu u għadhom jitkellmu) dwar din il-problema għax jibżgħu li tat-Times tgħajjarhom “razzisti”, allura kull min lest li jpoġġi l-interess ta' pajjiżna l-ewwel, ‘Stordut’ u sħabu tal-PN malajr jittimbrawh “tal-Lemin estrem”!


Però kif rajna ġimgħa ilu u qed nuru wkoll illum f'din l-istess paġna, anke l-Ministru Michael Frendo fl-aħħar qabżitlu ċ-ċinga.

 

U qal kliem ta' kritika li l-Kummissjoni Ewropea ma tantx ħadet gost bih, rigward din il-problema.


Illum qegħdin nikkwotaw ukoll x’kitbu l-Onor Gavin Gulia u l-Avukat Toni Abela.

 

Għalhekk jidher li esponenti miż-żewġ partiti bdew jiċċaqilqu u ‘Stordut’ aktar se jistordi jsib ruħu waħdu jiġġieled ma’ l-imtieħen tar-riħ!


Parir wieħed nagħtuh: imur jorqod raqda twila forsi jiġi f'sensih u ma jibqax aktar ‘Stordut’!

 

 

Taqbila :lil Stordut ta’ Il-Mument

 

Mhux ta’ b’xejn li int Stordut,

Ta’ l-PN tidher kelb tal-but !

U la stordut ma timxix dritt,

Ħmerijiet biss int erġajt żidt !

 

Għad ma ndunajtx li l-poplu tagħna,

Dwar il-klandestinji qiegħed jgħid bħalna.

Issa anki Gavin, Toni u Mikiel,

L-argument tiegħek għamluh għarbiel.

 

Li tiddefendi lil art twelidek,

U ma tħalli ‘l ħadd illi jkun sidek,

Hu d-dover tagħna l-Maltin,

Biex ma nibqgħux hekk maħkumin !

 

Qawl Malti

 

Il-barrani jixwik u jieklok. Ta’ ġewwa jixwik u ma jiklokx

 

Tifsira: Jagħmlu kemm jagħmlulek ħsara niesek qatt m’huma se jeqirduk għax id-demm jiġbed.

 

Is-Sibt, 22 ta’ Lulju, 2006

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ