MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea toħloqilna periklu

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

F’dawn il-ġranet qsamna mal-poplu Taljan is-sogħba għad-19-il carabinieri u suldati li nqatlu u s-17 li ndarbu fl-Iraq. 

 

Nhar it-Tlieta l-Parlament Ewropew waqaf u għamel minuta silenzju biex isellem lit-Taljani li mietu fl-Iraq. Fl-istess jum fil-bliet ta' l-Italja saru ċerimonji solenni b'tifkira ta' din il-ġrajja ta' niket.

Iżda la l-Italja u lanqas l-Unjoni Ewropea ma wrew li fehmu t-tagħlima ta' din il-ġrajja ta' niket. 

 

L-Italja qalet li bagħtet is-suldati u l-carabinieri fl-Iraq ħalli jżommu l-ordni u l-paċi. 

 

L-Unjoni Ewropea ma kinitx kapaċi tgħid li l-attakki Amerikani u Ingliżi fuq l-Iraq kienu aggressjoni sfaċċata u mhux ġustifikata, u li l-preżenza tas-suldati barranin fl-Iraq hija okkupazzjoni militari tal-pajjiż.

Żewġ pajjiżi oħra membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Italja u Spanja apertament appoġġjaw l-aggressjoni kontra l-Iraq. 

 

L-Unjoni Ewropea ma tħarrkitx biex tikkundanna din l-aggressjoni u biex ma tħallix jieħdu sehem fiha pajjiżi membri ta' l-Unjoni, bħall-Ingilterra, l-Italja u Spanja. 

 

U fil-fehma tal-poplu Għarbi, l-Unjoni Ewropea qiegħda tappoġġja l-okkupazzjoni ta' l-Iraq mill-forzi militari barranin.

 

Malta mċappsa fil-gwerra

 

Il-pożizzjoni ta' Malta bħala pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea hija fil-kwistjoni ta' l-Iraq marbuta mal-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

La l-Unjoni Ewropea mhix qiegħda tikkundanna l-aggressjoni u l-okkupazzjoni ta' l-Iraq, Malta mhix tikkundannahom lanqas. 

 

F'għajnejn il-poplu Għarbi, Malta hija issa mċappsa bid-dnubiet ta' l-ommissjoni ta' l-Unjoni Ewropea la darba Malta saret membru tagħha.

Agħar minn hekk. 

Il-Gvern Malti huwa kuntent jagħti permess lill-bastimenti militari ta' l-Istati Uniti, l-Ingilterra, l-Italja, Spanja u ta' pajjiżi oħra tan-NATO jidħlu f'għadd mhux żgħir fil-portijiet tagħna. 

 

U l-Prim Ministru tagħna m'għandux skruplu jiftaħar li l-President Bush jibgħat jirringrazzjah ta' l-għajnuna li Malta qiegħda tagħti lill-bastimenti militari Amerikani fil-gwerra kontra l-Iraq. 

 

U l-Prim Ministru Blair jgħid fil-Parlament li l-Prim Ministru Malti jappoġġjah fl-aggressjoni kontra l-Iraq. 

 

Dan huwa l-prezz li l-Gvern Malti kellu jħallas ħalli jsieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea.

 

Malta fiz-żona tal-gwerra

 

Dan kollu jfisser li kif l-ibliet tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea – Londra, Pariġi, Ruma, Madrid, Brussels u l-ibliet l-oħra, jitqiesu li llum huma f'żona tal-gwerra li forzi estremisti Musulmani qegħdin jagħmlu kontra l-pajjiżi tal-punent, speċjalment l-Istati Uniti ta' l-Amerika u magħhom ukoll l-Iżrael, hekk ukoll Malta se titqies li hija fl-istess gwerra għax imsieħba fl-Unjoni Ewropea.

Is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea qiegħda tgħattan l-istatus ta' newtralità ta' Malta, minkejja d-dikjarazzjoni li Fenech Adami għamel meta ffirma l-ftehim tas-sħubija f'Ateni fis-16 ta' April li għadda.

 

Għalxejn mexxejja barranin, fosthom anki soċjalisti, jiġu jgħidulna li se jirrispettaw in-newtralità ta' Malta, meta l-Unjoni Ewropea m'aċċettatx li tintrabat li tagħmel dan fi protokoll, bħal m'għamlet fil-każ tad-divorzju.

 

Il-poplu Għarbi u l-poplu Musulman jafu li Fenech Adami u l-gvern tiegħu kienu ilhom jgħidu li n-newtralità saret irrilevanti. 

 

Jafu li fl-aħħar ftit qabel ir-referendum meta l-gvern iffinalizza l-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea, tfaċċat id-dikjarazzjoni unilaterali dwar in-newtralità li xorta waħda m'għandhiex forza tegħleb dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li kull pajjiż membru huwa marbut li jħares mingħajr riservi l-politika barranija komuni ta' l-Unjoni li mhix politika ta' newtralità.

 

Suldati Maltin fil-periklu

 

Il-ġrajja ta' niket li fiha nqatlu 19-il carabinieri u suldati Taljani u ndarbu 17 ohra seħħet f'dak li t-Taljani jgħidu li qegħdin fl-Iraq biex iżommu l-ordni u l-paċi. 

 

L-istess skop il-Gvern ta' Fenech Adami qal li għandu meta ftiehem li suldati Maltin jieħdu sehem mal-kontingent Taljan fir-Rapid Reaction Force ta' l-Unjoni Ewropea. 

 

Ir-Rapid Reaction Force huwa isem ieħor ghall-Armata Ewropea. 

 

Fost l-għanijiet tagħha, hemm l-għan ta' 'peace making' barra 'peace keeping'. 

 

Dawn il-funzjonijiet jistgħu jesponu lis-suldati ta' l-Armat Ewropea fi ġlied mal-popolazzjoni lokali tal-pajjiż, kif qiegħed jiġri fl-Iraq, fejn parti mill-poplu tal-pajjiż ma tridx taf bil-preżenza tas-suldati barranin li huma meqjusa bħala suldati li qegħdin jokkupaw il-pajjiż.

Dak li seħħ lill-carabinieri u suldati Taljani jista' jiġri lis-suldati Maltin li jkunu mseħbin mal-kontinġent tas-suldati Taljani fl-Armata Ewropea li tintbagħat fuq missjoni hekk imsejħa ta' 'peace keeping' jew 'peace making'.

 

Lanqas irridu noħolmu fi ġrajja ta' niket bħal ma misset lill-poplu Taljan tiġri wkoll lill-poplu Malti. 

 

Imma l-ftehim li Fenech Adami għamel ma' l-Unjoni Ewropea se jesponi lill-poplu tagħna għal dan ir-riskju.

 

Jekk ma rridux gwaj bħal dan għas-suldati tagħna, irridu llum qabel għada nbiddlu l-ftehim tas-sħubija li l-Gvern Malti għamel ma' l-Unjoni Ewropea.

 

Il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea jnaqqas l-impjiegi

 

Il-ftehim ħażin tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li l-Gvern Nazzjonalista għamel qiegħed jagħti l-frott qares tiegħu anki qabel ma Malta tissieħeb fl-Unjoni fl-1 ta' Mejju tas-sena d-dieħla. 

 

Ħsara kbira qiegħda sseħħ fil-qasam tax-xogħol u l-impjiegi għax l-Unjoni Ewropea ġagħlet lill-Gvern Malti jieħu passi biex inaqqas il-ħaddiema qabel ma l-pajjiż isir membru ta' l-Unjoni, inkella l-Unjoni ma kinetx taċċetta li ssieħeb lil Malta.

L-Unjoni Ewropea l-ewwel ġagħlet lill-Gvern idaħħal it-taxxa tal-VAT fuq il-ħwejjeġ tal-konsum u s-servizzi, li laqtet ħażin ħafna lil numru ta' impriżi li kienu jaħdmu għas-suq lokali. 

 

Dawn l-impriżi bdew imajnaw fil-bejgħ tal-prodotti tagħhom li ma baqgħux kompetittivi ma' prodotti bħalhom barranin. 

 

Ħafna minn dawn l-impriżi jew għalqu jew ċkienu ħafna u minħabba dan ħafna ħaddiema tilfu x-xogħol tagħhom.

L-Unjoni Ewropea la mpurtaha mill-qgħad tal-ħaddiema ta' dawn l-impriżi u lanqas ma mpurtaha mill-konsumatur li ra l-prezzijiet jiżdiedu bi 15 fil-mija taxxa tal-VAT.

 

Ħsara lill-industrija lokali

 

It-tieni miżura li l-Unjoni Ewropea sfurzat lill-Gvern Malti biex jieħu kienet it-tneħħija tal-protezzjoni li kienet tingħata lill-industrija Maltija li taħdem għas-suq lokali. 

 

Għalhekk rajna lill-Gvern Nazzjonalista jiġi mġiegħel ineħħi l-‘import levies’ li huwa stess kien għamel biex jagħti ħarsien lill-produtturi Maltin li kienu jaħdmu għas-suq Malti.

Minħabba t-tneħħija tal-levies, numru ta' imprendituri Maltin fallew u oħrajn naqqsu sewwa mix-xogħol tagħhom. 

 

B'konsegwenza ta' dan, intilfu ħafna mpjiegi ta' ħaddiema Maltin. 

 

Dan kollu tort tal-ftehim ta' sħubija li l-Gvern Malti għamel ma' l-Unjoni Ewropea.

F'dawn l-aħħar ġimgħat rajna l-effetti negattivi tal-ftehim ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea fuq għadd ta' fabbriki li għalqu u ssensjaw lill-ħaddiema u fabbriki oħra li naqqsu numru ta' ħaddiema minħabba ż-żieda li kellhom fl-ispejjeż tal-produzzjoni kemm minħabba r-regoli ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll minħabba d-dazji fuq il-materja prima li jimportaw minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u li l-Unjoni ġġiegħel lill-Gvern Malti li jintaxxa u jibgħat id-dħul tagħha lill-Unjoni.

 

Effetti negattivi tal-ftehim

 

It-tnaqqis fl-impjiegi minħabba l-ftehim tas-sħubija għandu effetti negattivi mhux biss fil-qasam tax-xogħol, iżda anki fl-oqsma tal-pensjonijiet u tas-servizzi soċjali kollha. 

 

Anqas ma jkun hawn nies jaħdmu, anqas ikun id-dħul tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li minnhom jitħallsu l-pensjonijiet u s-servizzi soċjali kollha.

Għalhekk meta l-Unjoni Ewropea ġġiegħel lill-Gvern Malti jnaqqas l-impjiegi billi jħallas lill-ħaddiema li jirtiraw mix-xogħol qabel m'huma jagħlqu l-età ta' l-irtirar, l-Unjoni tkun qiegħda tnaqqas id-dħul tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (tal-bolla) li l-Gvern jirċievi. 

 

Minhabba dan, il-problema tal-‘welfare gap’, jiġifieri d-differenza bejn id-dħul tal-kontribuzzjonijiet u l-ħruġ tal-ħlasijiet li jsiru f'pensjonijiet, benefiċċji socjali, spejjeż tal-kura tas-saħħa u għajnuniet soċjali ohra, tikber u teħżien.

Il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar it-tnaqqis ta' l-impjiegi mingħajr qabel ma jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli jinħoloq xogħol ġdid u opportunitajiet ġodda tax-xogħol għall-ħaddiema li l-impjieg tagħhom jintemm, hija l-aspett negattiv l-aktar ewlieni li mill-aktar fis għandu jitwarrab mill-ftehim tas-sħubija. 

 

Jekk dan ma jsirx, il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea se jkun il-qerda ta' l-impjiegi kemm fil-qasam tal-manifattura, kif ukoll fil-qasam tas-servizzi f'Malta.

 

Tarka ta’ l-Unjoni Ewropea?

 

X’uħud mill-kelliema u kittieba Laburisti qegħdin jgħidulna li m'għandniex noqogħdu nwaħħlu fl-Unjoni Ewropea għat-tbatija li diġà bdew isofru eluf ta' ħaddiema bir-ruxxmata ta' sensji, irtirar kmieni mix-xogħol, għeluq ta' fabbriki u tnaqqis mill-benefiċċji soċjali li se jkollna. 

 

Iriduna nwaħħlu biss fuq il-Gvern Nazzjonalista għal dan il-gwaj kollu.

Huwa fatt li l-Gvern Nazzjonalista huwa ħati għax kien dan il-Gvern li ried li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u nnegozja dak il-“pakkett jintenn” li l-Prim Ministru Fenech Adami mar jiffirma fis-16 ta' April 2003.

Iżda kif nistgħu ma nwaħħlux ukoll fl-Unjoni Ewropea għat-tbatija li qiegħda tintefa' fuq il-ħaddiema tagħna?

 

Forsi mhux l-Unjoni Ewropea kienet li sfurzat lill-Gvern Nazzjonalista biex jaċċetta dawk il-kundizzjonijiet tal-mistħija dwar it-tarzni tagħna? 

 

Forsi mhux l-Unjoni Ewropea minn wara l-kwinti qiegħda tisforza lill-Gvern Malti biex jibda jżarma l-‘welfare state’ ħalli jkun jista' jnaqqas in-nefqa pubblika u b'hekk jobdi l-kriterji ta' l-Unjoni dwar il-patt ta' stabbilità ħalli jkun jista' jaddotta l-munita waħda ta' l-Unjoni – l-Euro – kif intrabat li jrid jagħmel fit-trattat li l-Prim Ministru ffirma f'Ateni?

Kif nistgħu ma nwaħħlux fl-Unjoni Ewropea meta se jibdew ġejjin ħaddiema barranin jieħdu x-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin? 

 

Kif nistgħu neħilsu lill-Unjoni Ewropea mill-htija – u nitfgħuha biss fuq il-Gvern Nazzjonalista – meta se jkollna ngħollu l-età tal-pensjon kif kien deċiż f'Barcellona waqt is-‘summit’ tal-kapijiet tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea?

Min qiegħed jgħidilna biex ma noqogħdux inwaħħlu fl-Unjoni Ewropea, x'għandu f'moħħu?

 

 Jaqaw flok tarka tal-ħaddiema, irid ikun TARKA TA’ l-UNJONI EWROPEA?!

 

Ftehim mhux żvantaġġjuż

 

Irridu nfakkru lill-kelliema u l-kittieba kollha Laburisti f'dak li d-delegati Laburisti qatgħu li l-Partit għandu jagħmel dwar il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea. 

 

Id-delegati għandhom dritt jippretendu li l-Partit jaħdem bla heda ħalli jara li l-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea ma jkunx żvantaġġjuż u ta' ħsara għall-poplu Malti u Għawdxi u speċjalment għall-ħaddiema. 

 

Dan li ddeċidew id-delegati Laburisti u din id-deċiżjoni mhix ta' dawk li qablu mal-mozzjoni ta' Karmenu Mifsud Bonnici u d-delegati sħabu li sostnewha, iżda hija d-deċiżjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit.

 

Għalhekk nistaqsu x'inhu jagħmel il-Partit biex iwettaq dak li l-Konferenza Ġenerali ddeċidiet?

 

 Il-Ħamis, 20 ta’ Novembru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ