MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

Se jasal iż-żmien ta’ protesta nazzjonali

 

Jisghobbina ngħidu li jidher li wasal iż-żmien ta’ protesta nazzjonali kontra l-Gvern u l-Unjoni Ewropea.

Jekk il-Gvern jibqa’ ma jasalx fi ftehim mal-GWU dwar it-Tarzna, wieħed għandu jistenna li l-ħaddiema tat-Tarzna joħorġu jipprotestaw kontra l-Gvern, li kien wiegħedhom futur tajjeb, u kontra l-Unjoni Ewropea li ma tridx li t-Tarzna tkun mgħejjuna aktar.

Wieħed jistenna wkoll li eluf ta’ ħaddiema oħrajn li 

* tilfu l-impjieg bl-għeluq tal-fabbriki jew          

* postijiet tax-xogħol tagħhom,                          

* jingħaqdu fil-protesti pubbliċi kontra l-Gvern, 

* li kien żgurahom li mhux se jitilfu l-impjieg u   

* kontra l-Unjoni Ewropea,                                

* li minħabba l-politika tagħha,                          

* il-fabbriki u                                                       

* l-postijiet tax-xogħol kellhom jagħlqu.               

Magħhom wieħed jistenna li jingħaqdu fi protesti kontra l-Gvern u kontra l-Unjoni Ewropea l-eluf ta’ kaċċaturi u nassaba li qegħdin iġarrbu l-qerda tad-delizzju tagħhom, wara li kienu żgurati li bis-sħubija fl-Unjoni, mhux se jinqerdu l-kaċċa fir-rebbiegħa u l-insib f’pajjiżna.


Wieħed jistenna wkoll li s-sidien tat-trasport pubbliku jaħtfu l-opportunità ħalli jipprotestaw kontra l-Gvern għall-passi favur il-liberalizzazzjoni, li bihom se jnaqqsilhom sew id-dħul tagħhom.

 

In-nisa tad-dar li jħossuhom mifnijin bl-għoli esaġerat tal-ħajja, ma nistennuhomx li jibqgħu d-dar iħarsu u ma jingħaqdux ma’ żwieġhom u wliedhom fil-protesti pubbliċi, l-aktar minħabba s-soprataxxa għolja tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
 

 


Il-pensjonanti u l-anzjani mistennija wkoll juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għan-nuqqas ta’ kontroll fuq il-prezz tal-mediċini u l-ħwejjeġ sanitarji u għan-nuqqas ta’ servizz effiċjenti fil-polikliniċi.

 

 

 

Setturi varji tal-poplu ma jistgħux ma jurux l-preokkupazzjoni tagħhom dwar il-konsegwenzi soċjali ħżiena li se jkollna, minħabba li l-Gvern mhux lest jieqaf lill-Unjoni Ewropea ħalli jwaqqaf l-invażjoni ta’ l-eluf ta’ immigranti illegali u klandestini f’pajjiżna. 

 

Fuq quddiemnett, nistennew naraw jipprotestaw il-membri tal-familji tas-suldati u tal-pulizija li moħlijin jgħassu u jieħdu ħsieb l-immigranti illegali u l-klandestini, b’sogru għal saħħithom.

 


 

Ma nistennewx li jibqgħu siekta dawk l-Insara Maltin u Għawdxin li kienu żgurati li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea se jissaħħu l-valuri tal-familja u tal-ħajja pubblika, u issa sabu li l-Unjoni qiegħda ġġarfilna dak kollu li kien għażiż u tajjeb fi drawwietna u fil-mod tal-għixien tagħna.
 


B’hekk, aktar min-nofs Malta hija mistennija li tqum fi protesta nazzjonali kontra l-Gvern u l-Unjoni Ewropea.

 

Kliem ta’ min jixtarru sewwa

 

Dan il-kliem intqal minn James Bartholomew, editorjalista ta’ The Daily Telegraph, waqt intervista mal-eks-Mexxej Laburista, Dr Sant, ippubblikata f'The Malta Independent, fl-10 ta' Jannar, 2001:

“Kieku kellu jiġi ssuġġerit li Malta għandha terġa’ lura taħt il-kontroll tar-Renju Unit, ikun hemm kjass kbir, mhux hekk? Min jaf kieku jiġi ssuġġerit li Malta tiġi kkontrollata minn Franza? Ċertament li jkun hemm ‘outrage’ (rabja kbira) f'Malta. Min jaf kieku xi ħadd jipproponi li Malta ssir kolonja tal-Ġermanja? Il-Maltin żgur jirribellaw, mhux hekk? Iżda għal xi raġuni, ħafna f’Malta jidhru ħerqanin li jsiru kolonja ta’ dawn it-tliet pajjiżi f’daqqa (u forsi anke tal-Italja u Spanja), imbasta jkun jisimha Unjoni Ewropea!”

Ir-reazzjoni qasira ta’ Dr Sant għal dan id-diskors kienet din:

“Għal ħafna nies l-Ewropa għandha kwalità mistika reliġjuża (‘Europe has a religious, mysthic quality’). Qisek qed titkellem dwar il-Ġenna. Il-fantasija u l-ħolm huma perikolużi. Il-fantasija dwar l-UE hi aktar minn 20 pajjiż, kull wieħed minnhom b’kultura differenti u li jitkellmu ħafna ilsna differenti, jistgħu jsiru stat ġenwinament demokratiku magħqud."

 

Valery Giscard D'Estaing, l-arkitet tal-Kostituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, ġie rrapportat fil-European Journal, li qal dan il-kliem:

“Jekk ir-Renju Unit ma jridx ikompli bil-proċess ta’ integrazzjoni (tal-UE), allura jrid jiġi offrut ‘status speċjali’, li r-Renju Unit ikun jista’ jaċċetta.”

Aħna ngħidu: 

 

Jekk dan hu possibbli għar-Renju Unit, għaliex ma jistax ikun possibbli wkoll għal Malta?  

 

Tajjeb li tkun taf

 

Direttivi, regoli u deċiżjonijiet

 

L-UE fl-2007 ħarġet 177 direttiva, 2,033 regola u 1,045 deċiżjoni. 

 

Ara kif jista’ jkun li l-Parlament Malti jlaħħaq ma dawn id-direttivi, regoli u deċiżjonijiet kollha. 

 

Mhux ta’ b’xejn li jingħad li l-istess Ministri lanqas ikunu jafu b’ħafna minn dawn id-direttivi, regoli u deċiżjonijiet.

 

L-għażla tal-Gvern lill-ħaddiema

 

L-għażla li l-Gvern qed jagħti lill-ħaddiema tat-Tarzna hija din: 

 

jew jaċċettaw is-somma offruta u jitilqu mill-impjieg, jew ma jeħdux is-somma u jitilfu l-impjieg.

 

Il-vijabilita’ tat-Tarzna

 

Il-Gvern jgħid li t-Tarzna mhix vijabbli jekk ma tnaqqasx 1,000 ħaddiem. 

 

Għalhekk il-Gvern nieda skemi ta’ rtirar voluntarju ħalli jonqsu 1,000 ħaddiem. 

 

B’elf ħaddiem inqas, it-Tarzna ma tagħmilx telf, u ma tkunx teħtieġ sussidju mingħand il-Gvern. 

 

La t-Tarzna, b’1,000 ħaddiema anqas ma tagħmilx telf, tista’ tibqa’ tal-Maltin u m’hemmx għalfejn tingħata lill-barranin.

 

Kliem Mikael Gorbachev, President ta’ l-Unjoni Sovjetika

 

“Għaliex qegħdin titħabtu daqshekk biex tibnu fl-Ewropa dak li aħna żarmajna fl-Unjoni Sovjetika?”

 

Is-sovranita’

 

Vaclav Klaus, il-President tar-Repubblika Ċeka, hu ta’ l-opinjoni li t-Trattat ta’ Lisbona jbiddel fondamentalment il-karattru legali ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżu bħala membru ta’ l-Unjoni. 

 

Huwa jgħid li pajjiż li jkun Sovran, ma jistax ikun marbut b’xi deċiżjoni li tittieħed mingħajr il-kunsens tiegħu. 

 

Pajjiż li jkollu joqgħod għal deċiżjoni li ma jaqbilx magħha, mhux pajjiż sovran skond il-liġi Internazzjonali. 

 

It-Trattat ta’ Lisbona jagħmilha possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet mill-Unjoni li pajjiż membru ma jkunx jaqbel nmagħhom, u dawk id-deċiżjonijiet xorta jorbtuh.

 

Għalhekk it-Trattat ta’ Lisbona jneżża lill-pajjiżi membri mis-sovranita’ tagħhom.

 

Unjoni aktar b’saħħitha

 

 

Dan l-aħħar, Meta l-Parlament Ewropew kien qiegħed jiddiskuti l-Politika Barranija u ta’ Sigurta’ Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni, Xavier Solana qal li kulħadd irid Unjoni aktar b’saħħitha u politika komuni barranija u ta’ sigurta’ aktar qawwija. 

 

Minnufih warajh qam il-Membru Parlamentari Ingliż, Roger Helmer, li qal li Solana ma qalx il-verita’. 

 

Helmer sostna li huwa jirrappreżenta 4.2 miljun votant fl-East Midlands, l-Ingliterra, u ħadd minnhom qatt ma qallu li ried Unjoni aktar b’saħħitha, iżda ħafna kienu qalulu li riedu li l-Ingliterra toħroġ mill-Unjoni.

 

Ir-regoli tal-UE rrovinaw lit-Tarzna

 

minn Eddy Privitera

 

Hawn min jaħseb li r-regoli u l-kundizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea imponiet fuq il-Gvern Malti dwar it-Tarznari, ma jaħtu xejn għall-qagħda tal-biki li t-Tarzna spiċċat fiha. 

 

Ħafna jemmnu li kienu l-ħaddiema flimkien mal-GWU li ġabu t-Tarzna f'din il-qagħda. 

 

U hemm oħrajn li jippontaw subajgħhom lejn il-Gvern u l-maniġment tat-Tarzna. 

 

Qisu ħadd ħlief is-CNI ma jrid jagħti tort lill-UE li ġabet lit-Tarzna f'pożizzjoni li ma tistax taċċetta xogħol kbir, minħabba l-kundizzjonijiet imposti mill-UE fil-ftehim li l-Gvern iffirma fis-16 ta’ April, 2003 f'Atene.

Tajjeb li wieħed jerġa’ jfakkar x'kienu l-kundizzjonijiet ewlenin ta’ dak il-ftehim fejn jolqtu lit-Tarzna.

 

L-ewwel u forsi l-agħar kundizzjoni li l-UE imponiet fuq il-Gvern Malti kienet li n-numru ta’ ħaddiema produttivi kellu jonqos għal 1,410. 

 

Mela mhux veru kif intqal dan l-aħħar, li l-Gvern naqqas il-ħaddiema fuq parir ta’ esperti.

It-tieni kundizzjoni li kompliet iġġib lit-Tarzna aktar zoppa, kienet il-limitu ta’ kemm jistgħu jinħadmu sigħat f'sena mill-ħaddiema tat-Tarzna, inkluż l-overtajm. 

 

Ara liema ażjenda tagħmel limitu kemm jaħdmu l-ħaddiema tagħha f'sena, biex imbagħad, jekk jinqala’ ħafna xogħol, ma tkunx tista’ tagħmel aktar mis-sigħat ta’ xogħol li jkunu ġew iffissati! 

 

Dawn ħwejjeġ tal-ġenn, mhux ta’ nies f’moħħhom floku.

 

Imbagħad l-UE kompliet iżżid id-doża li bini ta’ vapuri t-Tarzna ma setgħetx taħdem aktar minn 10,000 tunellaġġ gross ta’ azzar f’sena. 

 

U b’hekk l-UE kienet żgurata li t-Tarzna ma setgħetx taċċetta xogħol kbir ta’ bini ta’ vapuri, bħalma kien il-proġett tal-imprenditur Amerikan Joseph Cala li ried jibni għaxar vapuri fit-Tarzna tagħna u jħaddem madwar 6,000 ħad-diem. 

 

U issa qed jibni dawk il-vapuri fl-Ewropa u fl-Amerika.

Qisu dan ma kienx biżżejjed, l-UE ġiegħlet lill-Gvern Malti jagħlaq il-baċir numru wieħed, u b'hekk jonqsu l-faċilitajiet fejn it-Tarzna setgħet taħdem aktar xogħol.

Imbagħad insibu l-aħħar daqqa tal-mewt għat-Tarzna, bil-kundizzjoni li l-Gvern ma jistax jagħti sussidju għall-ispejjeż operattivi tat-Tarzna (per-eżempju, għal parti mill-pagi), wara l-31 ta’ Diċembru, 2008.

Hemm aktar ħwejjeġ li ġabu lit-Tarzna għarkopptejha. 

 

Fuq quddiem hemm in-nuqqasijiet kbar tal-maniġment, li l-akbar eżempju nsibuh fil-kuntratt tal-kumpanija Fairmount, li minnu t-Tarzna tilfet miljuni kbar ta’ liri. 

 

U n-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Gvern biex jagħmel ħiltu kollha ħalli t-Tarzna tibqa’ b’saħħitha f'pajjiżna.

Tant hu hekk li l-Prim Ministru qal li l-Gvern mhux xogħlu li jġib ix-xogħol għat-Tarzna, u li l-Gvern ma għandux għaliex jibqa’ l-‘employer’ tal-ħaddiema tat-Tarzna.

 

Aħna ngħidu li dan kollu li sar, sar skond ir-regoli tal-UE.

Għalhekk huma l-istess regoli tal-UE li għarrqu lit-Tarzna, u biex insalvaw it-Tarzna, ma rridux noqogħdu għar-regoli u l-kundizzjonijiet tal-UE.

 

Il-Ħamis, 21 ta’ Awissu, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ