MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici

 

It-Tarzna għandha tinkera lill-ħaddiema

 

B’sogħba kbira u għajb għall-poplu tagħna l-faċilitajiet stupendi tat-Tarzna mhumiex utilizzati u l-ħiliet ta’ mijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa huma mormijin għax hekk riedet l-Unjoni Ewropea li sabet lil Lawrence Gonzi u Austin Gatt jagħmluha ta’ bojja tat-Tarzna.

 

Issa jidher li falla t-tir li t-Tarzna ta’ Bormal tinkera mingħajr il-faċilitajiet għall-manutenzjoni tas-super yachts u r-riżorsi fiżiċi kbar tat-Tarzna llum mhumiex jitħaddmu kif jixraq.

 

Il-Gvern iħallas madwar €60 miljun biex ġab dan id-diżastru tar-riżorsi fiżiċi stupendi tat-Tarzna.

 

Iżda d-diżastru, anki akbar, seħħ mir-riżorsi umani ta’ l-aqwa ħaddiema tas-sengħa li pajjiżna kellu.

 

B’dan kollu, għandna fiduċja kbira li mhux kollox huwa mitluf jekk il-ħaddiema tat-Tarzna jagħmlu kuraġġ u jinsistu li jingħata lilhom il-kiri tat-Tarzna, issa li l-faċilitajiet tat-tiswija tal-vapuri ma nkrewx.

 

B’hekk imexxuha permezz ta’ koperattiva li tħaddan lill-ħaddiema kollha li jkunu jaħdmu fit-Tarzna.

 

Ma jagħmilx sens ekonomiku li l-faċilitajiet mit-Tarzna li jħalli qligħ sewwa jinqatgħu mill-faċilitajiet tas-Ship Repair li huma aktar problematiċi biex jitħaddmu mingħajr telf.

 

Għalhekk, għalkemm huwa magħruf li diġa` hemm interessi privati ppreferuti biex jingħataw il-Manoel Island Yacht Yard u l-faċilitajiet tal-manutenzjoni tas-Super Yachts, in-negozjati m’ghandhomx jitkomplew ħalli dawn il-partijiet jibqgħu magħqudin max-Ship Repair u jitħaddmu mill-koperattiva tal-ħaddiema tat-Tarzna.

 

Jibqa’ mbagħad il-Marsa Yard, li huwa magħruf ukoll li mexjin negozjati ħalli tinkera lill-privat.

 

Anke kieku kellu jseħħ il-pjan li l-Marsa Yard tinqata’ mi-Tarzna u tinkera, jkun jagħmel aktar sens li tibqa’ tat-Tarzna u tinkera minnha ħalli jkollha d-dħul tal-kirja li jgħina fid-dħul finanzjarju li jkollha.

 

Aħjar minn hekk, iżda, ikun jekk il-faċilitajiet tal-Marsa Yard jitħaddmu wkoll mill-koperattiva tal-ħaddiema tat-Tarzna għat-tiswijiet u l-bini tal-vapuri u xogħlijiet tal-azzar.

 

Għandna nżommu f’moħħna li f’intrapriża kummerċjali l-privat jista’ jofffri l-aħjar kwalita’ ta’ maniġment u ‘marketing’, iżda xorta waħda jrid jiddependi mill-kwalita` tal-ħila, ħidma u impenn tal-ħaddiema.

 

Issa l-ħila tal-ħaddiema tat-Tarzna hija assigurata, u jekk huma jridu, kapaċi jagħtu l-aqwa ħidma u l-akbar impenn li jistgħu.

 

Iridu juru kuraġġ u r-rieda soda u jekk jagħmlu dan, aħna nemmnu li l-maġġoranza l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin lesti jappoġġjawhom, għax dan ikun għall-ġid u fl-interess ta’ pajjiżna.

 

L-UE hi kaġun ta’ l-immigrazzjoni f’pajjiżna

 

Il-mod kif pajjiżna jimxi kif l-UE tgħidlu jagħmel fil-kwistjoni tal-immigranti illegali huwa fl-istess waqt traġiku u komiku.

 

Huwa traġiku għall-poplu tagħna li se jiffaċċja problemi soċjali serjissimi li l-eluf ta’ immigranti joħolqu lokalment u hu wkoll komiku għax waqt li ma rridux li l-immigranti illegali joqogħdu f’pajjiżna, ma rridux inħalluhom jitilqu minn hawn biex imorru fil-pajjiżi l-kbar tal-Ewropa.

 

U minflok qed nitfugħuhom il-ħabs jekk jippruvaw jagħmlu dan.

 

Il-ġimgħa l-oħra kellna żewġ stejjer ta’ dgħajjes bl-immigranti illegali li kixfu kemm l-UE qiegħda timxi magħna ħażin.

 

L-ewwel każ kien ta’ dgħajsa li kienet madwar 90 mil ‘il bogħod minn Malta li t-Taljani qalulna li kellha fuqha 84 immigrant illegali, fosthom mara li spiċċat twelled.

 

Permezz ta’ ħelikopter it-tarbija u l-omm inġiebu fl-isptar f’Malta.

 

Lanċa tal-militar Taljana waqqfet id-dgħajsa bl-immigranti illegali fi triqtha lejn Sqallija u reġġgħetha lura lejn il-Libja.

 

Għalkemm it-Taljani huma bħalna fl-UE, ma qagħdux jaraw jekk l-immigranti illegali kellhomx dritt li jitqiesu refuġjati jew li jingħataw protezzjoni umanitarja u l-UE ħallithom jimxu b’dak il-mod ma’ l-immigranti.

 

It-tieni każ kien ta’ dgħajsa b’115-il immigrant illegali li ntlemħet madwar 20 mil ‘il bogħod minn Malta minn xi sajjieda Maltin li qalu biha lill-Forzi Armati Maltin.

 

Il-laneċ ta’ l-Armata ġabru lill-immigranti mid-dgħajsa li kienet qiegħda tagħmel l-ilma u ġabuhom Malta.

 

Issa aħna qegħdin ninvestigaw jekk dawk l-immigranti għandniex inqisuhom bħala refuġati jew nagħtuhom protezzjoni umanitarja, kif l-UE tridna nagħmlu.

 

Sadanittant tfajnihom f’ċentri ta’ detenzjoni.

 

Stajna pprovdejnilhom trasport ta’ sigurta` bil-baħar biex imorru lura minn fejn telqu mil-Libja, bħal ma t-Taljani għamlu fl-ewwel każ li seħħ il-ġimgħa l-oħra.

 

Il-115 mmigranti illegali li salvajna mill-għarqa kienu sejrin ifittxu ażil fi Sqallija.

 

Ma riedux jiġu Malta u lanqas jitolbu l-ażil hawn.

 

B’hekk ma kellna l-ebda obbligu skond il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Refuġjati li nqisuhom bħala refuġjati jew intitolati għall-protezzjoni umanitarja, tgħid x’tgħid l-UE.

 

Iżda l-UE qiegħda tisserva bina biex inwaqqfu l-immigranti illegali milli jkomplu sejrin lejn l-Ewropa.

 

Ma tridniex inħalluhom jitilqu minn hawn għall-Ewropa u qiegħda ġġiegħlna nqisuhom kontra qabhom bħala refuġjati jew nagħtuhom protezzjoni umanitarja u b’hekk ma jkunux jistgħu jitħallew imorru fil-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni.

 

Skond l-aħħar rapport tal-Eurostat tal-Unjoni, Malta hija l-aktar pajjiż iffollat (‘densely populated’) fil-blokk kollu.

 

Minkejja li l-popolazzjoni tagħna hija kbira wisq għad-daqs tal-pajjiż, is-sena li għaddiet kellna zieda ta’ 2,450 immigrant legali, minbarra li daħlu ‘l fuq minn 2,700 immigrant illegali.

 

Kull sena qegħdin nagħtu d-dritt lil għadd ta’ immigranti illegali biex jibqgħu u joqogħdu hawn.

 

Fost dawk li tajnihom dan id-dritt is-sena l-oħra, kien hemm 272 Somalu u 216-il Eġizzjan.

 

Bis-sħubija fl-UE sofrejna ħsara kbira fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni, mhux biss illegali, imma anki legali minħabba d-dritt taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri li jiġi joqogħdu f’Malta.

 

Skond l-istess rapport tal-Eurostat is-sena l-oħra kellna żieda fil-popolazzjoni tagħna ta’ 2,450 immigranti legali, li 1,396 minnhom kienu Brittaniċi u 444 Bulgari.

 

Din iż-żieda fil-popolazzjoni hi ta’ ħsara għal pajjiżna u din il-ħsara qegħdin inġarrbuha minħabba r-regoli tal-moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ l-UE bejn il-pajjiżi membri.

 

Hija politika kontra l-interessi nazzjonali li nippermettu immigranti barranin jiġu jaħdmu f’pajjiżna meta għandna eluf ta’ Maltin u Għawdxin bla xogħol.

 

Hemm bżonn urġenti li l-Parlament Malti jifli sew il-qagħda ta’ l-immigrazzjoni f’pajjiżna, kemm dik illegali kif ukoll dik legali u għandu jiddeċiedi mhux skond xi trid l-UE, izda skond x’inhu għall-ġid u fl-interess tal-poplu tagħna.

 

Sakemm il-Parlament ma jagħmilx dan, il-qagħda ta’ l-immigrazzjoni tibqa’ ssir aktar traġika għall-poplu tagħna.

 

Għalhekk hemm ħtieġa kbira li l-poplu jiffirma l-petizzjoni popolari biex il-Parlament Malti jrażżan minnufih l-immigrazzjoni f’pajjiżna.

 

Propaganda ta’ l-UE fil-pjazez ta’ pajjiżna

 

minn Eddy Privitera

 

Fil-Ġurnali qegħdin jidhru reklami tar-rappreżentanza Maltija tal-Kummissjoni Ewropea li jgħidu li l-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea se jduru l-pjazez ta’ Malta u Għawdex biex juru li l-Unjoni hija qrib il-poplu u biex jinfurmaw kemm dak li qiegħda tagħmel huwa importanti għax jolqot il-ħajja ta’ kuljum tal-poplu.

 

Aħna nissuġġerixxu lil Dr Joanna Drake, li tmexxi l-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea, biex lill-Maltin u lill-Għawdxin tiformahom b’kull ma jolqothom u mhux tgħidilhom biss dak li jista’ jidher sabiħ.

 

Hemm ħafna aktar li qed jolqot ħażin lill-poplu Malti milli hemm tajjeb.

 

Dr Drake u shabha għandhom jinformaw lill-poplu kemm qed iħallas VAT li l-UE imponiet fuq il-Gvern Malti biex pajjiżna seta’ jissieħeb.

 

Kemm qed ikollna nħallsu taxxi li l-UE imponiet fuq il-prezz tal-fuel.

 

Kemm qegħdin inħallsu aktar

* għall-prodotti ta’ l-ikel,

* bħal-laħam,

* butir,

* banana,

* ħobż,

* zokkor,

* qamħ

* u ċereali,

meta nixtruhom minn barra l-UE minħabba t-tariffi imposti fuqhom biex prezzhom ikun qrib dak ta’ l-Unjoni.

 

Ikun interessanti kieku r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, huma u jduru l-pjazez, jispjegaw kif l-Unjoni qiegħda ġiegħel lill-Gvern iwettaq tibdil radikali fis-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, li se jfisser l-ewwel nett li eluf ta’ Maltin u Għawdxin se jkollhom jixtru l-mediċini minn buthom, flok jieħduhom b’xejn.

 

Ikun tajjeb ukoll li l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea jgħidu lill-bdiewa għaliex il-klawsola ta’ salvagwardja li suppost kellha tipproteġihom meta s-suq tal-prodotti tagħhom jaqa’, qatt ma daħlet fis-seħħ.

 

Dawk l-uffiċjali għandhom jgħidulhom ukoll lill-bdiewa kif dawn se jkunu jistgħu jkampaw meta jispiċċa s-sussidju kollu fis-snin li ġejjin.

 

Issa, wara li kienu għolew mas-smewwiet it-tariffi tad-dawl u l-ilma, rajna kif iċ-ċilindru tal-gass kważi rdoppja fil-prezz għax tneħħa s-sussidju.

 

Ikun ġust u sewwa li Dr Drake u sħabha jagħmlu qrara mal-poplu Malti u Għawdxi u jgħidulu li dan ġara għax l-UE mponiet fuq il-Gvern Malti li jneħħi s-sussidji kollha, minkejja li dan ta’ l-aħħar kien wiegħed, per eżempju, li se jkompli jissussidja l-elettriku u qatt ma qal li se jneħħi s-sussidji kollha.

 

Haġ’oħra li żgur li tolqot bil-kbir lill-Maltin u l-Għawdxin hija t-tibdil fit-trasport pubbliku.

 

Tgħid Dr Drake u sħabha se jkollhom il-kuraġġ li jgħidu lill-poplu li dan it-tibdil se jfisser nolijiet ogħla u probabbilment ferm ogħla min-nolijiet tal-lum?

 

Se jgħidulna li anke dan it-tibdil qiegħda timponihulna l-UE?

 

U Dr Drake u sħabha x’se jaqbdu jgħidu lill-kaċċaturi u lin-nassaba meta kienet l-istess Kummissjoni Ewropea li ħalliet lill-Gvern Nazzjonalista jinganna lil eluf minnhom wara li żgurahom li kien ġab deroga biex kemm il-kaċċa u kif ukoll l-insib setgħu jkomplu jgawduhom fir-rebbiegħa?

 

Biex issa, anki jekk imissha tkellmet dakinhar qabel ir-referendum u mhux issa, il-Kummissjoni qiegħda tgiddeb lill-Gvern li sar xi ftehim simili, tant li ħaditu l-Qorti.

 

Iżda dakinhar riedet tonsob lill-kaċċaturi u n-nassaba biex taħtaf lil Mata f’idejha u rnexxilha.

 

Hemm ħafna setturi oħra li ntlaqtu ħażin bis-sħubija ta’ Malta fl-UE.

 

Iżda ibqgħu ċerti li fil-pjazez lokali m’intomx se tisimgħu dwar kif intlaqtu ħażin.

 

Kulma se tisimgħu hu biss dak li l-propagandisti mħallsin mill-UE jaħsbu li jistgħu jimpressjonaw lil min lest jaħli ħinu biex jisma lil min mar tajjeb ħafna bis-sħubija.

 

Jekk tmorru staqsuhom x’qegħdin jaqilgħu huma fis-sena u qabbluh ma’ kif sejrin inthom.

 

B’hekk biss tkunu tafu ta’ min qiegħda qrib veru l-UE.

 

Il-Ħamis, 20 ta’ Awissu, 2009

 

Fttex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ