MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Barroso ġie għal xejn
Barroso ġie għal xejn u seta’ ma ġie
xejn.
Fis-seduta li saret għalih tal-Parlament smajna biss reċtar.
Huwa jfaħħarna u r-rappreżentanti tagħna jinċensawh.
Il-mistednin għoljin fil-gallarija tal-Parlament,
iċapċu bil-qalb.
Mis-seduta tal-Parlament ma ħareġ xejn utli u
ta’ sustanza.
Tlifna l-ħin u tlifna l-opportunità li nwasslu lill-President
tal-Kummissjoni Ewropea kritika f’waqtha dwar n-nuqqasijiet ta’ l-Unjoni
Ewropea u dwar il-politika tagħha li hija ta’ ħsara għall-poplu
tagħna.
Issemma t-Trattat tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa, miċħud
mill-popli ta’ Franza u l-Olanda u approvat unanimament mir-rappreżentanti
Parlamentari tagħna sentejn ilu.
Skond dawn m’għandux jinbidel ħafna u huma lesti biex jaqblu ma’ dak li se jsir minfloku, mingħajr ma jafu x’se jsir.
Basta ssir xi ħaġa li ssaħħaħ
l-Unjoni.
Għar-rappreżentanti Parlamentari tagħna l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ
jekk tiżdied l-integrazzjoni tal-pajjiżi membri.
M’għandhomx id-dehen jifhmu li għall-poplu
Malti, biex ma jintradamx bħala poplu, għandha tikber il-koperazzjoni
bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni, mhux tiżdied l-integrazzjoni tagħhom.
Għax l-integrazzjoni politika, soċjali u ekonomika tagħna
fl-Unjoni Ewropea tagħmilna belt żgħira fl-Unjoni u ma nibqgħux
iktar nazzjon żgħir u stat ħieles.
Ir-rappreżentanti politiċi tagħna jaraw li l-poplu tagħna jinbela’ fil-miljuni ta’ l-Ewropa u jintradam bid-drawwiet tagħhom.
Għal min hu servili, dan m’hu xejn.
Iżda għal min hu ta’ fibra, aħjar
il-pesta milli jitlef ġieħu ta’ Malti ħieles.
Barroso faħħarna għax fit-tliet snin li ilna fl-UE morna ’l quddiem.
Ħadd ma kellu l-ħila jikkoreġih.
Ħadd ma fakkru li qabel ir-referendum żgurawna li l-ħaddiema se jkunu aħjar bis-sħubija.
Fit-tliet snin wara s-sħubija
* mijiet ta’ ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom,
* mijiet oħrajn huma mheddin li jispiċċaw mix-xogħol,
* oħrajn qegħdin jonqsulhom il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg,
* fil-waqt li eluf ta‘ ħaddiema barranin mill-Unjoni ġew jieħdu l-ħobż tal-Maltin.
Ħadd ma qal lil Barroso li bis-sħubija l-ħaddiema minflok għall-aħjar marru għall-agħar.
Din hija l-Ewropa soċjali li jiftaħru biha.
Ewropa soċjali tal-qgħad u numru dejjem
jikber ta’ nies foqra.
Setgħu almenu qalulu lil Barroso li l-pjan li l-Unjoni Ewropea kienet għamlet
għat-Tarzna ma kienx tajjeb u hemm bżonn li nfasslu pjan ieħor li
jsaħħaħ it-Tarzna, mhux li jdgħajjifha.
Għamlu ħażin ħafna li tawh x’jifhem li kollox sejjer
tajjeb f’pajjiżna, minbarra l-immigrazzjoni illegali.
Għax b’dik l-impressjoni li ħa, ma jkunx lest ifiehem lil sħabu tal-Kummissjoni Ewropea jagħtuna l-għajnuna li hemm bżonn biex negħlbu d-diffikultajiet kbar li għandna ma’ wiċċna fis-snin li ġejjin, kollha frott tas-sħubija fl-Unjoni.
Politika
żbaljata dwar l-immigranti illegali
IL-PROPOSTA tal-‘burden sharing’ ta’ l-immigranti
illegali, jiġifieri li nqassmu l-immigranti illegali bejn il-pajjiżi
kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, skond id-daqs tal-popolazzjoni, mhux soluzzjoni għall-problema
ta’ l-immigrazzjoni illegali.
Mhix soluzzjoni għax iktar jitħajru jiġu
immigranti ladarba jkunu jafu li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni se jeħduhom.
Soluzzjoni waħda hemm.
Jekk irridu nwaqqfu l-immigranti illegali, l-immigranti jridu jkunu jafu li se jintbagħtu lura minn fejn ġew.
Jekk jafu li żgur mhux se jitħallew joqogħdu
fl-UE, ma jbaħħrux u jissograw ħajjithom għal
xejn.
Dwar il-problema ta’ dawk l-immigranti illegali li ma jgħidux mnejn
ġew, dawn għandhom ikunu jafu li se jibqgħu maqfulin sakemm
jitkellmu.
Imbagħad tara li ma jibqgħux ma jikxfux mnejn
ġew.
Din il-linja iebsa ma’ l-immigranti illegali ma tfissirx li m’għandniex
nagħmlu li nistgħu f’kull ħin biex niġbruhom mill-għarqa,
nitimgħuhom u nieħdu ħsiebhom daqs li kienu Maltin.
Iżda xorta waħda nibagħtuhom lura għax
pajjiżna ma jiflaħx jieħu immigranti.
L-immigranti illegali huma msejknin għax qegħdin jiġu sfruttati
minn organizzaturi negozjanti u jeħdulhom flushom bil-wegħda li
jwassluhom f’pajjiżi ta’ l-UE.
Jgħabbuhom fuq bċejjeċ tal-baħar mhux kapaċi għall-vjaġġi fil-maltemp u jsuquhom bit-tama li xi ħadd isalvahom jekk ikunu se jegħrqu, jew li jirnexxilhom jaslu fl-ewwel art ta’ l-Ewropa bil-moħbi ħalli ma jintbagħtux lura.
Ħafna minnhom jispiċċaw jitilfu ħajjithom,
jew jitilfu lil qrabathom fil-vjaġġ.

Sar u qed isir ħafna diskors dwar rondi minn bastimenti tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea taħt il-‘‘Frontex” imwaqqfa biex tieħu ħsieb tikkontrolla l-ibħra tal-Mediterran.
Minbarra l-fatti li dawn ir-rondi ilhom ġejjin u qatt ma waslu, mhux magħruf jekk jiswewx biex iżommu l-immigranti illegali milli jiġu.
Għax jekk bastiment jilmaħ dgħajsa mgħobbija bl-immigranti u jgħidilha tmur lura u hija ma taċċettax tagħmel dan, x’se jagħmel il-bastiment tal-“Frontex”?
Jispara fuq id-dgħajsa?
Żgur li le.
U jekk id-dgħajsa tkun se tegħreq iħalliha tegħreq?
Lanqas.
Ikollu jsalva lill-immigranti u jwassalhom fl-eqreb
pajjiż minn fejn jiġborhom.
Dak li qed jiġri llum.
L-Unjoni Ewropea m’għandhiex politika tajba għall-problema ta’ l-immigranti illegali.
Ma tippermettix lil pajjiżna jimxi kif jidhirlu hu
ma’ l-immigranti illegali, fl-istess ħin li mhux lesta terfa’ l-piż
tagħhom, avolja taf li l-immigranti illegali riedu jmorru fil-pajjiżi
kbar ta’ l-Unjoni, u ma kinitx ir-rieda tagħhom li jispiċċaw
f’pajjiżna.
Sadanittant in-negozjanti li jorganizzaw il-vjaġġi ta’ l-immigranti
iħaxxnu bwiethom bil-flus li jieħdulhom.
Ħafna oħrajn isibu ruħhom maqfulin għal xhur sħaħ imċaħħdin mill-ħelsien u minn qrabathom.
U din it-traġedja kollha tibqa’ sejra sena wara
l-oħra għax m’għandniex il-kuraġġ nieqfu lill-UE.
Il-qalb
xierfa ta’ l-Unjoni Ewropea
KIENU żgurawna li l- Unjoni Ewropea ma tindaħalx fit-taxxi li l-pajjiżi membri jagħmlu.
Iżda dan mhux minnu.
L-Unjoni timponi li l-pajjiżi membri jdaħħlu t-taxxa tal-VAT.
Mhux biss, iżda l-Unjoni tordna x’oġġetti
u x’servizzi jkollhom il-VAT fuqhom.
L-Unjoni trid li kulħadd iħallas l-istess rata ta’ VAT, is-sinjur u
l-fqir, fuq l-oġġetti li jixtru u s-servizzi li jingħataw.
Għalhekk it-taxxa tal-VAT hija inġusta soċjalment.
Għax skond il-ġustizzja soċjali, min għandu l-mezzi jmissu jħallas taxxa aktar minn min huwa nieqes mill-mezzi.
Lanqas lill-morda, lil dawk li għandhom bżonnijiet speċjali u persuni b’diżabilità l-Unjoni ma taħfrilhomx milli jħallsu t-taxxa tal-VAT.
Prova tal-ħruxija tal-qalb ta’ l-Unjoni jagħtuhilna
r-regolamenti ta’ l-Avviż Legali numru 123 ta’ din is-sena li l-Gvern
ħareġ biex jobdi lill-Unjoni.
B’dawn ir-regolamenti l-Gvern daħħal it-taxxa ta’ VAT ta’ 5% fuq
is-servizzi ta’ għajnuna domestika għall-kura tat-tfal żgħar,
għall-kura tax-xjuħ, għall-kura tal-morda u għall-kura ta’
persuni b’diżabilità.
Il-poplu Malti, qabel ma sseħibna fl-Unjoni Ewropea, kien ħanin biżżejjed
biex servizzi bħal dawn għat-tfal żgħar, għax-xjuħ,
għall-morda u għall-persuni b’diżabilità, jagħtihom, mhux
jintaxxahom, kif trid l-Unjoni.
M’għandniex noqogħdu għal din il-kefrija li ġejja mill-Unjoni Ewropea, u li tmur kontra t-twemmin soċjali tal-poplu Malti.
Il-poplu Malti jħaddan it-twemmin li lill-morda għandu jingħatalhom is-servizzi tal-kura fl-isptar b’xejn.
Bil-maqlub ta’ dan, l-Avviż Legali 123 ta’ din is-sena qed jimponi taxxa fuq is-servizz tal-kura tal-morda li tingħata fid-dar tagħhom.
Imissna nagħtu eżenzjoni mit-taxxa tad-dħul
(income tax), mhux ninponu t-taxxa tal-VAT fuq l-ispiża ta’ l-għajnuna
domestika għall-kura tal-morda f’darhom.
It-taxxa tal-VAT, għax hekk trid l-Unjoni Ewropea, titħallas minn
persuni b’diżabilità fuq l-oġġetti li jixtru għalihom, bħalma
huma ‘wheelchairs’ fost ħafna affarijiet oħrajn.
Tassew xierfa l-qalb ta’ l-Unjoni Ewropea biex
tintaxxa dawn l-oġġetti meħtieġa minn persuni b’diżabilità.
L-Apostasija
ta’ l-Unjoni Ewropea
SKOND l-aġenzija ta’ l-aħbarijiet Reuters,
l-appoġġ popolari għall-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi membri
qiegħed dejjem jonqos, minħabba l-biża’ li l-Unjoni mhix qiegħda
tħares lill-ħaddiema mill-effetti ħżiena
tal-globalizzazzjoni u għax il-poplu qegħdin jaraw li qegħdin
jitilfu l-identità nazzjonali u l-Unjoni qiegħda tindaħal iżżejjed
fl-affarijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri.
Skond stħarriġ magħmul mit-“think tank” Open Europe,
fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni li daħħlu l-Ewro, kważi nofs
il-poplu jixtiequ li jerġgħu jkollhom il-munita nazzjonali li kellhom
qabel l-Ewro.
Saħansitra l-Ġermaniżi, jidhru ċiniċi dwar il-burokrazija kbira ta’ l-Unjoni li tikkmanda ħajjithom minn Brussels.
Huma jiddejqu bil-kwantità kbira ta’ regolamenti li
l-Unjoni tagħmel u bil-fatt li rappreżentanti li m’humiex magħżulin
mill-poplu għandhom is-setgħa joħorġu dawn ir-regolamenti u
spiss jagħmlu laqgħat bi spiża kbira li titħallas mit-taxxi
tal-poplu, li fihom jingħad ħafna diskors iżda ftit li xejn
jissarraf f’azzjonijiet konkreti.
Biċ-ċelebrazzjonijiet magħmula fil-50 anniversarju tat-Trattat
ta’ Ruma, l-Unjoni riedet tqajjem appoġġ popolari akbar.
Iżda ftit jew xejn irnexxilha minkejja n-nefqa kbira li għamlet fil-propanganda.
Lanqas il-mexxejja tal-pajjiżi membri ma tqanqlu
biżżejjed biex setgħu jintgħelbu d-diverġenzi ta’
bejniethom ħalli jiftehmu dwar dikjarazzjoni li huma kollha setgħu
jiffirmaw.

In-nuqqas ta’ ftehim bejn il-mexxejja tal-pajiżi membri wassal biex
id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin fl-okkażjoni tal-50 anniversarju ta’
l-Unjoni tkun iffirmata mhux minnhom, iżda mill-President tal-Kunsill
Ewropew, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, mill-President
tal-Kummissjoni Ewropea, Manuel Barroso u mill-President tal-Parlament Ewropew,
Hans-Gert Pottering.
Sena ilu, Barroso kien stqarr li xtaq li d-Dikjarazzjoni ta’ Berlin tkun iffirmata mill-mexxejja tas-27 pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

Huwa kien qal li b’hekk setgħet tintwera r-rieda komuni tal-pajjiżi membri li riedu jaħdmu flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea f’għaqda ta’ l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-Unjoni.
Iżda x-xewqa ta’ Barroso ma seħħetx.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin ma għoġbitx lanqas lill-Papa għax
ma semmgħetx il-Kristjaneżmu fid-Dikjarazzjoni tagħha ta’
Berlin.
Il-Papa qal kif tista’ l-Unjoni tkun eqreb il-popli tagħha meta hija tiċħad parti essenzjali ta’ l-identità u ta’ l-istorja tagħha?
B’danakollu, l-Insara Maltin jiftaħru bil-valuri ta’ l-Unjoni!
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ