MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn minn KARMENU MIFSUD BONNICI

 

Il-Gvern Malti b’politika żbaljata dwar il-Libja

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

 Il-faqar tal-politika tal-Gvern Malti dwar il-Libja nkixfet mill-istqarrijiet li l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg għamel nhar il-Ħadd li għadda wara żjara li għamel lill-Kunsill tar-Ribelli f’Benghazi.


Il-Viċi Prim Ministru saħaq li l-Gvern Malti qiegħed jersaq aktar viċin lejn il-Libjani ta’ Benghazi, waqt li qiegħed jitbiegħed aktar mil-Libjani ta’ Tripli.

 

Bħallikieku l-Libjani ta’ Tripli mhumiex parti mill-istess poplu Libjan.

 

U jekk il-ħbiberija tal-poplu Malti hi mal-poplu Libjan, il-Gvern Malti għaliex għandu jiddiskrimina bejn il-Libjani ribelli u l-Libjani leali lejn il-Gvern tagħhom, la darba it-tnejn jagħmlu poplu wieħed?

 

Għalhekk il-Gvern Malti jmissu waqt li jersaq viċin il-Libjani ribelli ta’ Benghazi, jibqa’ viċin ukoll il-Libjani leali ta’ Tripli, għax ħbiberija ma’ Tripli m’għandhiex teskludi ħbiberija ma’ Benghazi.

L-akbar għajnuna li Malta tista’ tagħti lil-Libjani hi li tgħinhom biex isibu l-mezz kif iwaqqfu l-ġlied ta’ bejniethom li qiegħed jikkaġuna ħafna mwiet u ferimenti ta’ Libjani u qerda kbira tal-pajjiż.

 

Iżda l-Viċi Prim Ministru Borg, f’isem il-Gvern Malti, m’għamel lanqas l-iċken sforz biex jinkoraġġixxi lir-ribelli ta’ Benghazi biex jaslu fi ftehim mal-Gvern Libjan.

 

Anzi, għamel bil-maqlub, għax inkoraġġihom biex ikomplu l-gwerra ċivili kontra ħuthom, il-Libjani leali.

 

Dan jaqbel mal-politika tal-pajjiżi li jiddelettaw bil-gwerer, bħal Franza, l-Ingilterra u l-Istati Uniti tal-Amerika, iżda mhux skont il-politika ta’ pajjiż li għandu d-dmir jaħdem għall-paċi fost il-ġnus, bħalma għandha tagħmel Malta, iżda qiegħda tonqos li tagħmel.


Il-Gvern Malti m’għandux skuża li ma jistax ma jimxix skont il-politika tal-Unjoni Ewropea li tappoġġja l-gwerra kontra l-Gvern Libjan.

 

Għax il-politika barranija ta’ Malta li taħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus mhix il-politika mħaddma mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bħal Franza, l-Ingilterra u l-Italja, li qegħdin jieħdu sehem attiv fil-gwerra kontra l-Gvern Libjan.

 

Wara kollox, jekk il-Ġermanja, li lanqas hi obbligata bħal Malta li taħdem attivament għall-paċi, u hi msieħba fl-Unjoni Ewropea u fin-NATO, mhix favur il-gwerra kontra l-Gvern Libjan, x’diffikultà hemm li Malta wkoll ma tappoġġjax il-gwerra kontra l-Gvern Libjan?

 

Appell ghall-paci

 

Minflok jinkoraġġihom biex ikomplu jiġġieldu bl-armi, kien ikun aktar xieraq għall-Viċi Prim Ministru, li filwaqt li jwiegħed lir-ribelli ta’ Benghazi kull għajnuna li tista’ tingħatalhom, jappella biex ikun hemm negozjati għall-paċi.

 

Kien ikun qiegħed isegwi lill-Qdusija Tiegħu l-Papa li kemm-il darba appella għall-waqfien mill-ġlied u biex in-negozjati jieħdu l-post tal-armi.

 

Kien ikun qed isarraf il-ġurament li ħa li jwettaq dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li tobbligah jaħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus.

 

Kien jagħti tifsira lill-prinċipju li għan tajjeb ma jiġġustifikax l-użu ta’ mezzi ħżiena (‘the end does not justify the means’), u kien juri li varament ma jemminx fl-użu tal-vjolenza għall-iskopijiet politiċi ta’ pajjiżna.


Lir-ribelli ta’ Benghazi l-Viċi Prim Ministru Malti jmissu qalilhom li sakemm kellhom jiddefendu ruħhom u djarhom, kienu ġustifikati jużaw l-armi, iżda ma kellhomx jużaw l-armi u jirrikorru għall-vjolenza biex jattakkaw lill-forzi tal-Gvern Libjan fl-ibliet u fl-irħula tal-pajjiż, jekk ma riedux mill-bidu li tfaqqa’ gwerra ċivili.


Iżda anke jekk ma kienx kapaċi jgħid xejn lir-ribelli ta’ Benghazi minn dak li jmissu qalilhom bħala rappreżentat tal-poplu Malti li jrid li ssaltan il-paċi fost il-ġnus, il-Viċi Prim Ministru Borg ma kienx ġust li jċaħħad lil-Libjani ta’ Tripli mill-għajnuniet li hu wiegħed li se jingħataw lil-Libjani ta’ Benghazi.

 

Jekk Malta se tagħti għajnuna umanitarja lil-Libjani ta’ Benghazi, hu xieraq li tingħata l-istess għajnuna lil-Libjani ta’ Tripli.

 

Inkella l-Gvern Malti jkun qed jiddiskrimina kontra l-Libjani ta’ Tripli minħabba x-xejriet politiċi tagħhom favur il-Gvern Libjan, filwaqt li jgħin lil-Libjani ta’ Benghazi minħabba x-xejriet politiċi tagħ­hom kontra l-Gvern Libjan.

 

Il-Viċi Prim Ministru Borg ma jmissux jirrendi ruħu ħati ta’ diskriminazzjoni minħabba x-xejriet politiċi.


Anke għar-rigward tal-assi tal-Gvern Libjan issekwistrati mill-Gvern Malti, il-Viċi Prim Ministru Borg wera nuqqas ta’ ġustizzja u ekwità meta qal li l-Gvern Malti qed jistudja kif ir-Ribelli ta’ Benghazi jkollhom aċċess għalihom.

 

Jekk l-assi tal-Gvern Libjan jappartjenu lill-poplu Libjan, kemm il-Libjani ta’ Benghazi, kif ukoll il-Libjani ta’ Tripli għandhom ikollhom aċċess għalihom.

 

Għalhekk mhux sew li l-assi kollha jitgawdew mil-Libjani ribelli u jiġi miċħudin lil-Libjani leali lejn il-Gvern Libjan.

 

Il-Gvern legittimu tal-Libja

 

Iżda qabel ma wieħed jiddiskuti min għandu dritt għall-assi ssekwestrati f’Malta tal-Gvern Libjan, wieħed irid l-ewwel jiddeċiedi min għandu dritt jgħid min hu l-Gvern leġittimu tal-Libja.

 

Huma l-pajjiżi barranin li jiddeċiedu dan, jew il-poplu Libjan li jagħraf min hu l-Gvern tiegħu?

 

Billi l-gvernijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, ta’ Franza, tal-Italja, u ta’ Malta jekk ikun il-każ, jagħrfu lill-Kunsill tar-Ribelli ta’ Benghazi bħala l-Gvern tal-Libja, ma jfissirx li l-poplu Libjan m’għandux iqis lill-Gvern Libjan ta’ Tripli bħala l-Gvern tal-poplu Libjan.

 

Il-leġittimità ta’ Gvern jagħtihielu l-poplu tal-pajjiż, mhux il-gvernijiet ta’ pajjiżi barranin.

 

U l-Gvern Malti jkun qiegħed jikkommeti offiża kriminali kieku kellu jgħaddi l-assi tal-Gvern Libjan lil ħaddieħor sakemm il-Gvern ta’ Tripli jibqa’ jeżisti u jiffunzjona.

 

Ta’ min jfakkar li għalkemm Franza u l-Italja ilhom li għarfu lill-Kunsill tar-Ribelli ta’ Benghazi bħala l-Gvern tal-Libja, ma jidhirx li għaddew l-assi Libjani li kienu ssekwestrati f’dawk iż-żewġ pajjiżi, lir-ribelli.


Intqal li l-assi Libjani fil-pajjiżi barranin huma ssekwestrati bis-saħħa tas-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda u tal-Unjoni Ewropea biex il-Gvern Libjan ma jużahomx biex jikseb l-armi u l-armamenti li juża fil-ġlieda kontra l-poplu Libjan.

 

Iżda fil-fatt huwa l-poplu Libjan mhux il-Gvern Libjan, li qiegħed jbati bis-sekwestru tal-assi Libjani, għax il-Gvern Libjan mhux qed jitħalla juża dawk l-assi biex iħallas għax-xiri tal-provvisti ta’ ħwejjeġ essenzjali bħal qamħ.


L-istess jista’ jingħad dwar is-sanzjonijiet fuq it-trasport bil-baħar u l-vjaġġi bl-ajru li l-Libjani huma mċaħħdin minnhom, b’kapriċċ għall-għaxar pajjiżi li fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda vvotaw dawk is-sanzjonijiet u b’kapriċċ tas-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, li żiedu fuq is-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda.

 

Dawn il-projbizzjonijiet fuq it-trasport u s-safar jolqot lill-popolazzjoni ċivili tal-Libja, filwaqt li meta saru s-sanzjonijiet intqal li kienu qegħdin isiru biex titħares il-popolazzjoni ċivili Libjana.

 

Il-Gvern Malti għaġġel daħħal fis-seħħ is-sanzjonijiet kontra l-poplu Libjan, minkejja li huma tant inġusti u ta’ ħsara għall-poplu.

 

L-Ambaxxata Maltija fi Tripli

 

Bl-istess għaġġla l-Gvern Malti għalaq l-ambaxxata Maltija fi Tripli fil-bidu tal-inkwiet fil-Libja, u għalhekk ħadd ma hemm biex iħares l-interessi tal-Maltin fil-Libja.

 

Issa l-Gvern Malti ddeċieda li jiftaħ uffiċċju f’Benghazi biex iħares l-interessi li l-Maltin għadhom fil-lvant tal-Libja.

 

Iżda għaliex il-Gvern Malti qiegħed jibqa’ jżomm magħluqin l-ambaxxata Maltija fi Tripli meta l-Maltin għandhom tant xogħol, negozjati u investiment fi Tripli u fil-punent tal-Libja?

 

L-għeluq tal-ambaxxata Maltija fi Tripli hu ta’ ħsara għall-Maltin u mhux għall-Gvern Libjan.

 

Issa li jħalli l-ambaxxata fi Tripli magħluqa filwaqt li fetaħ uffiċċju f’Benghazi, il-Gvern Malti qiegħed juri li jrid iżomm ’il bogħod mill-Gvern libjan li hu uffiċjalment rikonoxxut minn Malta, meta jrid ikun viċin il-Kunsill tar-Ribelli li hu meqjus biss bħala interlokutur leġittimu mal-poplu Libjan, iżda mhux rikonoxxut bħala l-Gvern tal-pajjiż.

 

Din il-politika tal-Gvern Malti tista’ togħġob lill-Unjoni Ewropea, iżda ma tgħinx, anzi tagħmel ħsara lill-interessi tal-Maltin fi Tripli u l-punent tal-Libja li hi taħt it-tmexxija tal-Gvern Libjan.


Minkejja li l-Gvern Malti mhux qed iħaddem l-ambaxxata Maltija fi Tripli, il-Gvern Libjan baqa’ jħaddem l-ambaxxata Libjana f’Malta.

 

Dan il-fatt jixhed ir-rieda tal-Gvern Libjan li jħares ir-rapporti ta’ ħbiberija mal-poplu Malti, allavolja l-Gvern Malti mhux qed juri ebda rieda li jrid iħares il-ħbiberija mal-poplu Libjan ta’ Tripli u l-punent tal-Libja.

Ukoll minn dan il-lat il-Gvern Malti miexi b’politika żbaljata li mhix ta’ ġid għall-interessi ta’ pajjiżna.

 

Il-Gvern Malti jmissu issa fehem li x’se jiġri fil-Libja ’l quddiem, huwa inċert.

 

Il-Viċi Prim Ministru stess it-Tnejn li għadda, fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, stqarr li l-qagħda fil-Libja hija staġnata, u li l-pass li jmiss hu ‘ceasefire’, u wara jibda proċess politiku ta’ tranżizzjoni li għandu jwassal biex jitwarrab ir-"reġim" preżenti fil-pajjiż.


Dan id-diskors tal-Viċi Prim Ministru juri li issa l-Gvern Malti fehem li m’għandux ikompli jinsisti li ma jkunx hemm waqfien mill-ġlied jekk qabel ma jwarrabx il-mexxej Libjan.

Għalkemm il-Viċi Prim Ministru qal li l-proċess ir-reġim li hemm illum fil-pajjiż, ma jistax jingħad x’ikun ir-riżultat aħħari ta’ dak il-proċess politiku.

 

Għax il-Gvern Libjan qiegħed jinsisti bir-raġun, li kif jitmexxa l-pajjiż ’il quddiem għandu jiddeċiedih il-poplu kollu Libjan b’vot demokratiku, ikkontrollat mill-Ġnus Magħquda u mill-Unjoni Afrikana, u mhux x’jgħidu l-Gvernijiet tal-pajjiżi barranin.


Il-Gvern Malti għandu juri ftit ta’ indipendenza mill-Unjoni Ewropea u jieħu l-inizjattiva biex jagħfas kemm lill-Gvern Libjan kif ukoll lill-Kunsill tar-Ribelli ta’ Benghazi biex jaċċettaw waqfien mill-ġlied fil-Libja kollha u jinnegozjaw ftehim dwar it-tibdil kollu li jixraq li jsir fil-pajjiż, bil-garanziji tal-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għal-Libjani kollha, u li l-ftehim finali jkun imqiegħed għall-approvazzjoni tal-poplu kollu tal-Libja, b’mod demokratiku u ħieles mill-indħil tal-barranin.


Dak ikun l-aktar att ta’ ħbiberija ta’ Malta lill-poplu Libjan.

 

Id-destin tal-Air Malta m’għandux jiddependi mill-UE


HUWA ta’ għajb u mistħija li x’se jiġri mill-Air Malta u l-ġejjieni tal-impjegati u l-ħaddiema tagħha jinsab f’idejn l-Unjoni Ewropea u mhux f’idejn il-Gvern magħżul mill-poplu Malti u mill-Parlament maħtur mill-Maltin.


Għal xi żmien issa l-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta intbagħat lill-Unjoni Ewropea biex tapprovah.

 

Tista’ ma taċċettahx, u mhux magħruf li hemm imħejji xi pjan alternattiv.


La ma jidhirx li hemm alternattiva għall-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta, u la darba l-Gvern jifhem li l-Air Malta għandha tkompli tiffunzjona fl-interess tan-nazzjon, il-pjan għandu jitħaddem mingħajr ma’ wieħed jistenna x’se tgħid l-Unjoni Ewropea dwaru.

 

Jidher li hemm żewġ punti ewlenin fil-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta li jridu jiġu deċiżi.

 

Dawn huma l-ammonti ta’ fondi meħtieġa biex il-kumpanija tkompli tiffunzjona, u l-ammont ta’ impjegati u ħaddiema li l-kumpanija se tkompli bihom.


Dwar l-ammont ta’ fondi li l-kumpanija teħtieġ, l-Unjoni Ewropea se tapplika r-regoli tagħha li ma jħallux li tingħata "state aid" li jagħti vantaġġ lil kumpanija fuq il-kompetituri tagħha.


Iżda dan l-iskoll jista’ jiġi evitat billi l-kumpanija tkabbar il-kapital tagħha u tingħata kemm għandha bżonn f’forma ta’ injezzjoni kapitali u mhux self ta’ flus.

 

Iżżidx jew le l-kapital tagħha, jiddependi minn dak li jiddeċiedi l-Parlament Malti u mhux mill-Unjoni Ewropea.


Dwar l-ammont ta’ impjegati u ħaddiema li l-Air Malta se żżomm biex topera effiċjentement, wieħed għandu jifhem li dan il-punt diġà ġie deċiż fil-pjan ta’ ristrutturar li tħejja u qiegħed għand l-UE.

 

La darba mhemmx alternattiva għal dan il-pjan, il-kumpanija għandha tibda twettqu mingħajr ma toqgħod tistenna x’se tgħid l-UE.


Żgur li mhux aċċettabbli għall-poplu Malti li jekk l-impjegati u l-ħaddiema li l-kumpanija ma tistax iżżomm fl-impjieg jingħatawx xogħol alternattiv mill-Gvern Malti, għandu jiddependi mill-kapriċċi tal-UE.

 

Għandu jkun il-Parlament Malti li jiddeċiedi fuq l-għoti ta’ xogħol alternattiv lil dawk li jkunu ssensjati, għax din hi kwistjoni soċjali lokali u ma jidħlux fiha l-fondi mogħtijin mill-UE.


Għaldaqstant, deċiżjoni dwar ir-ristrutturar tal-Air Malta għandha tittieħed illum qabel għada, mingħajr aktar dewmien, mill-Parlament Malti, skont l-interessi nazzjonali u b’ħarsien għad-dinjità tal-impjegati u l-ħaddiema tal-kum­panija.

 

Il-Ħamis, 21 ta’ Lulju, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ