MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Is-sensji minħabba s-sħubija fl-UE
Il-protagonisti ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin jagħmlu sforzi kbar ħalli jipperswadu lill-poplu, li huwa rrabjat għalihom, li s-sensji li ngħataw u l-oħrajn li huma mhedda m’humiex marbuta mal-ftehim ta’ sħubija fl-UE.
Iżda
l-verità hi li l-ftehim ta’ sħubija fl-UE huwa kemm il-kaġun
tas-sensji, kif ukoll l-kaġun tan-nuqqas ta’ miżuri li għandhom
jittieħdu ħalli l-pajjiż jilqa’ għas-sensji u joħloq
xogħol alternattiv għalihom.
Qabel ir-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali lill-poplu ngannawh b’ħafna
gideb.
Issa
qegħdin jipprovaw ikomplu jidħku bih billi jżaħħdulu l-verità.
L-UE hija ħatja fl-ingann tal-poplu daqs il-protagonisti Maltin favur is-sħubija
sħiħa ta’ Malta fl-Unjoni.
Hija taf li l-politika ekonomika u soċjali tagħha qiegħda tagħmel ħerba mill-industriji tal-manifattura u mill-industriji ta’ l-informatika fil-pajjiżi membri tagħha.
Dawn l-industriji qegħdin joħorġu mill-UE u jemigraw għal pajjiżi oħrajn, speċjalment iċ-Ċina u l-Indja.
L-istess
ħaġa qiegħda sseħħ f’Malta minħabba l-politika
ekonomika u soċjali li l-ftehim tas-sħubija fl-UE qed iġiegħel
lill-Gvern iwettaq.
Il-qgħad
jikber
Bil-ftehim ta’ sħubija fl-UE li l-Gvern għamel, l-ewwel ma tħarbtet kienet l-industrija li taħdem għas-suq Malti.
Il-Gvern
ċeda d-dritt li jagħti għajnuniet lill-industrija lokali għax
l-UE tgħidlu li l-għajnuna tal-Gvern tikser ir-regoli
tal-kompetizzjoni u tas-suq.
Fiċ-ċokon tas-suq Malti, l-industrija lokali tista’ tmexxi biss jekk
tingħata għajnuna.
Bl-għajnuna
li l-Gvern ta lill-industrija fl-imgħoddi, kibret l-industrija f’Malta u
ħadet post ix-xogħol u l-impjiegi li qabel kienu pprovduti biss
mis-servizzi Ingliżi f’Malta.
Bl-industrija lokali jgawdu l-industrijalisti u l-imprendituri Maltin u dawn
jipprovdu xogħol u mpjieg lill-ħaddiema Maltin.
Il-ftehim
ta’ sħubija fl-UE, li ħarbat l-industrija lokali, ta daqqa ta’
ħarta lil ħafna industrijalisti u imprendituri Maltin u kkaġuna
s-sensji ta’ ħafna ħaddiema Maltin.
Sakemm jibqa’ l-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni li l-Gvern Malti għamel,
l-industrija lokali tibqa’ tmur għall-agħar u s-sensji jiżdiedu.
L-ekonomisti li ma jagħtux kas tas-sensji u l-konsulenti li ma jimportahomx
mill-qgħad, lill-industrijalisti u l-imprendituri Maltin jagħtuhom il-
parir iwaqqfu l-fabbriki mhux f’Malta, iżda fil-pajjiżi barranin
barra l-Unjoni Ewropea fejn jaqblilhom aktar.
Dawn l-ekonomisti u l-konsulenti huma ħatja daqs il-Gvern Malti u daqs l-UE
għall-ħerba li saret u aktar se ssir mill-industrija lokali u mill-impjiegi
tal-ħaddiema Maltin.
Idejna
marbutin
Tajjeb li niftakru li l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti qablu fil-ftehim tas-sħubija, li l-Prim Ministru Fenech Adami u l-Ministru Joe Borg iffirmaw f’Ateni fis-16 ta’ April tas-sena l-ohra, li l-impjiegi f’ċerti setturi għandhom jonqsu.
Minflok
l-UE intrabtet li tħares l-impjiegi f’pajjiżna, rabtet lill-Gvern
Malti li jnaqqas l-impjiegi.
Mhux hekk biss, iżda bil-ftehim tas-sħubija, li ffirmaw Fenech Adami u
Borg u li d-deputati Nazzjonalisti vvotaw biex jirratifikaw fil-Parlament Malti
u li xi Laburisti jriduna naċċettaw bl-iskuża li l-maġġoranza
vvotat favurih, il-Gvern Malti ma jistax jagħmel miżuri biex jgħin
lill-fabbriki li jkunu f’diffikultà.
*
Ma jistax jgħinhom fil-kera tal-fabbriki,
* ma jistax jagħtihom għotja ta’ flus,
* ma jistax jissussidjalhom l-imgħax fuq is-self li jagħmlu,
* ma jistax inaqqsilhom ir-rati tad-dawl,
* ta’ l-ilma,
* tat-telefon,
* tal-gass,
* tad-diesel u
ta’ servizzi oħrajn li jiddependu mill-Gvern stess.
Għax,
skond l-UE, dawn il-miżuri governattivi jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni u
tas-suq.
Aqwa u qabel ir-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq hemm il-ħtieġa tax-xogħol
u ta’ l-impjiegi għall-ħaddiema.
Iżda għall-UE il-kompetizzjoni u s-suq jiġu qabel u huma aqwa mix-xogħol tal-ħaddiema u mid-dinjità tagħhom.
Fenech Adami u Joe Borg, li jiftaħru
li huma demokratiċi Insara, baxxew rashom għar-regoli
tal-kompetizzjoni u tas-suq u nsew il-prinċipji soċjali Insara dwar
id-dinjità tal-bniedem u d-dritt għax-xogħol.
Għamlu dan id-dnub għax poġġew l-UE qabel ħuthom il-ħaddiema
Maltin li tilfu u se jitilfu l-impjieg u qabel ħuthom l-industrijalisti u
l-imprendituri Maltin li tilfu u se jitilfu n-negozju tagħhom minħabba
l-politika ħażina ta’ l-UE.
Fil-qagħda mwegħra li ninsabu fiha llum għandu jkollna l-kuraġġ
li naraw xi żball kbir sar bil-ftehim ta’ sħubija ta’ Fenech Adami
u Joe Borg.
Għandu
jkollna l-irġulija li mhux naċċettawh l-iżball, iżda
nwegħdu li nagħmlu minn kollox ħalli nirrangawh billi ma nibqgħux
marbutin bi ftehim li se jeqridna.
Minnu
se jgawdu ftit, li bħal Joe Borg, se jaħtfu l-okkażjoni li
toffrilhom l-Unjoni u jiġu jaqgħu u jqumu mill-eluf ta’ Maltin li se
jġarrbu t-tbatijiet li l-UE se ġġibilna.
L-Arċisqof,
“iż-żarbun skomdu” u l-UE!
Id-Deputat
Laburista Leo Brincat żvela fl-artiklu regolari tiegħu f’dan il-ġurnal
(l-orizzont 12 ta’ Jannar) li waqt li delegazzjoni miż-żewġ naħat
tal-Kamra tar-Rappreżentanti kienet qiegħda żżur
lill-Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-okkażjoni
tal-bdil ta’ xewqat għas-sena l-ġdida, l-Arċisqof għamel
kumment dwar kif iqis is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Skond Brincat, l-Arcisqof Mercieca qal li jqis is-sħubija bħal dak iż-żarbun
li għall-ewwel tħossu skomdu f’riġlejk, sakemm joqgħod
aktar għall-għamla tar-riġlejn.
Brincat
stqarr li sab dan il-kumment bħala “interessanti”.
Ma
naqblux
Aħna tas-CNI ma naqblu xejn ma’ dak il-kumment ta’ l-Arċisqof.
L-ewwelnett għax it-tixbiha ma treġix – għax min imur jixtri żarbun ġdid, jekk iħossu li hu skomdu meta jipprovah, mhux se jixtrih.
It-tieninett,
għax inħossu li jekk l-Arċisqof ħass jew xtaq jagħmel
kumment dwar is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, aktar messu
ħataf l-okkażjoni biex iwassal it-tagħlim soċjali tal-Knisja
dwar il-pjaga tal-qgħad li qegħdin jiffaċċjaw eluf ta’
ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Inħossu li kien ikun aħjar kieku qal kif l-awtoritajiet tal-Knisja
f’Malta jħarsu lejn il-fatt li l-UE ma tħallix lill-gvernijiet
nazzjonali ta’ l-istati membri jgħinu b’diversi inċentivi u miżuri
oħrajn kumpaniji li jkunu f’xi diffikultà li twassalhom biex jissensjaw
lill-ħaddiema.
Jew kif l-awtoritajiet tal-Knisja jaħsbuha dwar il-projbizzjoni ta’ l-UE
għal benefiċċji fiskali (dwar taxxi) biex jattiraw investiment
ħalli jinħoloq ix-xogħol għal ħaddiema bla mpjieg.
Naħsbu li kien ikun aktar interessanti kieku ntqal x’inhi l-pożizzjoni
tal-Knisja f’Malta dwar il-fatt li minħabba s-sħubija fl-Unjoni
Ewropea, il-prezzijiet tal-proprjetà komplew splodew ’il fuq u qegħdin
jagħmluha impossibbli għal koppji żgħażagħ Maltin
li jsibu post ħalli jkunu jistgħu jieħdu l-istat tagħhom u
jifformaw familja.
Fl-opinjoni tagħna kien aktar xieraq li Mons. Arċisqof tkellem f’dan
is-sens, milli għamel kumment “politiku partiġġjan”, li wara
kollox, assolutament ma jreġix!
Kwotazzjonijiet
importanti
Is-Sur Tony Zarb, Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, fit-Times tat-13 ta’ Jannar, 2004, qal hekk:
“Idejn
il-Gvern issa huma tant marbutin bir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea, li lanqas
jista’ jgħin kumpaniji li nixfulhom l-ordnijiet, anke kieku jixtieq jgħinhom.”
Dun Anġ Seychell, f’l-orizzont tat-8 ta’ Dicembru, 2003, kiteb hekk:
“Eżatt
kif qal Dr Simon Busuttil – ‘Jekk tikser il-proporzjonalità, taqa’ fl-illegalità’.
U allura l-argument oriġinali jkun falz. X’jista’ jsir issa? Żewġ
toroq hemm. It-tnejn trid tiddeċiedi dwarhom l-Unjoni Ewropea. Jew tfassal
liġijiet għal pajjiżi zgħar ħafna jew direttivi għall-gżejjer
żgħar, kemm jekk huma pajjiż, kif ukoll jekk huma parti minn
pajjiż. Inkella twaqqaf id-dħul ta’ Malta fl-UE.”
Il-Ħamis, 22 ta’ Jannar, 2004
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ