MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Kriżi profonda fl-UE

Fil-konferenza stampa li ta fil-lejl bejn il-Ġimgha u s-Sibt li għadda, wara l-falliment tal-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi membri ta’ l-UE, il-President tal-Kunsill Ewropew, Jean Claude Juncker, Prim Ministru tal-Lussemburgu, stqarr li l-Unjoni kienet fi kriżi profonda.

Juncker deher diżappuntat, diżgustat u demoralizzat.

Huwa sfoga d-diżappuntament tiegħu billi żvela li hemm qasma kbira bejn il-pajjiżi li jridu li l-Unjoni Ewropea tkun biss suq komuni wieħed kbir u l-pajjiżi l-oħrajn li jridu l-integrazzjoni politika aktar ta’ l-Ewropa.

Il-President tal-Kunsill Ewropew kien diżgustat meta stqarr li ħass mistħija kbira jisma’ lill-għaxar pajjiżi membri ġodda, wieħed wara l-ieħor, joffru li jnaqqsu mill-fondi mwegħda lilhom, basta l-proġett ta’ l-Unjoni jkun jista’ jitkompla.

Juncker kixef kemm kien demoralizzat meta qal li huwa kien ferħan li wasal biex fl-aħħar tax-xahar itemm is-sitt xhur tal-presidenza tal-Kunsill Ewropew.

Il-kliem ta’ Jean Claude Juncker ifisser li l-kriżi fl-Unjoni Ewropea hija mhux biss dwar il-finanzjament ta’ l-Unjoni, iżda wkoll dwar il-kunċett politiku tagħha.

Jigifieri, l-Unjoni tinsab maħkuma minn kriżi politika dwar f’hiex għandha tikkonsisti l-Unjoni, u x’għandhom ikunu l-iskopijiet tagħha.

Dan il-punt kompla saħħu l-Prim Ministru Tony Blair meta fil-Konferenza Stampa wara l-falliment tal-laqgħa nhar is-Sibt, sostna li kien il-vot le tal-poplu Franċiż għall-Kostituzzjoni Ewropea l-kaġun ewlieni għall-falliment tal-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

Quddiem din il-qagħda mwegħra fejn is-sisien stess ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin jitregħdu, il-Prim Ministru Malti qata’ figura fqira ħafna meta llimita l-kummenti tiegħu dwar it-telfien tal-fondi għal pajjiżna u l-periklu li jisfrattaw il-proġetti li kienu maħsubin li jsiru bihom fis-sena 2007 u fis-snin ta’ wara.

Il-Prim Ministru Gonzi, li jum qabel kien ftaħar li kien laħaq il-miri tiegħu fil-fondi li pajjiżna se jingħata, wera li lanqas fehem x’inhi l-kwistjoni fundamentali li pajjiżna, u l-pajjiżi l-oħrajn kollha ta’ l-Unjoni jridu jiffaċċjaw.

Din il-problema hija li l-popli ta’ l-Ewropa ma jaqblux mal-mexxejja politiċi tagħhom dwar il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea u dwar is-setgħat ta’ l-Unjoni u dwar kif titmexxa l-Unjoni.

Li din hija l-problema fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea ntwera ċar mill-Franċiżi u l-Olandiżi fir-referenda li kellhom dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll jirriżulta mill-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika fil-Ġermanja, fl-Ingilterra, fid-Danimarka, fil-Polonja u f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni.

F’dawn il-pajjiżi kollha, il-maġġoranza hija kontra l-Kostituzzjoni Ewropea.

Il-popli ta’ l-Ewropa kontra l-Kostituzzjoni Ewropea

Qishom biex jisfidaw il-maġġoranza tal-Maltin li hija kontra il-Kostituzzjoni Ewropea, nhar is-Sibt li għadda l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approvaw dokument li jsostni għaliex Malta għandha tirratifika l-Kostituzzjoni Ewropea u tkompli bil-proċess tar-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni.

Fid-dokument tal-Partit Nazzjonalista jintqal li la darba l-Kostituzzjoni nkitbet bis-sehem li ħadu r-rappreżentanti Maltin fil-Konvenzjoni li kienet twaqqfet biex tfassal il-Kostituzzjoni, hija tirrappreżenta l-vizjoni ta’ pajjiżna għall-futur ta’ l-Ewropa.

Din il-konklużjoni li wasal għaliha d-dokument ta’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista hija żbaljata, għax ir-rappreżentant tal-Gvern Malti, il-Professur Seracino Inglott, kien ressaq quddiem il-Konvenzjoni viżjoni totalment differenti minn dik li l-Kostituzzjoni li ġiet miftehma, tħaddan.

Id-dokument ta’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista jgħid ukoll li n-newtralità ta’ Malta tibqa’ rikonoxxuta permezz tad-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralità li Malta għamlet u li hija annessa mat-Trattat tas-Sħubija.

Hawn ukoll il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista huwa għal kollox żbaljat. Għax fil-waqt li l-Kostituzzjoni Ewropea iġġedded it-Trattat tas-Sħubija ta’ l-2003, tħalli barra għal kollox id-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralità ta’ Malta li l-Gvern Malti kien hemeż mat-Trattat tas-Sħubija f’Ateni fis-16 ta’ April, 2003.

Id-dokument ta’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista jsostni l-ħrafa li l-Unjoni Ewropea se tkun fattur ta‘ għaqda politika f’Malta.

Din il-ħrafa ma tistax titwemmen għax hekk kif fil-pajjiżi kollha li ilhom numru ta’ snin imseħbin fl-Unjoni Ewropea xorta waħda hemm firda politika partiġġjana fost il-poplu, hekk ukoll f‘Malta wara s-sħubija, il-firda politika partiġġjana mhux se tonqos.

Wieħed għandu jżid jgħid li kif rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-Unjoni Ewropea firdet bil-kbir il-poplu ta’ Franza u l-poplu Olandiż.

Aktar minn hekk, f’dawn l-aħħar ġranet, rajna firda liema bħala bejn l-istess mexxejja tal-pajjiżi membri ta’ l-UE fis-Summit li għadu kif intemm f’falliment kbir.

Huwa b’sogħba li nnotaw li l-politiċi Maltin ma jitgħallmu qatt minn dak li seħħ f’pajjiżi oħra.

F’ħafna pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea hemm illum firda kbira bejn il-poplu u l-mexxejja politiċi dwar l-UE u l-aktar issa dwar il-Kostitzzjoni Ewropea.

Il-maġġoranza tal-poplu hija kontra l-Kostituzzjoni Ewropea, fil-waqt li l-politiċi jriduha.

Anki f’Malta, il-maġġoranza tal-Maltin hija kontra l-Kostituzzjoni Ewropea.

Dan jirriżulta ċar minn kull stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li sar.

Għalhekk hija arroganza kbira tal-politiċi tagħna li ma jistmawx l-opinjoni tal-poplu u jwebbsu rashom biex japprovaw Kostituzzjoni li l-popli ta’ l-Ewropa ma jridux.

Vot ta’ sfiduċja fl-UE

Il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE fil-laqgħa tagħhom fi Brussels il-ġimgha l-oħra, dehru mħawdin u mitlufin għall-aħħar wara li l-popli Franċiżi u Olandiżi qalu le għall-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.

Il-mexxejja wrew li m’għandhomx id-dehen jiffaċċjaw ir-realtà li qatt ma kienu mħejjijin għaliha, jiġifieri, li l-poplu ta’ l-Ewropa ma jaċċettax il-Kostituzzjoni li huma fasslu, u li minħabba f’hekk, il-Kostituzzjoni ma tistax tidħol fis-seħħ.

Il-Kostituzzjoni ma tistax tidħol fis-seħħ għax anki kieku 23 pajjiż kellhom jirratifikawha, la darba Franza u l-Olanda mhux se jirratifikawha, il-Kostituzzjoni nqatlet.

Kull pajjiż li se jirratifikaha, se jirratifikaw ħaġa mejta fil-ġuf ta’ l-UE.

Kull pajjiż li jagħmel ir-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea jrid jiddepożita l-istrument tar-ratifika f’Ruma, mal-Gvern Taljan, fejn it-Trattat kien iffirmat fid-29 ta’ Ottubru, 2004.

Il-Gvern Taljan se jkollu jħejji ċimiterju għat-trabi mwielda mejta tar-ratifiki li jsiru u li saru tal-Kostituzzjoni Ewropea maqtula minn Franza u l-Olanda.

Fil-laqgħa għolja ta’ Brussels ma setax jonqos il-Prim Ministru Gonzi u l-akkolti miegħu, fosthom il-Ministru Frendo u l-Ambaxxatur Cachia Caruana.

Gonzi deher serju ħafna meta kkonferma d-deċiżjoni assurda li l-Gvern Malti se jissokta bil-proċess tar-ratifika fil-Parlament tal-Kostituzzjoni mejta ta’ l-Unjoni.

Tnikkitna naraw il-mexxej ta’ pajjiżna lanqas biss jirrealizza l-assurdità ta’ dan il-pass tat-tkomplija tal-proċess tar-ratifika, li se jirredikolana f’għajnejn l-Ewropej ta’ l-affari tagħhom u li jafu jaħsbu, u li se jwaqqa’ għaż-żuffjet il-membri parlamentari Maltin li se jiddedikaw ħinhom jiddiskutu għalxejn Kostituzzjoni Ewropea li ma tistax tidħol fis-seħħ.

Jisgħobbina li f’pajjiżna s-serviliżmu jipprevali fuq is-serjetà u l-faqar politiku jirrenja.

Għax trid tkun servili u nieqes mis-serjetà u politikament vojt u fqir biex ma jkollokx il-kuraġġ tgħid lill-UE li hija m’għandhiex ma tagħtix każ tal-ħafna raġunijiet qawwija ferm li wasslu lill-maġġoranza kbira tal-Franċiżi u l-Olandiżi biex jivvotaw kontra l-Kostituzzjoni Ewropea.

Id-diċenza morali u d-dehen politiku jitolbu li l-UE tagħmel eżami sewwa tal-kuxjenza u tifli bir-reqqa għax il-poplu ta’ l-Ewropa ma jridx il-Kostituzzjoni li tfasslet.

L-Unjoni għandha mhux tostina rasha, iżda għandha tieħu l-passi meħtieġa ħalli ssewwi n-nuqqasijiet enormi li wasslu biex saħansitra tnejn mis-sitt popli li waqqfu l-Unjoni u li huma meqjusin bħala pilastri ta’ l-Unjoni, jagħtuha vot ta’ sfiduċja.

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

L-Erbgha, 22 ta' Gunju, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ