MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Stħarriġ ta’ l-UE iffalsifikati

Kulħadd jaf
li ‘speedometer’ huwa strument li jkejjel l-ispeed jew veloċità.
‘Barometer’ huwa strument li jkejjel il-‘bar’, li tfisser kejl tal-pressjoni.
Il-barometru li jiddendel ma’ ħajt ta’ kamra, jimmarka l-pressjoni ta’ l-atmosfera u bih tkun taf x’temp se jkun.
Il-Kummissjoni Ewropea ta’ l-UE tuża barometru kif jissejjah
‘EUbarometer’.
Dan jikkonsisti fi stħarriġ li jsiru regolarment minn aġenti mhux magħrufa tal-Kummissjoni f’kull pajjiż ta’ l-Unjoni biex jistħarġu l-opinjoni tal-poplu tal-pajjiż.
Bihom il-Kummissjoni ssir taf kif jaħsibha l-poplu dwar direttivi li l-Unjoni tagħti u politika li tfassal.
Jekk mill-istharriġ jirriżultalha li l-poplu ma jaqbilx ma’ xi direttivi jew politika ta’ l-Unjoni, il-Kummissjoni ma tibdilx id-direttivi jew politika, iżda tuża kull mezz ta’ propoganda jew mezzi oħrajn biex il-poplu jibla’ jew joqgħod għal dak li l-Kummissjoni Ewropea tkun trid.
Għall-Kummissjoni Ewropea huwa importanti li tkun taf kif jaħsibha
l-poplu dwar xi miżura li l-Unjoni tkun se tieħu jew x’inhi
l-pressjoni tal-poplu dwarha, għax jekk tasal tgħaġġel tieħu
miżuri li l-poplu mhux lest jaċċetta, il-poplu jiċħadhom
u l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea jispiċċaw jitfarrku.
Il-Kummissjoni Ewropea taf tuża’ tattika mxajtna kif taljena l-opinjoni pubblika fuq kwistjoni kbira ħalli fl-istess ħin iseħħ li trid hi mingħajr mal-poplu jintebah x’qed jiġri.
Hekk f’Malta
ġara fil-kwistjoni tal-klandestini.
Bis-saħħa tal-midja mgħejjuna mill-UE, il-poplu kien mitluf fuq l-invażjoni tal-klandestini mill-Afrika u fuq it-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet tal-lemin u tal-lemin estrem kontra l-klandestini.
Iżda l-poplu njora l-invażjoni ħafna akbar ta’ barranin mill-UE, li fosthom (skond ċifri uffiċċjali mogħtija mill-Gvern) hemm anki ’il fuq minn 2, 700 ħaddiem.
L-eluf ta’ barranin li ġew mill-UE, barra li ħadu xogħol
il-Maltin, krew jew xtraw proprjetà f’pajjiżna.
Konsegwenza ta’ dan il-fatt għandna żieda enormi fil-kera u aktar u aktar fil-prezz tal-proprejtà.
La l-kera għoli ta’ llum u lanqas il-prezz għoli tal-proprjetà m’huma relatati mal-livell ta’ pagi u salarji f’Malta u ħolqu għalhekk problema soċjali serja.
Il-KE timxi bi pjan biex tiżgura li f’pajjiżna titwettaq il-politika
ta’ l-Unjoni.
L-istħarriġ ta’ l-‘Eurobarometer’ jagħtuha t-tagħrif meħtieġ dwar il-pressjoni tal-pubbliku Malti u l-Kummissjoni taddatta l-isforzi tagħha skond il-pressjoni tal-pubbliku Malti u tqis meta jkun wasal iż-żmien li tintroduċi dak li trid hi, bħal m’huma d-divorzju, iż-żwieġ bejn koppji ta’ l-istess sess, l-awtenasja u ħwejjeġ oħrajn li l-Kummissjoni tista’ toħlom bihom.
Min ma jaqbilx ma’ l-UE u l-politika tagħha jistaqsi lilu nnifsu jekk għandux
jgħin lill-Unjoni tilħaq l-għanijiet tagħha billi huwa jieħu
sehem fl-istħarriġ li hi tagħmel, meta wieħed jaf li hija tuża’
l-istħarriġ mhux biex tagħmel x’irid il-pubbliku, iżda
biex taħseb x’passi għandha tieħu ħalli ġġib
il-pubbliku jaċċetta dak li trid hi u hi tilħaq l-għanijiet
tagħha.
Min ma jridx jgħin lill-Unjoni, jista’ ma jweġibx għall-mistoqsijiet li jagħmlulu meta jkunu qiegħed isir l-istħarriġ jew jista’ iwieġeb ħażin ħalli jiffalsifika r-riżultat ta’ l-istharriġ.
B’mod jew ieħor, min ma jridx ikun kompliċi f’dak li l-Unjoni tagħmel, m’għandux jitħalla li jintuża minnha.
In-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħu tgħin biex il-miljuni li l-Unjoni tonfoq fil-propoganda biex jaħdmu l-imħuħ tan-nies, jissarrfu f’suf.
Issa
kulħadd jagħtina raġun dwar il-kaċċa u l-insib
Kull min qara x’intqal fid-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew fuq ir-riżoluzzjoni li tressqet biex iġġiegħel lill-Gvern Malti jikkonforma ruħu mad-direttiva dwar il-konservazzjoni tat-tajr selvaġġ, ma setgħax ma ndunax li dak li ntqal mill-Membri Parlamentari Ewropej Maltin jikkonferma kemm dak li ilna ngħidu aħna tas-CNI minn ħafna qabel ir-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali, kien “il-verità”, jiġifieri li kemm il-Gvern Nazzjonalista u anki l-Unjoni Ewropea kienu qegħdin jingannaw lill-poplu Malti u Għawdxi.
L-istess Dr Simon Busuttil, li dak iż-żmien kien imexxi lill-MIC,
l-uffiċċju responsabbli biex jinforma lill-poplu Malti dwar dak li
kellu x’jaqsam man-negozjati li kienu għaddejjin bejn il-Gvern Malti u
l-Kummissjoni Ewropea, akkuża lill-Kummissjoni li f’dawk in-negozjati
qatt ma semmiet li kemm alternattiva oħrajn għall-kaċċa
fir-Rebbigħa u kienet qiegħda ssemmieha llum.
Simon Busutill talab lill-Kummissarji Stavos Dimas biex issa jagħti spjegazzjoni għaliex kienu qagħdu kwieti dak in-nhar.
Id-Deputat
Ewropea Nazzjonalista l-ieħor, David Casa stqarr li r-riżoluzzjoni li
tressqet fil-Parlmaent Ewropew timmina l-kredibbiltà ta’ l-istituzzjonijiet
Ewropej.
U huwa staqsa “X’garanzija għandna aħna l-Maltin li l-UE għad iżżomm kelmitha fuq il-bqija tan-negozjati?”
Dak li qal David Casa qalu qablu Eddy Privitera fil-Kummentarju fuq Smash TV
nhar il-Ħamis, 8 ta’ Marzu, meta staqsa:
“Jekk allura l-UE mhux qiegħda żżomm ftehim li suppost (skond il-Gvern) hi ħalqet mal-Gvern Malti dwar delizzju, kif nistgħu nafdawha li se żżomm ma’ ftehim li sar mal-Gvern Malti fuq affarijiet ferm aktar serji, bħal l-abort?”
Naturalment, meta qrajna x’qal David Casa fil-Parlament Ewropew ma stajniex ma
niftakrux kemm huwa kien jinċensa lill-UE u juriha bħala paladin
tad-demokrazija, serjetà u trasparenza.
Mur għidlu li wara inqas minn tliet snin li daħal fil-Parlament Ewropew, beda jinduna li dawk in-nies tal-Kummissjoni “ma tistax tafdahom”.
Imma aħjar tard minn qatt!
U nirringrazzjawh li b’dak li qal tana ċertifikat mill-aqwa dwar dak li aħna dejjem għidna lill-poplu dwar l-UE.

Kien però d-Deputat Joseph Muscat li tkellem bla kantunieri, meta akkuża kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea li daħku bil-poplu Malti.
Lill-Gvern Nazzjonalista akkużah li nganna lill-poplu meta tah l-impressjoni li kien kiseb kollox.
U lill-Kummissjoni Ewropea akkużha li meta kienet taf li l-Gvern ma kienx qed jagħti stampa vera ta’ dak li ġie negozjat, baqgħu siekta.
Dan kollu jkompli jikkonferma kemm għandna raġun meta ngħidu li
l-vot favur is-sħubija fl-UE kien “inkiseb b’ingann”.
Hu għalhekk is-CNI qatt ma tista’ tqis dak il-vot bħala li jirrappreżenta r-rieda ħielsa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dak il-vot jirrappreżenta “biss ir-rieda ta’ min ried jinganna lill-poplu tagħna”.
Fil-kummentarju ta’ llum fuq Smash TV, Eddy Privitera se juri l-provi ta’ l-ingann li sar lill-kaċċaturi u n-nassaba.
Ftehim
tas-sħubija fl-UE, invalidu u null
Meta jkun ipprovat li l-kunsens f’kuntratt inkiseb b’ingann, il-Qorti tiddikjara l-kuntratt invalidu u null.
Issa huwa pprovat li għall-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-poplu kien ingannat dwar il-kaċċa u l-insib fir-Rebbigħa.
Għalhekk il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni għandu jitqies invalidu
u null.
La darba d-deċiżjoni tal-poplu għas-sħubija fl-Unjoni hija
nvalida u nulla minħabba l-ingann tal-poplu, ħadd m’għandu
jsostni li għandna noqgħodu għal dik id-deċiżjoni u naċċettaw
is-sħubija fl-Unjoni.
F‘demokrazija r-rieda tal-maġġoranza tirbaħ meta r-rieda li
tintwera tkun ħielsa minn l-ingann.
L-ingann jinvalida u jannulla r-rieda tal-maġġoranza u m’hemmx aktar obbligu biex dik ir-rieda invalida u nulla titħalla titwettaq.
La darba l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea huwa invalidu u null minħabba
l-ingann tal-kunsens tal-poplu, min jirrispetta lill-poplu Malti ma jaċċettax
li jkompli jseħħ ftehim li jorbot lill-poplu joqgħod għad-deċiżjonijiet
u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li għenet biex il-poplu Malti jkun
ingannat jivvota ‘IVA’ għall-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni.
Taxxi
ġodda mill-UE
Għalkemm
is-Slovakkja hija waħda mill-pajjiżi li bħal Malta rratifikat
il-Kostituzzjoni ta’ l-UE li kontra tagħha vvotaw il-Franċiżi u
l-Olandiżi, il-Ministru tal-Finanzi Slovakk, Ivan Miklos, ftit ilu qal li
biddel fehmtu dwar il-Kostituzzjoni, għax x’ġie miftiehem
fil-Kostituzzjoni dwar l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jista’ jżid
il-pressjoni ħalli t-taxxi jkunu armonizzati fil-pajjiżi ta’
l-Unjoni u dan ikun ta’ ħsara għall-pajjiżu.
Ivan Miklos qal li ma jkunux fl-interess ta’ l-iżvilupp ekonomiku u għall-kompetittività
ta’ l-UE li l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni tkun adottata, jekk din tqarreb
l-armonizzazzjoni tat-taxxi.
Ftit tax-xhur ilu, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mit-Taxxi, Laszlo Kovacs,
qal li jrid jagħmel taxxa komuni għall-kumpaniji fis-sena 2008.
Hu kkritika lil dawk li jsostnu li kull pajjiż hu sovran dwar x’taxxi jagħmel, għax skond hu, m’hemmx raġunjiet għal dan jew huwa qatt ma sema’ argumenti konkreti kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxi fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni.
Huwa kompla jgħid li kien jemmen li l-kompetizzjoni mhix inqas importanti mis-sovranità tat-taxxi.
Laszio Kovacs tkellem dwar pjan tad-dħul ta’ taxxa ta’ l-UE ħalli
din it-taxxa tieħu l-post tal-kontribuzzjonijiet li l-pajjiżi membri
jagħmlu llum lill-Unjoni.
Hu tal-fehma li din it-taxxa ta’ l-Unjoni tkun magħduda mat-taxxa tal-VAT u b’hekk tinġabar mill-ewwel mingħand iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri u minnufih tintbagħat lill-Unjoni.
Saret proposa oħra biex it-taxxa ta’ l-Unjoni tkun waħda li
tinqata’ mill-paga, bħal ma jiġri fil-każ tat-taxxa tad-dħul
(income tax).
Id-Deputat Franċiż
tal-Parlament Ewropew, Alain Lamassoure, isostni li taxxa li tinqata’
mill-paga tkun aktar trasparenti mill-mod kif l-UE hija finanzjata llum.
Alain Lamassoure qal ukoll li jista’ jkun hemm mod ieħor kif tiġi finanzjata l-Unjoni, billi parti mill-finanzjament ikun f’forma ta’ taxxa fuq id-dħul gross ta’ kull pajjiż membru (‘gross national income’) u parti minn taxxa fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli u fuq id-dazji.
Lamassoure semma wkoll li l-Unjoni tingħata parti akbar mit-taxxa tal-VAT,
tas-SISA fuq fjuwil tat-trasport, tas-SISA fuq it-tabakk u alkoħol u li
ssir taxxa ġdida fuq l-qligħ tal-kumpaniji u dawn kollha jmorru dritt
għall-baġit ta’ l-UE.
Issemmew minn oħrajn taxxi ġodda fuq l-isħma (shares), fuq
transazzjonijiet finanzjarji u fuq ‘savings’, li jmorru direttament għand
l-Unjoni.
Dan kollu jurina li għandna nistennew xita ta’ taxxi ġodda min-naħa
ta’ l-UE. '
Il-Ħamis, 22 ta’ Marzu, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ