MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Sejħa lid-delegati Laburisti
Appoġġ jingħata mill-poplu lill-partit politiku minħabba t-twemmin tal-partit u fuq in-nies tal-partit li lesti jistinkaw u jissagrifikaw ruħhom ħalli jwettqu dak it-twemmin.
Il-Partit Laburista emmen li l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna kellha ssir mill-Maltin.
U meta ħa t-tmexxija tal-pajjiż, wettaq dak it-twemmin.
Il-Partit Laburista emmen ukoll li l-Kostituzzjoni Maltija kellha tkun l-ogħla u l-aqwa liġi fil-pajjiż.
U meta kien fil-gvern, wettaq dak it-twemmin.
Biex iwettaq it-twemmin tiegħu, il-Partit
Laburista kellu jaħdem qatigħ għal numru ta’ snin ħalli
jirnexxilu jikkonvinċi lill-maġġoranza tal-poplu tħaddan it-twemmin
Laburista.
Mhux il-Partit ċeda t-twemmin tiegħu biex kiseb l-appoġġ
tal-maġġoranza, iżda l-Partit żamm it-twemmin tiegħu
ħalli jirbaħ l-appoġġ tal-maġġoranza għat-twemmin
tal-Partit.
Hekk kiber u ssaħħah il-Partit Laburista, mhux billi rema t-twemmin tiegħu biex jiġri wara
l-magġġoranza, iżda billi stinka ħalli jġib il-maġġoranza
tħaddan it-twemmin tal-Partit.
Mela jekk il-Partit Laburista jrid
jibqa’ partit kbir, b’saħħtu, u sħiħ, irid iżomm
it-twemmin tiegħu li l-Kostituzzjoni Maltija tibqa’
l-ogħla u l-aqwa
liġi għall-poplu tagħna u kull liġi magħmula mill-Unjoni Ewropea, li aħna msieħbin fiha, ma tkunx aqwa u ogħla
mill-Kostituzzjoni tal-poplu Malti.
Dan huwa t-twemmin fundamentali tagħna u ma għandna niċħduh
għall-ebda raġuni.
Meta l-maġġoranza tal-poplu Malti tara li l-Partit
Laburista mhux se jitkaxkar bħal ma se jagħmel il-Gvern
taparsi Nazzjonalista biex iċedi s-supremazija tal-Kostituzzjoni
tal-poplu Malti għal-liġijiet li
l-Unjoni Ewropea tagħmel, il-maġġoranza
tal-Maltin u Għawdxin tasal biex tifhem li l-Partit Laburista
biss ma jbiegħx
ruħu lill-barrani u lanqas jarmi ruħu għall-konvenjenza politika.
Il-maġġoranza sentejn ilu ma vvutatx biex il-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jegħlbu u jipprevalu fuq
il-Kostituzzjoni tagħna.
Il-maġġoranza vvutat biss favur li l-liġijiet ta’ l-Unjoni jegħlbu l-liġijiet li l-Parlament Malti jagħmel.
B’hekk il-maġġoranza ċediet is-supremazija tal-Parlament
Malti u għaddietha lill-Unjoni Ewropea.
Imma l-Unjoni Ewropea mhux kuntenta li ħaditilna s-supremazija
tal-Parlament tagħna bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni.
Issa trid teħdilna wkoll is-supremazija tal-Kostituzzjoni tagħna billi ġġiegħel lill-Oppożizzjoni Laburista tivvota mal-Gvern Nazzjonalista favur il-prinċipju legali oxxen li hemm fil-Kostituzzjoni ġdida Ewropea li jgħid li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel ikunu superjuri mhux biss għal-liġijiet tal-Parlament Malti, iżda saħansitra għall-Kostituzzjoni tal-poplu Malti.
Kien bis-saħħa u l-ħidma tal-Partit Laburista fis-snin imgħoddija li saret il-Kostituzzjoni Maltija.
Trid tkun l-Oppożizzjoni Laburista
li ma tħallix illum li l-Kostituzzjoni Maltija
titgħaffeġ taħt
is-saqajn tal-barranin li sabu lill-Gvern Nazzjonalista
Malti lest li jittradixxi l-Kostituzzjoni Maltija li ħalef li lejha kellu
jkun fidil u leali.
Se jkun il-Partit Laburista kompliċi
f'dan it-tradiment tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u
tal-ksur tal-ġurament
ta’ lealtà lejha? Id-delegati
Laburisti dan ma jippermettuħx.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ġimgħa, 22 ta' April, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ