MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE qiegħda tgħollilna l-ħajja

 

L-UNIKA ħaġa tajba li fih it-Trattat ta’ Lisbona li l-Prim Ministru Malti ffirma fir-13 ta’ Diċembru hija li jistqarr bla tlaqlieq li għandna dritt noħorġu mill-U meta rridu.

 

B’dan il-mod ingħata tweġiba għall-mistoqsija li spiss ħafna jagħmlu, jekk nistgħux noħorġu mill-UE, la darba issa dħalna?

 

Iva nistgħu, mingħajr diffikulta` ta’ xejn. 

 

It-Trattat stess jgħid hekk bl-Artikolu 49A tat-Trattat ta’ l-Unjoni: 

“Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond ir-regoli kostituzzjonali proprji, li jirtira mill-Unjoni Ewropea.

 

Stat Membru li jiddeċiedi li jirtira għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwidi provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u itkkonkludi ma’ dak l-istat ftehim li jirregola l-kundizjonijiet ta’ l-irtirar tiegħu, fil-waqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma l-Unjoni”.

 

La darba issa m’hemmx dubju li nistgħu noħorġu mill-Unjoni, jibqgħalna naraw biss jekk għandniex noħorġu għax hekk jaqblilna.

 

L-ewwel nett għandna ndaħħluha f’moħħna li anki jekk inkunu barra mill-Unjoni, m’hemm xejn li l-Unjoni tista’ tiddeċiedi li għandu jsir, li ma nkunux nistgħu, jekk il-maġġoranza fostna taqbel miegħu, nagħmluh xorta waħda bħala poplu indipendenti mill-Unjoni.

 

Min-naħa l-oħra, la darba nkunu barra mill-Unjoni, ma jkun hemm xejn deċiż mill-Unjoni, li l-maġġoranza tagħna ma tkunx taqbel miegħu, li jkollna bilfors naċċettaw li nagħmlu kontra r-rieda tal-maġġoranza tagħna.

 

Dan huwa l-ewwel vantaġġ li niksbu meta noħorġu mill-Unjoni. 

 

Nerġgħu nirbħu d-dritt fondamentali li nitmexxew skond ir-rieda tal-maġġoranza deċiża demokratikament fl-Elezzjoni Ġenerali, mhux skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-barranin ta’ l-Unjoni kkalkolata skond it-Trattat ta’ Lisbona.

 

Barra l-UE, nkunu nistgħu mmexxu kif jaqbel lill-poplu tagħna. 

 

Nistgħu, l-ewwel pass li jiġina f’moħħna jekk ma nibqgħux fl-UE, nraħħsu l-ħajja billi naqqsu t-taxxa tal-VAT fuq kollox minn kemm tridha għolja l-Unjoni, għal rata baxxa li tiffranka anki madwar 100 miljun lira Maltin fis-sena mill-ispejjeż tal-ħajja tal-familji Maltin. 

 

Mhux inħallsu 12-il miljun lira inqas fis-sena ‘income tax’, imma nħallsu 100 miljun lira inqas mill-191 miljun liri li nonfqu fis-sena fil-ħlas tal-VAT, billi nbaxxu r-rata tat-taxxa tal-VAT b’aktar min-nofs.

 

Nisħqu fuq li nnaqqsu t-taxxa tal-VAT imposta fuqna mill-Unjoni Ewropea, għax din it-taxxa tgħollilna l-ħajja aktar minn kollox. 

 

Nagħtu eżempju sempliċi ta’ dan. 

 

Oġġett li jiswa Lm1, inħallsu Lm1.18ċ għalih minħabba l-VAT. 

 

Meta l-oġġett jogħla għal Lm1.50ċ, ma nħallsux aktar 18ċ VAT fuqu, iżda inħallsu 27ċ taxxa VAT fuqu, jiġifieri, jiġina Lm1.77ċ, minkejja li r-rata tat-taxxa tibqa’ l-istess, 18%.

 

Dan jurina li kull darba li s-servizzi li nħallsu għalihom jogħlew, jikber ukoll l-ammont tat-taxxa VAT li nħallsu fuqhom. 

 

Jekk bajjad jitlobna Lm10 għax-xogħol ta’ idejh, ikollna nagħtu Lm11.80ċ minħabba l-VAT. 

 

Meta x-xogħol ta’ idejgħ jogħla għal Lm15, mhux Lm1.80ċ tal-VAT ikollna nagħtu, iżda Lm2.70ċ, b’kollox Lm17.70ċ.

 

Dawn iż-żidiet fil-prezzijiet huma kollha tort ta’ l-Unjoni Ewropea li timponi fuqna li nħallsu t-taxxa tal-VAT.

 

Tridna saħansitra nħallsu t-taxxa tal-VAT anki fuq l-ikel u l-mediċini

 

Hija tieħu sehemha mit-taxxa miġbura. 

 

Meta noħorġu mill-UE, inkunu nistgħu nnaqqsu jew inneħħu t-taxxa tal-VAT u b’hekk inraħħsu l-ħajja għal kulħadd.

 

Pantomini ta’ l-Unjoni Ewropea

 

LILL-MEXXEJJA ta’ l-Unjoni Ewropea xebħuhom ma’ l-artisti taċ-ċirklu li jmorru minn post għall-ieħor jagħmlu l-istess parti tagħhom.

 

Għax fit-13 ta’ Diċembru nġabru l-Portugall għaċ-ċerimonja ta’ l-iffirmar biss tat-Trattat ta’ Lisbona, ħadu ritrat tal-grupp u qagħdu għal ikla uffiċjali u l-għada, marru jiltaqgħu fi Brussell għas-Summit tas-soltu ta’ Diċembru, reġgħu ħadu ritratt tal-grupp u għamlu l-ikla uffiċjali li għaliha din id-darba stiednu lill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Ħafna kienu dawk li kkritikaw lill-Unjoni Ewropea għall-ħela tal-flus, telf ta’ żmien u użu żejjed ta’ fjuwil fit-titjiriet ta’ ajruplani li llum ħadu lill-mexxeja tal-pajjżi membri u lid-delegazzjonijiet numerużi tagħhom f’Lisbona biex l-għada ħaduhom fi Brussell, meta setgħu jiffirmaw it-Trattat f’Brussell waqt is-Summit, jew jagħmlu s-Summit f’Lisbona meta jiffirmaw it-Trattat.

 

L-ambjentalisti l-aktar li oġġezzjonaw għal din il-kummiedja ta’ l-UE, għax it-traġitti żejda li saru ta’ l-ajruplani, żieda t-tniġġiż ta’ l-arja bl-emissjoni tal-gass mill-ħruq tal-fjuwil, filwaqt li l-UE missha tagħti eżempji ta’ kif tiffranka kemm tista’ l-konsum tal-fjuwil u t-tniġġiż ta’ l-arja.

 

Sar magħruf li meta saret proposta biex l-iffirmar tat-Trattat u l-laqgħa tas-Summit isiru fl-istess post fl-istess żmien, il-Belġju ma riedx iċedi li s-Summit ma jsirx f’Brussell, kif hemm miktub li s-Summits kollha jsiru hemm u l-Portugall ma riedx jaċċetta li l-iffirmar tat-Trattat ma jsirx f’Lisbona, la darba l-Portugall għandu l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.

 

Biex tkompli tikber il-kritika lejn l-UE, ġimgħa biss qabel l-iffirmar tat-Trattat f’Lisbona, l-Unjoni organizzat f’Lisbona stess is-Summit l-ieħor tal-mexxejja tal-pajjiżi membri u tal-mexxejja tal-pajjiżi Afrikani. 

 

Minħabba f’hekk, il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE bid-delegazzjonijet tagħhom, f’temp ta’ ġimgħa, kellhom imorru darbtejn il-Portugall.

 

Hekk għamel il-prim Ministru Malti bid-delegazzjoni uffiċjali tiegħu u r-rappreżentanti tal-midja li ttieħdu għaż-żewġ okkażjonijiet.

 

L-ispejjeż m’humiex problema, lanqas it-telf ta’ ħin, allavolja pajjiżna ma ħa xejn minn dawk l-ispejjeż u mill-attendenza tal-Prim Ministru, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, ir-Rappreżentant Għoli Malti fl-Unjoni, u l-uffiċjali l-oħra, f’dawn il-laqgħat.

 

Imma pantomini bħal dawn m’humiex ġodda għall-Unjoni Ewropea. 

 

Għax kull xahar is-785 membri tal-Parlament Ewropew jittieħdu jagħmlu ġimgħa laqgħat fi Strasbourg minflok fi Brussell.

 

Bix jagħmlu dan, l-Unjoni qiegħda tonfoq mijiet ta’ miiljuni ta’ Ewro fi spejjeż tat-trasport tal-kontainers ta’ dokumenti u kompjuters, fl-għoti ta’ “allowances” ġenerużi lil mijiet ta’ segretarji u uffiċjali oħrajn ta’ l-Unjoni, ħlasijiet lill-armata ta’ korrispondenti u nies tal-midja, barra l-ispejjeż enormi biex jinżamm fi stat tajjeb il-bini kbir ħafna ta' fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

 

Din l-ispiża skandaluża l-Unjoni tagħmilha kull xahar biex tikkuntenta lil Franza li żammet id-dritt li l-Parlament Ewropew jiltaqa’ f’belt Franċiża, għalkemm għandu s-sede tiegħu fi Brussell, li hija kapitali ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

M’hemmx għalfejn infakkru li l-Unjoni ma tistampax l-Ewro, iżda tiġborhom miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. 

 

Aħna l-Maltin qegħdin inħallsuha 51,245,000 Ewro fis-sena għal dawn il-pantomini.

 

Aktar tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea

 

Pensjonijiet

 

Il-“gravy train” (xehda għasel) ta’ l-Unjoni Ewropea jibqa’ sejjer għal min jirkbu, anki wara li jintemm iż-żmien tas-servizz tiegħu mill-Unjoni. 

 

Dan għax min ikun ħadem għall-Unjoni, jingħata pensjoni tajba li ma tagħmilx għajb il-ħlas tajjeb li kellu qabel ma rtira.

 

Huwa stmat li fis-sena d-dieħla s-somma kollha tal-pensjonijiet li l-UE se tħallas lil dawk li rtiraw, se twassal għal viċin il-biljun Ewro, biex inkunu preċiżi 963.5 miljun Ewro.

 

Ras għal ras titħallas pensjoni ta’ 70,124 Ewro fis-sena lil eks-uffiċjali ta’ l-Unjoni, li minnhom iħallsu madwar 1,000 Ewro fix-xahar f’taxxa u bolla, u jibqgħalhom madwar 20,788 liri Maltin fis-sena.

L-uffiċjali ta’ l-Unjoni jikkontribwixxu 10.25% mis-salarju għall-bolla fil-Fond tal-pensjonijiet. 

 

Iżda terz biss tal-pensjoni titħallas mill-Fond, u l-bqija ta’ żewġ terzi titħallas mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Il-Prim Ministru ta’ l-Awstrija, Alfred Gusenbauer, għadu kif qal li l-UE imissha tirriforma s-sistema tagħha tal-pensjonijiet, għax biż-żieda ta’ l-għadd ta’ uffiċjali minħabba t-tkabbir ta’ l-Unjoni, inħolqot problema għax il-Fond ma jiflaħx ilaħħaq mal-piż tal-ħlas tal-pensjonijiet.

 

Stipendji

 

Il-Ġermanja tagħmilha kundizzjoni li student irid ikun studja għal anqas sena fil-pajjiż biex ikun intitolat li jingħata “student grant”.

 

Issa l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea qatgħet li l-Ġermanja jkollha tħassar il-liġi għaliex, skond il-Qorti, l-obbligu ta’ sena studju fil-Ġermanja ixekkel id-dritt tal-moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

 

Din is-sentenza tal-Qorti ta’ l-Unjoni ingħatat f’kawża li għamlu żewġ studenti Ġermaniżi li kellhom it-talbiet tagħhom għall-għoti ta’ “student grant” miċħudin għax ma kinux se jistudjaw għal sena fil-Ġermanja. 

 

Wieħed minnhom kien se jistudja fl-Ingliterra u l-ieħor fl-Olanda.

 

Il-Qorti ta’ l-Unjoni Ewropea interpretat “id-dritt tal-moviment ħieles” taċ-ċittadini ta’ l-UE bħala li jfisser mhux li ċittadin ta’ pajjiż ta’ l-UE għandu dritt imur fejn irid fl-Unjoni, iżda li jfisser ukoll li ma tistax tiċħadlu għajnuna finanzjarja għall-istudju għax jeżerċita dak id-dritt f’pajjiż ieħor, mhux fil-pajjiż tiegħu.

 

Għalkemm il-Gvern Malti ma qalx, kienet din id-deċiżjoni li ġagħletu jagħti l-istipendju lil studenti Maltin li jmorru jistudjaw barra.

 

Unjoni Mediterranja

 

Skond il-Kanċellier Ġermaniża Angela Merkel, it-twaqqif ta’ l-UE tal-pajjiżi Mediterranji tkun ta’ theddida għall-UE. 

F’diskors li hija għamlet f’Berlin kmieni dan ix-xahar, Merkel seħqet li l-Unjoni Mediterranja lli l-President Franċiż Nicolas Sarkozy ħabbar li jrid iwaqqaf, tifred il-pajjiżi ta’ l-Unjoni għax tkun tinkludi biss 7 mis-27 pajjiż ta’ l-Unjoni, li huma Franza, Spanja, il-Portugall, l-Italja, il-Greċja, Ċipru u Malta.

 

Angela Merkel sostniet li kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkollu l-fakulta` li jieħu sehem f’kull għamla ta’ koperazzjoni li ssir bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea u trid ikollha l-approvazzjoni tal-membri kollha. 

 

Hija saħqet li mhux sewwa li xi pajjiżi jiffinanzjaw l-Unjoni Mediterranja mill-fondi li jirċievu mill-Unjoni Ewropea.

 

Anki l-Kummissjoni Ewropea tibża’ li l-Unjoni Mediterranja tagħti daqqa ta’ ħarta lill-inizjattiva magħrufa bħala “il-proċess ta’ Barċellona” mibdi 12-il sena ilu mill-Unjoni, bl-iskop li joħloq djalogu bejn il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u għaxar pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ fuq u tal-Lvant tal-Mediterran.

 

Il-Ħamis, 20 ta' Dicembru, 2007.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ