MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

        

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

   NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

L-UE trid teqred il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna

 

L-għajta “noħorġu mill-Unjoni Ewropea” nstemgħet il-ġimghħa l-oħra minn eluf ta’ kaċċaturi u nassaba li nġabru fir-Rabat biex jipprotestaw kontra r-regolamenti ta’ l-Unjoni li se jeqirdu l-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

Kellhom ragun il-kaċċaturi u n-nassaba jgħidu hekk għax biex isalvaw il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna jridu jeħilsu mill-madmad tar-regolamenti u d-direttivi ta’ l-Unjoni.

Il-politiċi Maltin jagħmlu ħafna ħażin li jbaxxu rashom għal kull ma trid l-Unjoni Ewropea mingħajr ma jagħtu kas x’iridu eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jkomplu jgawdu d-delizzju tal-kaċċa u d-delizzju ta’ l-insib.

L-Unjoni Ewropea anki fil-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib timxi b’ipokrezija kbira. 

 

Fil-pajjiżi kbar ta’ l-Unjoni l-kaċċa u l-insib huma permessi bil-kundizzjoni li huma sostenibbli, li tfisser li l-isparar fuq l-għasafar u l-qbid ta’ l-għasafar għandhom jitħallew sakemm dawn ma jeqirdux l-għasafar tant li ma jkomplux jeżistu. 

 

Għax jekk jinqerdu għal kollox l-għasafar, jinqerdu wkoll il-kaċċa u l-insib tagħhom.

 

F’Malta u f’Għawdex, billi frazzjoni żgħira ta’ għasafar ipassu, issir kemm issir kaċċa u jsir kemm isir insib, m’hemmx l-iċken theddida li għasafar ma jibqgħux jeżistu.

Jiġifieri, m’hawnx kwistjoni tas-sostenibilità tal-kaċċa u l-insib li jeqirdu l-eżistenza ta’ l-għasafar.

L-Unjoni Ewropea ma tipprojbixxix il-qtil ta’ l-għasafar u l-qbid ta’ l-għasafar bħal ma lanqas ma tipprojbixxi l-qtil u l-qbid ta’ annimali oħrajn. 

 

Għalhekk la darba l-Unjoni tammetti l-qtil u l-qbid ta’ l-annimali, m’għandha ebda raġuni teħodha kontra l-kaċċa u l-insib f’pajjiżna sakemm dawn huma sostenibbli.

Il-politiċi Maltin bla sinsla qegħdin juru serviliżmu bla qies meta minflok jirraġunaw ma’ ta’ l-Unjoni Ewropea dwar kif jirregolaw id-delizzji tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna, jaċċettaw bħal ġwejjef dak li jgħidulhom ta’ l-Unjoni u jagħmlu regolamenti li bihom se jeqirdu l-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

Il-politiċi Maltin għandhom iżommu quddiem għajnejhom li huma għandhom l-ewwel iħarsu x-xewqat u l-konvinzjonijiet ta’ l-eletturi Maltin u Għawdxin qabel ma jħarsu xi trid l-Unjoni, jekk huma jridu li l-eletturi Maltin u Għawdxin ikomplu jagħtuhom il-fiduċja u l-vot tagħhom.

Issa l-kaċċaturi u n-nassaba qegħdin iduqu l-imrar ta’ l-Unjoni Ewropea, kif diġà ġarrbu mijiet ta’ ħaddiema u impjegati li jew tilfu l-impjieg, jew tnaqqsulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

 

Bħalhom għandhom jaħdmu ħalli noħorġu llum qabel għada mill-Unjoni.

 

L-Unjoni Ewropea kontra l-ġustizzja soċjali

 

L-Unjoni Ewropea timponi fuq il-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni politika ekonomika li hija kontra l-ġustizzja soċjali u li tkabbar l-inugwaljanzi bejn is-setturi tas-soċjetà billi tistgħana lill-ftit u tfaqqar lill-kotra.

Huwa għajb għall-politiċi li jmisshom iħarsu l-ġustizzja soċjali qabel kull għan ieħor, jinbarmu mill-għoti lil pajjiżhom ta’ fondi mill-Unjoni li ġġagħlhom iwarrbu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali għall-prinċipji ta’ l-ekonomija kapitalista tas-suq, li hija l-politika li l-Unjoni twettaq mingħajr ma jimportaha mit-tbatijiet li tikkaġuna lill-kotra tal-poplu.

Hija sfortuna li l-forzi progressivi fil-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni jispiċċaw biex jabbandunaw l-għanjiet u l-politika soċjali tagħhom u jmexxu bl-istess politika ekonomika mposta fuqhom mill-Unjoni, l-istess bħal ma jagħmlu l-forzi mhux progressivi bħalhom fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

Qegħdin naraw li Malta, li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, mhux se tevita għal xi żmien din ix-xorti ħażina, la darba l-kilba għall-fondi ta’ l-Unjoni hija akbar mir-ruħ u mit-twemmin fil-ġustizzja soċjali.

 

Il-politika ekonomika ta’ l-Unjoni li Malta jkollha twettaq sakemm tibqa’ marbuta ma’ l-Unjoni, qiegħda tagħmilha ħafna aktar diffiċli :

* biex il-familji jiksbu djar fejn joqogħodu, 

* biex il-ħaddiema u l-impjegati jżommu x-xogħol tagħhom, 

* biex il-ħaddiema u l-impjegati ma jonqsulhomx il-kundizzjonijiet tax-xogħol, 

* biex jinżammu bla mittiefsa l-‘welfare state’ u s-servizzi soċjali bla ħlas, inklużi l-faċilitajiet  għat-tagħlim, is-servizzi tas-saħħa u l-pensjonijiet, 

* u biex jitrażżan l-għoli tal-ħajja.

L-Unjoni Ewropea trid li l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni torbot lill-pajjiżi membri kollha li jimxu skond il-politika ekonomika tagħha anki jekk il-maġġoranza tal-poplu f’xi pajjiż membru tkun trid li taddotta politika ekonomika ġusta soċjalment. 

 

Din kienet raġuni ewlenija li l-maġġoranza tal-Franċiżi u l-maġġoranza ta’ l-Olandiżi vvotaw kontra l-Kostituzzjoni Ewropea.

Qegħdin isiru sforzi kbar fl-Unjoni ħalli dik il-Kostituzzjoni terġa’ tingħata l-ħajja. 

 

Iżda m’hu qiegħed isir xejn biex il-politika ekonomika mniżżla fil-Kostituzzjoni tinbidel biex jitħarsu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. 

 

Għalhekk l-oġġezzjoni fundamentali għall-Kostituzzjoni Ewropea għadha hemm u l-forzi progressivi ta’ Franza u l-Olanda u ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni, inkluża Malta, għandhom jibqgħu jopponu l-Kostituzzjoni li b’għajb il-Parlament Malti approva fis-6 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, anki wara li l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontriha.

 

Liġijiet ta’ l-UE firdu tifel minn missieru u ħutu

 

Nhar is-Sibt, 16 ta’ Diċembru, fl-aħbarijiet tas-7.30p.m fuq it-television, intwerew xeni li żgur bikkew l-eluf tat-telespettaturi li kienu qegħdin jaraw l-aħbarijiet. 

 

Aħna ma konniex eċċezzjoni, għax trid tkun bla qalb biex ma tħossx sal-fond ta’ qalbek, għal dak it-tifel ta’ 12-il sena, u għal missieru, meta l-pulizija marru biex jieħdu t-tifel, bil-forza, jekk ikun hemm bżonn, lejn l-ajruport biex minn hemm jintbagħat l-Ingilterra għand ommu, meta t-tifel assolutament ma ried b’xejn li jitlaq lil missieru u lil ħutu l-oħrajn li joqogħdu Għawdex.

Kienu xeni li ma jitwemmnux kieku ma tarahomx b’għajnejk. 

 

Nemmnu però, li dawk ix-xeni mhux biss qasmu l-qlub ta’ kull min kien qiegħed jarahom fuq it-TV, iżda wkoll imlewhom bir-rabja meta semgħu li r-raġuni waħdanija li ġiebet din il-firda ta’ missier minn ibnu kienu l-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

M’aħniex se noqogħdu nirrepetu l-istorja għax ċerti li min qiegħed jaqra din il-paġna diġà rajtu, smajtu u qrajtu x’wassal biex ġara dak li ġara.

Li rridu nagħfsu fuqu aħna huwa l-fatt li kieku għadna ħielsa u indipendenti barra l-Unjoni Ewropea, qatt ma kien iseħħ dak li seħħ għax il-Qorti Maltija ma kinitx tkun soġġettata għal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għajb kbir għal min għamel minn kollox biex jinganna lill-poplu Malti biex seta’ jdaħħal lil pajjżna fl-Unjoni Ewropea bil-gidba faħxija li Malta xorta waħda se tibqa’ ħielsa, indipendenti u sovrana. 

 

Anzi qalulna li s-sovranità ta’ Malta “se tissaħħaħ”.

Tgħid illum Dr Simon Busutill, David Casa – li t-tnejn ħadu l-premju u qegħdin ipappuha tajjeb ħafna fil-Parlament Ewropew – se jkollhom il-kuraġġ imorru jsabbru lill-missier dak it-tifel – Shaun David – u lil ħutu għal dak li ġralhom kawża tal-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea?

 

Tgħid wara li sar jaf b’dan il-każ pjetus, il-Prim Ministru se jkollu l-wiċċ imur jiffaċċja lil dik il-familja li qiegħda tbati l-konsegwenzi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u jgħidilhom li jiddispjaċih għal li ġralhom?

Lil dawk li bellgħuha lill-poplu Malti li l-Unjoni Ewropea għandha “ruħ soċjali,” ngħidulhom: 

Issa ndunajtu li l-Unjoni Ewropea la għandha “ruħ soċjali” u aktar u akar m’għandhiex qalb? 

 

Il-“valuri” li kienu jsemmu li aħna l-Maltin naqsmu ma’ dawk ta’ l-Unjoni, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħed joħroġ fil-beraħ li huma ferm differenti mill-valuri li tħaddan l-Unjoni Ewropea.

Lil missier, is-Sur Mario Attard, lil ħut Shaun Attard u lill-qraba kollha, nixtiequ nwasslu s-solidarjetà tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali u tal-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi f’dawn il-mumenti ta’ dieqa kbira. 

 

Nemmnu però li t-tifel, Shaun, għad jerġa’ jiġi lura għand missieru u ħutu biex qatt aktar ma jinfirdu.

 

Il-Ħamis, 21 ta’ Diċembru, 2006.

<< Lura << Lura << 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ