MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE qed tagħmel ħsara lil pajjiżna

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

L-akbar żewġ intrapriżi f’pajjiżna li jħaddmu bejniethom ’l fuq minn 4,000 ħaddiem, l-STmicroelectronics u l-Malta Shipyards għaddejjin minn diffikultajiet kbar li parti minnhom jaħtu għalihom il-politika u r-regoli li l-Unjoni Ewropea ġagħlet lil pajjiżna jaddotta meta ssieħeb fl-Unjoni.

Bħala konsegwenza tas-sħubija fl-Unjoni, daħħalna l-munita komuni l-Ewro, li minħabba s-saħħa tagħha meta mqabbla
mad-Dollaru Amerikan u l-Isterlina Ingliża, żiedet l-ispejjeż ta’ l-intrapriżi f’pajjiżna u naqqset il-valur tal-bejgħ li jsir bid-dollaru u bl-isterlina. 

 

Dan il-fattur laqat ħażin kemm lil STmicroelectronics kif ukoll lil Malta Shipyards.

 

Il-‘levies‘ u t-taxxi li l-Unjoni Ewropea ġġiegħel lil pajjiżna jimponi fuq id-diżil u l-prodotti l-oħrajn taż-żejt ikomplu jgħollu aktar il-prezz tagħhom u jkomplu jżidu l-ispejjeż ta’ l-intrapriżi li jużawhom, kif ukoll l-ispiża tagħhom għall-elettriku li jikkonsmaw. 

 

It-taxxa tal-VAT li l-Unjoni Ewropea tisħaq li titħallas fuq il-prodotti u s-servizzi, kompliet għolliet il-prezzijiet tagħhom u għalhekk żiedet l-ispejjeż għall-intrapriżi li jużawhom.

Dawn il-fatturi negattivi kollha, riżultat tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, qegħdin itaqqlu l-mixja ta’ l-intrapriżi ta’ pajjiżna. 

 

Magħhom jiżdied il-fattur negattiv l-ieħor li l-Unjoni Ewropea ma tħallix li tingħata għajnuna mill-Gvern lill-intrapriżi biex ikunu jistgħu ikampaw u jżommu fl-impjieg lill-ħaddiema tagħhom.

 

Barra dawn il-fatturi negattivi kollha, fil-każ tal-Malta Shipyards, l-Unjoni Ewropea mponiet kundizzjonijiet li jkomplu jxekkluha aktar. 

 

Bl-iskuża ta’ pjan ta’ ristrutturar ta’ seba’ snin bejn il-2002 u t-2008, l-Unjoni Ewropea illimitat il-volum tax-xogħol li jista’ jsir fit-Tarzna. 

 

L-Unjoni qatgħetha li t-Tarzna ma tistax tibni vapuri b’aktar minn 10,000 tunellata azzar fis-sena. 

 

Din il-limitazzjoni ta’ 10,000 tunellata azzar fis-sena mposta mill-Unjoni Ewropea għamlitha impossibbli li l-Malta Shipyards taċċetta li tieħu kuntratt ta’ bini ta’ għaxar bastimenti ta’ madwar 30,000 tunellata l-wieħed.

 

Issa tħabbar li kuntratt għall-bini ta’ tlieta minn dawk il-bastimenti, b’valur ta’ biljun dollaru, ittieħed minn tarzna fil-Polonja.

It-telfien ta’ dan il-kuntratt tal-bini ta’ bastimenti għall-imprenditur Joseph Cala, jagħti raġun lil dawk kollha li jsostnu li l-Unjoni Ewropea ma trid tagħmel xejn biex ma tħallix li t-Tarzna ta’ Malta jkollha tagħlaq wara li fl-aħħar ta’ din is-sena ma tingħatax aktar għajnuna mill-Gvern.

Bir-raġun ukoll jaqgħu suspetti fuq il-Prim Ministru Gonzi u l-Ministru Gatt. 

 

X’inhuma jagħmlu dawn biex il-Malta Shipyards ma tagħlaqx? 

 

Issemmiet li parti minnha tiġi privatizzata. 

 

Dan jogħġob lill-Unjoni Ewropea, iżda jkun ta’ ħsara għat-Tarzna jekk titlef dik il-parti minnha li tagħmel il-qliegħ u għalhekk hija attraenti għall-privat.

 

X’jiswa li ntqal fid-diskors tal-President fil-ftuħ tal-Parlament li għandna vantaġġi u wirt storiku fit-tradizzjoni tat-Tarznari tagħna, jekk imbagħad ma għandniex il-kuraġġ li ngħidu lill-Unjoni Ewropea li akkost ta’ kollox it-Tarzna m’għandhiex tingħalaq u n-nies tas-sengħa m’għandhomx jintbagħtu jagħmlu xogħol li ma jitlob ebda sengħa?

Pajjiżna ma jiflaħx jarmi r-riżors uman tan-nies imħarrġin fis-snajja fit-Tarzna, bħal ma ġara ħames snin ilu meta mijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa spiċċaw mit-Tarzni u ntbagħtu fuq xogħol tal-Gvern, tal-Parastatali u tal-Kunsill Lokali, li ma kien jitlob ebda sengħa.

Hemm bżonn li nieqfu lill-Unjoni Ewropea u ma nħalluhiex tkompli tagħmel ħsara lil pajjiżna u lill-ħaddiema tagħna.

 

L-Unjoni Ewropea qed tgħolli l-ħajja

 

Qisu hawn kompetizzjoni bejn il-politiċi minn minnhom jilgħaq l-aktar lill-UE. 

 

Mingħalihom li b’hekk jirbħu l-voti. 

 

Ma jafux li qegħdin jitilfu ġieħhom u jnaqqsu r-rispett għalihom tal-ħaddiema. 

 

Speċjalment ta’ l-eluf ta’ ħaddiema li minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jew tilfu l-impjieg li kellhom jew tnaqqsulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol li kellhom.

Ħafna mill-problemi li qegħdin niffaċċjaw illum jew huma konsegwenza tal-politika u r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea, jew konna nistgħu negħlbuhom aħjar li kieku ma konniex imxekklin bil-politika u r-regoli li l-Unjoni ġġiegħlna nħarsu.

Problema ewlenija hija dik ta’ l-għoli tal-ħajja. 

 

Il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-għoli tal-ħajja hija li tħalli s-suq u l-kompetizzjoni jirregolaw il-prezzijiet u ma tippermettix li l-Gvern jikkontrollahom. 

 

Ir-riżultati ta’ din il-politika narawhom fil-mod kif kuljum jogħlew mingħajr ma l-pagi jiżdiedu biżżejjed biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet.

 

Man-nuqqas ta’ kontroll tal-prezzijiet, l-Unjoni Ewropea tkompli taggrava l-problema ta’ l-għoli tal-ħajja billi tgħabbi l-prezzijiet bit-taxxa tal-VAT fuqhom. 

 

Aktar ma l-oġġett jew is-servizz isir jiswa, aktar tkun l-ammont ta’ taxxa tal-VAT li titħallas fuqu. 

 

Meta l-oġġett jew is-servizz ikun jiswa għaxar Ewros, jitħallas Ewro u tmien ċenteżmi taxxa tal-VAT. 

 

Meta l-istess oġġett jew servizz isir jiswa d-doppju, 20 Ewro, jitħallsu tliet Ewro u sittin ċenteżmu taxxa tal-VAT fuqu. 

 

B’dan il-mod il-politika ta’ l-UE li tisħaq li titħallas it-taxxa tal-VAT fuq kull oġġett u servizz, qiegħda tkompli tgħolli l-prezzijiet ta’ l-oġġetti u tas-servizzi.

Jekk irridu tassew li nrażżnu l-għoli tal-ħajja, għandna l-ewwel nifhmu li rridu nabbandunaw il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li titħallas taxxa tal-VAT b’persentaġġ tal-valur ta’ l-oġġetti u s-servizzi. 

 

Għax anki meta jibqa’ l-istess persentaġġ ta’ taxxa, l-ammont tat-taxxa jiżdied meta l-oġġett jew is-servizz jiswa aktar. 

 

Jekk il-Gvern iħoss li jista’ jdaħħal inqas mit-taxxi u għalhekk jista’ jnaqqashom, l-ewwel ma għandu jagħmel huwa li jnaqqas ir-rata tat-taxxa tal-VAT. 

 

B’hekk kulħadd jiffranka u l-poplu jibqgħalu aktar flus f’idejh x’jonfoq, fil-waqt li jonqsu l-prezzijiet.

 

Din il-miżura fiskali ma togħġobx lill-Unjoni Ewropea li ssostni politika li timponi aktar taxxi indiretti fil-waqt li tnaqqas it-taxxi diretti. 

 

B’inqas taxxi fuq id-dħul, igawdu aktar min idaħħal l-aktar u ma jgawdi xejn min id-dħul tiegħu huwa baxx.

 

B’taxxa aktar baxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi, igawdi aktar min jonfoq kull ma jdaħħal, għall-bżonnijiet tal-ħajja. 

 

Għalhekk fl-għażla bejn taxxa u oħra, hemm prinċipju etiku ta’ ġustizzja soċjali li l-Unjoni Ewropea ma temminx bih.

Pajjiżna għandu l-isfortuna li għall-politiċi, il-lagħaqiżmu ta’ l-Unjoni Ewropea huwa aktar importanti mill-ħarsien tal-prinċipji soċjali li konna nħarsu qabel is-sħubija fl-Unjoni. 

 

Biex nerġgħu nsibu l-boxla soċjali, irridu ninfatmu mill-politika anti-soċjali ta’ l-UE. 

 

Biex iseħħ dan, il-politiċi jridu jwarrbu l-ambizzjonijiet u l-interessi personali tagħhom li huma sodisfatti mill-UE u jfittxu minflok li jħarsu l-interessi tal-kotra tal-poplu, li l-Unjoni ma jinteressahiex minnhom.

 

L-Unjoni Ewropea qed timmilitarizza ruħha

 

Minflok tħeġġeġ id-diżarm ġenerali, l-Unjoni Ewropea qiegħda tisħaq għal infieq akbar fuq l-armamenti.

 

Franza u l-Ġermanja l-aktar li qegħdin jinsistu li l-Unjoni għandha tkun forza militari qawwija għax skond huma, hekk biss l-Unjoni tista’ tifrex il-politika u t-twemmin ekonomiku tagħha madwar id-dinja.

Tistenna li għal ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, is-saħħa politika u ekonomika ta’ l-Unjoni mhix biżżejjed, jekk ma jkunx hemm magħha s-saħħa militari. 

 

Għax ħafna minnhom għandhom f’demmhom il-mikrobu li jrid jiddomina popli oħrajn. 

 

Għal sekli sħaħ,

* ħafna mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni – 

* Franza, 

* l-Ingilterra, 

* il-Ġermanja, 

* l-Olanda, 

* Spanja, 

* il-Portugall, 

* l-Italja, 

* l-Awstrija – 

kienu jaħkmu kolonji mifruxin ma’ l-erba’ rjiħat tad-dinja.

Issa huma għaddew id-demm kolonizzatur tagħhom lill-Unjoni li qegħdin imexxu u jridu li l-Unjoni taħtaf taħt idejha kemm tiflaħ popli oħrajn, bħalma għamlet lil pajjiżna.

 

Meta fis-sitt xhur minn Lulju li ġej il-President Franċiż Nicolas Sarkozy ikun President tal-Kunsill Ewropew, huwa mistenni li jmexxi ’l quddiem il-bini ta’ l-Armata Ewropea u x-xiri ta’ l-armamenti mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni ħalli jissaħħu l-forzi militari tagħhom. 

 

Huwa jisħaq fuq politika ta’ difiża komuni għall-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni għax jemmen li titħares is-sigurtà tagħhom. 

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Franza, Bernard Kouchner, fil-bidu ta’ din il-ġimgħa stqarr li l-Unjoni Ewropea ma jkollhiex influwenza fuq pajjiżi oħrajn, jekk ma jkunx hemm difiża komuni Ewropea.

Ta’ l-istess fehma huwa l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, li aktar kmieni dan ix-xahar, tkellem favur it-twaqqif ta’ forza armata Ewropea u wera x-xewqa tiegħu li din isseħħ bla dewmien. 

 

Huwa wera li t-Trattat ta’ Lisbona se jħaffef it-triq għal dan.

 

Il-Ministru tad-Difiża tal-Polonja, Bogdan Klich, ftit tal-jiem ilu qal li jistenna li l-Unjoni Ewropea ma ddumx ma tiddiskuti kif jiżdiedu l-ħiliet militari tagħha. 

 

It-Trattat ta’ Lisbona jagħmel possibbli l-integrazzjoni militari tal-pajjiżi membri, billi jgħid li għandu jsir it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni miftehma unanimament mill-Kunsill Ewropew.

Malta, b’disprezz għan-newtralità, se ssib ruħha magħġuna fil-makna tal-gwerra ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Ħamis, 22 ta’ Mejju, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ