MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Il-politika tal-UE twassal għal kriżi ekonomika
Joaquin Almunia, il-Kummissarju
Ewropew responsabbli mill-Ekonomija, jumejn ilu ħabbar li s-16-il pajjiż tal-UE
li huma fiż-Żona Ewro se jkomplu bir-riċessjoni ekonomika matul din is-sena
kollha u l-qgħad se jogħla għar-rata ta’ 10%
Din l-aħbar kerha ngħatat minkejja
li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-ewro niedew pjani ta’ investimenti biex
jinċentivaw il-kummerċ u nfieq kbir ta’ fondi pubbliċi ħalli jżidu x-xogħol u l-impjiegi.
Il-pajjiżi taż-Żona Ewro jinsabu fi kriżi ekonomika minkejja li huma kienu
qegħdin jimxu skont ir-regoli finanzjarji stabbili mill-UE għat-tmexxija tajba
tal-ekonomija b’saħħitha li tikkontrolla kemm id-daqs tad-deficit ta’ kull sena,
kif ukoll ir-rata tad-dejn nazzjonali tal-pajjiż.
Din il-politika tal-UE ma salvathomx milli jaqgħu f’riċessjoni ekonomika, kif
qegħdin naraw li jinsabu fiha l-aqwa pajjiżi tal-ewro, bħalma huma l-Ġermanja,
Franza, Spanja, l-Awstrija, l-Olanda, l-Italja u l-Belġju.
Dan il-fatt għandu jurina li wara kollox il-politika ekonomika tal-UE u taż-Żona
Ewro m’hijiex daqstant stabbli u b’saħħitha daqskemm kienu jiftaħru biha l-propagandisti
tagħha.
Dan ix-xenarju ta’ deżolazzjoni finanzjarja u ekonomika li l-pajjiżi tal-UE
għandu jħassibna u jġiegħlna nikkunsidraw mill-ġdid x’hemm ħażin u difettuż
fil-politika finanzjarja u ekonomika tal-Unjoni, partikolarment taż-Żona Ewro.
Il-propagandisti f’Malta tal-Unjoni
ma jridux li l-poplu jirrealizza dan, iżda kull min huwa tal-affari tiegħu u
jħares il-ġid ta’ pajjiżna, għandu jirrifletti dwar dak li għaddejja minnu l-UE,
ħalli nwarrbu l-politika li tat ir-riżultati diżastrużi li qegħdin naraw illum.
Anke l-fatt li l-Irlanda għaddejja bħalissa minn kriżi ekonomika kbira, jurina
kemm mhix sostenibbli l-politika li l-UE ġiegħlitha tħaddan.
L-istess jista’ jingħad għall-kriżi li ħakmet lil Spanja, li qiegħda turina li
l-politika tal-Unjoni imħaddma minn Spanja ma tiżgurax suċċess fit-tul.
Bħall-Irlanda u Spanja, iżda għal raġunijiet differenti, hemm pajjiżi oħrajn fl-UE,
bħall-Ungerija, il-Latvja u l-Greċja, li jinsabu f’qagħda finanzjarja mwegħra
ħafna, minkejja li mxew skont il-politika ddettata mill-blokk Ewropew.
Anke f’pajjiżna, fejn imxejna skont ma trid l-UE, din is-sena għandhom jonqsu l-esportazzjoni
u l-importazzjoni, u jiżdied il-qgħad, minkejja l-ftaħir li sseħibna f’suq kbir
komuni tal-Unjoni.
L-UE taħti għas-sagrileġġ tat-Tarzna
L-Unjoni Ewropea ħeġġet lill-Gvern Malti
* jħarbat lit-Tarzna u
*
jirrovina issa l-impjieg ta’ 1,700
ħaddiema
tas-sengħa,
* sitt snin wara li kienet fasslet pjan ta’ ristrutturar li,
* fost ħwejjeġ oħrajn,
* tellef dak iż-żmien madwar 1,000 impjieg ieħor fit-Tarzna, u
* waqqaf li jsir xogħol fil-Baċir Numru 1 ta’ Bormla.
* L-UE qatt m’aċċettat li l-fondi tagħha jintużaw għat-Tarzna u
* għamlet matul dawn l-aħħar sitt snin limitu fuq l-għajnuna li l-Gvern Malti seta’ jagħti lit-Tarzna,
* minbarra li illimitat ukoll in-numru tal-ħaddiema li setgħu jinżammu fiha u
* l-volum tax-xogħol li dawn setgħu jagħmlu.
L-Unjoni għamlitilna dawn ir-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol u l-impjieg f’Malta, meta pajjiżi oħrajn tal-Unjoni kienu qegħdin jonfqu l-biljuni biex jiżdiedu l-impjiegi u x-xogħol ħalli tingħeleb ir-riċessjoni ekonomika li ħakmet lill-Unjoni.
Fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi mwegħra
tal-lum, gvern responsabbli u li jrid iħares il-ġid tal-pajjiż jagħmel minn
kollox biex isalva x-xogħol u l-impjiegi.
Iżda l-Gvern Malti qiegħed jagħmel l-oppost ta’ dan.
Qiegħed jeqred l-impjieg ta’ 1,700 ħaddiem u jħarbat ix-xogħol li kienu jagħmlu fit-Tarzna u li kien qiegħed jikseb kull sena miljuni fi dħul mill-klijenti barranin li jsewwu l-vapuri tagħhom fit-Tarzna.
Id-dħul tat-Tarzna kien parti mill-esportazzjoni
tal-pajjiż.
Filwaqt li biex jinħolqu postijiet ġodda tax-xogħol jeħtieġ li jintefqu l-miljuni,
il-Gvern qed jonfoq il-miljuni (xi €56 miljun) biex jeqred il-1,700 post tax-xogħol
li kellna fit-Tarzna.
Din hija storja ta’ għajb kbir, kemm għal pajjiżna, kif ukoll għall-UE li trid li sseħħ din il-ħerba sagrilega u inġustizzja soċjali kbira.
F’pajjiżna għandna bżonn li nżidu postijiet ġodda tax-xogħol, mhux nagħlqu dawk li għandna.
Jekk hemm qasam tax-xogħol li huwa l-aktar maqtugħ għal gżiritna f’nofs il-Mediterran, dan huwa l-qasam marittimu u tat-tiswija tal-vapuri u l-jottijiet.
Għandna għal dan ix-xogħol l-assi
strutturali ta’ portijiet adattatissimi u għandna faċilitajiet mill-aqwa ta’
baċiri u mollijiet.
Għandna fuq kollox minjiera ta’ ħaddiema tas-sengħa magħrufin għall-ħila tax-xogħol ta’ tiswija tal-vapuri.
Minflok m’aħna nisfruttaw din
il-fama, qegħdin narmuha l-baħar… għax hekk trid l-UE!
It-telf li pajjiżna qiegħed iġarrab bit-tmiem tal-impjieg ta’ 1,700 ħaddiem tat-Tarzna
huwa ħafna u ħafna akbar mill-ammont ta’ għajnuna li kien ikun hemm bżonn
tingħata biex l-1,700 ħaddiem jibqgħu jaħdmu fit-Tarzna.
Ma jiswiex li jingħad li x’uħud minnhom sabu jew isibu impjieg ieħor.
Għax dawn ikunu qegħdin jieħdu
xogħol minflok ħaddiema oħrajn qgħeda li qegħdin fil-fatt ifittxu x-xogħol.
L-UE stess qiegħda tbassar li din is-sena l-qgħad f’pajjiżna għandu jiżdied.
Għalhekk żgur mhux il-mument li nġibu fit-tmiem 1,700 impjieg tat-Tarzna.
Kien ikun aħjar għal pajjiżna kieku konna kapaċi li nżidu l-għadd ta’ ħaddiema u b’hekk, ngħinu biex negħlbu l-effetti tar-riċessjoni fil-qasam tal-industrija u fil-qasam tat-turiżmu.
Is-sagrileġġ li qed isir mit-Tarzna la se jintesa u lanqas qatt jinħafer, u l-UE għandha parti kbira mit-tort.
Il-Parlament u l-immigranti illegali
Il-Parlament Malti għadu ma ħax
passi biex titwaqqaf l-invażjoni tal-immigranti illegali f’pajjiżna, minkejja l-allarm
li hawn fost il-poplu, l-aktar f’dawk l-inħawi ta’ pajjiżna fejn hemm numru kbir
ta’ immigranti.
Il-poplu Malti issa jaf li l-Unjoni
Ewropea mhix lesta tadotta l-miżuri meħtieġa biex inwaqqfu l-immigrazzjoni
illegali, u jekk irriduha tieqaf, jeħtieġ li aħna nimxu għal rasna f’din
il-kwistjoni u nagħmlu li hemm bżonn nagħmlu.
Biex inwaqqfu l-immigrazzjoni illegali, jeħtieġ li ma nżommux f’pajjiżna l-immigranti
illegali u nibgħatuhom lura lejn pajjiżhom mingħajr ma naċċettaw skużi xejn.
L-immigranti li jkunu jafu fiċ-ċert
li se jintbagħtu lura, ma jkunux lesti li jħallsu l-flus u jissograw ħajjithom
għal xejn, ladarba huma se jkunu ripatrijati, iridu jew ma jridux.
Il-politika ta’ pajjiżna ta’ ripatrijazzjoni sfurzata, ladarba tkun magħrufa
minn kulħadd, tiskuraġġixxi lill-immigranti illegali.
Sakemm l-invażjoni tal-immigranti illegali tieqaf għal kollox, pajjiżna irid ikun lest li jħallas l-ispiża kollha meħtieġa biex tittrasporta lejn pajjiżhom dawk l-immigranti illegali li jsibu ruħhom f’pajjiżna.
Ma tkunx spiża żgħira, iżda tkun ħafna inqas mill-ispiża kbira li pajjiżna għandu biex iżomm lill-eluf ta’ immigranti illegali fiċ-ċentri, kemm dawk magħluqin kif ukoll dawk miftuħin.
Il-politika ta’ ripatrijazzjoni sfurzata teħtiġilna li ninħallu mill-irbit li fl-aħħar snin pajjiżna daħal fih dwar ir-refuġjati u l-immigranti illegali u li llum kulħadd qed jara li dan kien ta’ dannu kbir għall-poplu Malti.
Hekk jeħtieġ l-interess nazzjonali u biex inħarsu l-interess nazzjonali, għandna nuru l-istess qlubija li hija mistennija minna fi żminijiet ta’ kriżi.
Għax l-invażjoni tal-immigranti
illegali qiegħda toħolqilna kriżi, li jekk ma nieqfulhiex issa, tkompli tikber
billi kull xahar li jgħaddi, jikber l-għadd ta’ immigranti illegali f’pajjiżna.
Il-poplu Malti xeba’ jisma’
bil-laqgħat u bid-diskussjonijiet tal-UE dwar l-immigrazzjoni illegali u
sadanittant l-immigranti jibqgħu ġejjin aktar spiss u f’numri akbar.
Jekk l-UE ma tridx li lill-immigranti illegali nibgħatuhom lura lejn pajjiżhom,
għandha teħodhom hija u żżommhom hija.
Iżda mhux sewwa li ġġiegħlna bilfors inżommuhom, meta ċ-ċokon ta’ pajjiżna u d-daqs kbir tal-popolazzjoni tagħna ma jippermettulniex li nżommuhom fi gżiritna.
Nistgħu ukoll nippermettu lill-immigranit illegali jitilqu minn pajjiżna u jmorru fejn iridu anke fil-pajjiżi tal-UE.
Wara kollox, huma hemm dejjem riedu jmorru, mhux jiġu f’pajjiżna biex joqogħdu hawn.
Stħarriġ pubbliku juri li l-poplu huwa mħasseb ħafna dwar l-immigranti illegali u jistenna li tittieħed azzjoni konkreta u drastika ħalli l-invażjoni ta’ l-immigranti titwaqqaf.
Ikun f’waqtu li nsusu fuq ir-rappreżentanti fil-Parlament ħalli jaġixxu f’din il-kwistjoni.
Għal dan l-iskop għandha ssir petizzjoni popolari bil-firem taċ-ċittadini Maltin ħalli tintbagħat lill-Parlament Malti u fiha jintalab li mingħajr aktar dewmien il-Parlament għandu jieħu passi konkreti biex titwaqqaf l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.
Din żgur hija r-rieda tal-maġġoranza, hu x’inhu t-twemmin politiku tagħhom.
Mhix kwistjoni ta’ partiġġjaniżmu
politiku, iżda hija kwistjoni nazzjonali.
Min irid jgħin jista’ jikkuntattjana fl-indirizz: Is-Segretarju, CNI, 60 Triq
id-Dejqa, Valletta.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 22 ta’ Jannar, 2009
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ