MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Is-sħubija fl-UE ċekknet
lill-Parlament Malti
Għalkemm l-Avukat Toni Abela jgħidilna “Ma naqbilx magħkom”, aħna naqblu miegħu f’dak li kiteb il-Ħadd li għadda dwar il-Parlament Malti.
Huwa qal li
jibza’ li l-proċess oċeaniku ta’ liġijiet li pajjiżna
jirċievi mill-Unjoni Ewropea qiegħed jagħmel il-Parlament tagħna
wieħed tat-Tieni Divizjoni.
Id-deputati tagħna, lanqas kieku jridu, ma jistgħu jlaħħqu mat-tsunami ta’ liġijiet li tibgħatilhom l-Unjoni.
L-Avukat Abela kompla jgħid li kieku d-deputati tagħna jridu jbiddlu partijiet mil-liġijiet li l-Unjoni tibgħatilhom, lanqas jistgħu, għax bit-trattat tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, il-Parlament Malti aċċetta li dak kollu li jiġi f’forma ta’ liġi mill-Unjoni ma jistax jintmess jew jinbidel mill-Parlament Malti.
Aktar minn
hekk, il-Parlament Malti aċċetta li kwalunkwe liġi li jagħmel
li mhix konformi jew kompatibbli ma’ xi liġi ta’ l-Unjoni Ewropea,
titqies li hija liġi li ma għandha ebda effett.
Toni Abela lmenta li l-umiljazzjoni tal-Parlament tagħna hija akbar għax fil-waqt li liġi tiegħu hija attakkabbli minn kull ċittadin Malti billi kulħadd jista’ jitlob lill-Qorti tiddeċiedi li l-liġi li l-Parlament Malti għamel hija kontra l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, fil-każ ta’ liġi ta’ l-Unjoni Ewropea dan ma jistax jagħmlu.
Waqt li ċ-ċittadini Maltin jistgħu jagħmlu użu minn referendum abbrogattiv biex iwaqqgħu liġi tal-Parlament Malti, dan ma jistgħux jagħmluh dwar liġi li tibgħatilna l-Unjoni Ewropea, anki jekk tkun kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Masġar
ta’ liġijiet
L-Avukat Abela qal li l-aktar impressjonanti hu l-mod kif l-Unjoni tagħmel kwantitŕ kbira ta’ direttivi u regolamenti fuq kull ħaġa ta’ xejn.
Qisu r-rigment ta’ l-uffiċjali burokratiċi ta’ l-Unjoni jridu jiġġustifikaw is-salarji tagħhom billi jivvintaw kemm jifilħu liġijiet, bħal kemm għandha tkun il-kurvatura ta’ ħjara u tal-banana, kemm buttuna għandha tkun kbira u kemm għandha jkollha toqob, u saħansitra x’tip ta’ linka trid tintuża fl-istampar tal-liġi.
Ifasslu l-liġijiet mingħajr ma jqisu d-differenzi kulturali u soċjali tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni.
Toni Abela
jikkummenta li l-masġar wara masġar ta’ liġijiet li l-Unjoni
Ewropea tagħmel, lanqas il-Kremlin ta’ l-Unjoni Sovjetika fl-aqwa tiegħu
ma kien jagħmel.
X’ġara mill-Parlament Malti, jistaqsi Dr Abela?
Ma jagħtix it-tweġiba ħlief li josserva li l-Parlament Malti llum huwa pjuttost qisu guva kbira ta’ pappagalli għax sar qisu gaġġa ta’ kliem.
“Mingħajr abort se naqtgħulek il-flus”.
Dan qiegħda tgħidu l-Unjoni Ewropea lill-Gvern tan-Nikaragwa, kif irrapporta tant tajjeb il-ġurnalist kapaċi, Victor Vella ta’ l-orizzont fil-ħarġa tat-12 ta’ Frar.
Fit-30 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, f’din l-istess paġna tas-CNI, kellna artiklu bit-titlu:
“Il-kaċċa, l-abort u l-Unjoni Ewropea”.
Dak in-nhar
konna qabbilna l-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tridx li l-kaċċaturi
Maltin u Għawdxin jikkaċċjaw fir-Rebbiegħa ħalli
l-gamiem u s-summien ikollhom iċ-ċans jibqgħu telgħin lejn
l-Ewropa fejn ibejtu u jwelldu l-frieħ tagħhom, mal-fatt li l-istess
UE taċċetta l-qtil ta’ trabi li ma jkunux għadhom twieldu, iżda
li diġŕ jkunu hadu l-ħajja.
Għall-Unjoni Ewropea l-frieħ tas-summien u l-gamiem huma aktar importanti mit-trabi tal-bnedmin u tagħtihom aktar protezzjoni.
Jekk forsi fit-30 ta’ Novembru kien hemm min ħaseb li konna qegħdin nesaġeraw, issa jaħsibha mod ieħor wara li qara r-rapport tat-12 ta’ Frar tal-ġurnalist Victor Vella, li tana raġun.
Fir-rapport qrajna kif f’ġurnali Kattoliċi nkixef li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tan-Nikaragwa biex iħassar liġi li għadda s-sena l-oħra kontra kull tip ta’ abort.
Skond il-Catholic News Agency, ir-rappreżentanti ta’ l-Unjoni Ewropea heddew li jaqtgħu l-għajnuna ekonomika lil Nikaragwa jekk il-pajjiż ma jneħħix dik li liġi li għamel li tipproteġi l-ħajja ta’ trabi li għadhom ma twieldux.
Ir-rappreżentant ta’ l-Unjoni Ewropea fin-Nikaragwa, Marc Livine, ġie kkwotat li qal:
“L-Unjoni Ewropea tqis l-abort legali hu assoċjat ma’ programmi ta’ għajnuna
kontra l-faqar u parti mid-drittijiet tan-nisa”.
Aħna kemm-il darba ktibna f’din il-paġna u għidna fuq is-Smash TV li l-Unjoni Ewropea, mhux biss m’għandix ruħ soċjali, iżda lanqas għandha ruħ ta’ xejn.
Din l-istorja tan-Nikaragwa tikkonferma kemm kellna raġun ngħidu dan.
Naraw imbagħad
l-ipokresija bla limitu ta’ l-Unjoni Ewropea meta din tgħid li ma taqbilx
u ma tridx li anki min iwettaq l-agħar atti kriminali, inkluż qtil, li
jingħata sentenza ta’ mewt.
Dan urietu biċ-ċar meta saħqet li l-eks-President dittatur ta’ l-Iraq, Saddam Hussein, ma kellux jinqatel, minkejja li kien responsabbli għal-mewt ta’ mijiet, jekk mhux ta’ eluf ta’ Iraqqini.
L-istess Unjoni Ewropea mhux biss qiegħda taċċetta l-qtil ta’ trabi innoċenti li għadhom ma twieldux, meta tħalli l-istati membri tagħha jwettqu l-abort, iżda “hi stess” qiegħda tesigi li titneħħa liġi li hija kontra l-abort.
B’hekk, l-Unjoni Ewropea trid il-qtil ta’ dawk it-trabi innoċenti li lanqas jingħataw id-dritt li jitwieldu, bħal ma hija trid li jitwieldu l-gamiem u s-summien.
Mhux ta’ xejn li d-“dittaturi” ta’ l-Unjoni Ewropea ma riedux isemmu l-għeruq Kristjani ta’ l-Ewropa fil-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jidher li Alla ma riedx iħalliha għaddejja lixxa għax il-poplu ta’ Franza u l-Olanda qatluha!
Meta
l-prezz taż-żejt għola mas-smewwiet, l-UE ġagħlet
lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri fl-Unjoni jagħmlu taxxi għoljin
fuq il-prodotti taż-żejt, bħall-petrol, diżil u pitrolju,
bl-iskuża li jitrażżan il-konsum tagħhom.
Anki f’pajjiżna, il-prezzjijiet ta’ dawn il-prodotti għandhom parti kbira minnhom taxxi miżjudin mill-Gvern.
Issa l-Unjoni trid terġa’ tgħolli t-taxxi fuq il-prodotti taż-żejt u tfasslet direttiva ġdida li se titressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi li mis-sena 2012 ’il quddiem
* l-inqas taxxa tkun ta’ 359 Ewro fuq kull 1000 litru ta’ fjuwil u
* mis-sena 2014 l-inqas taxxa tkun ta’ 380 Ewro fuq kull 1000 litru ta’ fjuwil u
* mis-sena 2018, it-taxxa titla għal 400 Ewro kull 1000 litru fjuwil (240 gallun).
Dan ifisser li kull gallun fjuwil ikollu madwar 72-il ċenteżmu taxxa mposta mill-UE.
Skond il-Forum Malta fl-Ewropa, bħalissa
* t-taxxa fuq id-diżil hija ta’ 302 Ewro fuq kull 1000 litru
* li se titla’ għal 330 Ewro fis-sena 2010, filwaqt li
* t-taxxa fuq il-petrol bla ċomb hija 359 Ewro kull 1000 litru.
Kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni jrid jimponi taxxa fuq il-fjuwil mhux inqas mill-inqas rata li tgħid l-Unjoni, iżda jista’ jimponi taxxa aktar għolja.
M’hemmx dubju li t-taxxi fuq il-prodotti taż-żejt jkomplu jgħollu l-ispiża tal-produzzjoni u tas-servizzi u tat-trasport u jgħollu b‘konsegwenza l-prezzijiet ta’ kollox.
Dawn it-taxxi
jgħollu r-rati tad-dawl u ta’ l-ilma u għalhekk għandhom impatt
kbir fuq l-ispejjeż tal-familji u l-għoli tal-ħajja.
Jekk Gvern ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni jifhem li fl-interess nazzjonali m’għandux jintaxxa l-fjuwil jew għandu jbaxxi t-taxxi fuq il-fjuwil ma jistgħax jagħmel dan allavolja tkun qiegħda ssir ħsara lill-pajjiz jekk dan ma jsirx.
Dak li tgħid l-Unjoni jiġi qabel dak li għandu bżonn il-pajjiż.
F’din il-qagħda tinsab Malta llum wara s-sħubija fl-Unjoni.
Qabel ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni, kienu jiżguraw
lill-poplu li l-Unjoni ma tindaħalx fit-taxxi tal-pajjiż.
It-taxxi li l-Unjoni timponi fuq il-prodotti taż-żejt jgiddbu dak li l-propogandisti ta’ l-Unjoni kienu jgħidu lill-poplu.
Anki t-taxxa tal-VAT hija xogħol ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-istess hija t-taxxa ambjentali u d-dazji fuq l-oġġetti li ninportaw minn pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni.
Dawn kollha nistgħu neħilsu minnhom meta noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Tlifna
bis-sħubija
Kemm ilu li
pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, sar aktar diffiċli għall-ħaddiema
li jitilfu l-impjieg li jsibu xogħol alternattiv, kemm għax naqas
ix-xogħol f’ħafna fabbriki, kif ukoll għaliex ħaddiema
mill-Unjoni Ewropea għandhom dritt jiġu jaħdmu Malta u jieħdu
x-xogħol tal-Maltin u l-Għawdxin.
Minn tagħrif mogħti wara mistoqsija parlamentari jirriżulta li hawn f’Malta uffiċjalment jaħdmu 2,759 ħaddiema mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dawn huma magħrufin mill-Gvern.
Jidher li hawn oħrajn li ma humiex reġistrati iżda xorta waħda qegħdin jagħmlu xogħol f’Malta flok ħaddiema Maltin.
It-tort huwa ta’ l-Unjoni Ewropea li tinsisti fuq id-dritt tal-moviment ħieles tal-ħaddiema ta’ l-Unjoni.
Minn mistoqsijiet parlamentari sar magħruf ukoll li hemm ftit aktar minn 200 Maltin u Għawdxin li marru jaħdmu ma’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li għal kull persuna li marret taħdem minn Malta ma’ l-Unjoni Ewropea, ġew 13-il persuna jaħdmu f’pajjiżna mill-Unjoni Ewropea.
Hekk nistgħu naraw kemm morna minn taħt minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin jiġu tilfu 2,559 post tax-xogħol (2759-200) li ttieħdu mill-ħaddiema ta’ l-Unjoni Ewropea.
Mal-ħsara
li l-ħaddiema Maltin qegħdin iġarrbu minħabba l-ħaddiema
ta’ l-Unjoni Ewropea li qegħdin jeħdulhom ħobżhom, irridu
nżidu l-ħsara l-oħra li qiegħda ssir minħabba l-mijiet
ta’ immigranti illegali li għandna f’pajjiżna, ukoll tort tas-sħubija
fl-Unjoni Ewropea.
Ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-immigranti illegali ma jħalluniex nieħdu l-passi meħtieġa biex l-immigranti illegali ma jibqgħux f’pajjiżna.
X’uħud minnhom, wara ċertu żmien f’pajjiżna, jingħataw jagħmlu xogħol minflok ħaddiema Maltin.
Dawn jitħallsu
inqas mill-ħaddiema Maltin u għalhekk is-sidien jippreferuhom għall-Maltin.
* L-immigranti illegali li jispiċċaw jaħdmu f’pajjiżna,
* mhux biss jieħdu l-ħobż tal-ħaddiema Maltin,
* iżda huma spiża għall-pajjiż f’dawk li huma servizzi tas-saħħa,
* konsum tad-dawl u ta’ l-ilma fiċ-ċentri fejn jinżammu mill-Gvern,
* pagi tas-suldati u tal-pulizija li jgħassuhom, u
*
l-ispejjeż l-oħrajn
kollha li l-Gvern għandu bl-immigranti illegali.
Il-Gvern qal li s-sena l-oħra nefaq kważi tlett miljuni u nofs liri
Maltin fuq l-immigranti illegali.
Dawn il-flus ġew mit-taxxi tal-poplu u kienu jintefqu għall-ġid tal-poplu li kieku ma marrux għall-immigranti illegali li r-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea jġagħluna nżommu f’pajjiżna, minkejja li pajjiżna ma jiflaħx għall-ispiża u ma għandux xogħol x’joffrilhom għax ma għandniex biżżejjed għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Hekk morna
tajjeb bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea!
Il-Ħamis, 22 ta’ Frar, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ