MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

  

Kollu tort tal-ftehim ma’ l-UE

 

Għalkemm il-Parlament Malti approva darbtejn il-ftehim li Malta għamlet ma’ l-UE, in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-poplu Malti għall-ftehim żdied mhux naqas.

 

It-tgergir tal-poplu jkompli jikber hekk kif l-effetti ħżiena tal-ftehim ikomplu jiżdiedu maż-żmien, u l-poplu jintebaħ li l-għawġ kollu huwa tort tal-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea.

Il-konsegwenzi ħżiena tal-ftehim li sar ma’ l-UE qegħdin jolqtu lill-poplu fil-laħam il-ħaj.

 

Fost l-agħar konsegwenzi tal-ftehim insibu l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet li qegħdin jifnu setturi kbar tal-poplu.

L-ewwel kellna d-dħul tat-taxxa tal-VAT li l-Unjoni Ewropea timponi fuq kull pajjiż imsieħeb fiha.

 

Kellna nitqannu bil-ħlas lill-Gvern tat-taxxa ta’ 18% fuq il-kontijiet tas-servizzi li ningħataw, fosthom anke fuq il-ħlasijiet magħmulin lill-avukati, lill-periti, lin-nies tas-snajja’ bħal ‘plumbers’, bajjada u oħrajn.

Anke fuq l-ispejjeż tal-funerali spiċċajna jkollna nhallsu 18% VAT għax hekk jgħid il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Ġejna li meta nidħlu nieħdu kafè, pastizz jew pasta, inħallsu t-taxxa tal-VAT minħabba dak l-imbierek ftehim li għamilna ma’ l-Unjoni Ewropea.

Issa anke fuq it-tagħlim u l-oġġetti ta’ l-iskola jkollna nħallsu t-taxxa, għax hekk jgħid il-ftehim ma’ l-Unjoni.

 

Fuq il-kontijiet tat-telefon ukoll żiedulna t-taxxa tal-VAT, skond l-istess ftehim ma’ l-Unjoni.

 

Fuq il-fuel, il-petrol u l-pitrolju l-Unjoni ġiegħlitna nħallsu taxxa fuq il-prezzijiet tagħhom li dejjem jogħlew minħabba ż-żieda fil-prezz taz-żejt.

Dawn it-taxxi twikkejna bihom minħabba l-ftehim li għamilna ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Għalhekk dak il-ftehim huwa l-kaġun dirett taż-żieda fil-prezzijiet li l-poplu qiegħed iħallas għall-prodotti u s-servizzi li semmejna.

Il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea m’għollilniex il-ħajja bid-dħul biss tat-taxxi fuq il-prodotti u s-servizzi, iżda wkoll bl-impożizzjoni tad-dazji ogħla skond it-tariffa komuni esterna fuq il-prodotti li nixtru mill-pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni.

 

Għalhekk għollewlna l-prezz taz-zokkor, tad-dqieq, tal-laħam, tal-karozzi u li ‘spare parts’ tagħhom, u l-oġġetti l-oħrajn kollha li l-Unjoni tesiġi li jitħallas dazju fuqhom halli l-Unjoni tipproteġi l-prodotti bħalhom li jsiru fil-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni.

 

L-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet, barra li jkabbru l-piż fuq il-poplu, jagħmlu lil pajjiżna inqas kompetittiv.

 

It-tnaqqis fil-kompetittività tfisser inqas turisti għal pajjiżna u inqas investment produttiv ġdid f’pajjiżna.

 

Inqas turisti u inqas investment ifissru xogħol inqas u impjiegi inqas għall-ħaddiema tagħna.

 

Dan kollu huwa tort tal-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Dħakna bl-Ewropa mhux għeniha

 

Malta tlifna opportunità tajba biex inħeġġu lill-Ewropa tħaddan it-twemmin tagħna fil-paċi permezz tal-politika tan-newtralità, fi żmien meta l-Ewropa hija mitlufa ma tafx kif tista’ tilqa’ għall-gwerra li qiegħda ssirilha permezz ta’ l-attakki suwiċida.

L-opportunità ngħatatilna mill-poplu Franċiż u dak Olandiż li qatlu lill-Kostituzzjoni Ewropea mħejjija mill-Unjoni Ewropea.

 

Ikun għalxejn li pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni jaħlu ż-żmien biex jirratifikaw il-Kostituzzjoni Ewropea, bħalma għadu kif għamel il-Parlament Malti.

 

Ma jkunx ħela ta’ ħin li kieku ninsew dik il-Kostituzzjoni u niddedikaw l-għaqal u l-isforzi tagħna biex infittxu x’inhu l-aħjar nagħmlu ħalli nħarsu lill-popli ta’ l-Ewropa mit-theddida tal-lum ta’ l-armi suwiċida.

Il-Kostituzzjoni Ewropea ma toffrix ħarsien minn dan il-periklu imminenti ta’ attakki suwiċida li qiegħed iwerwer lil ħafna pajjiżi Ewropej minkejja l-qawwiet militari u l-forzi mħarrġin tas-sigurtà li dawn il-pajjiżi għandhom.

Quddiem dan il-periklu ta’ attakki suwiċida, xi pajjiżi Ewropej ħassew il-ħtieġa li jissospendu l-ftehim li kienu għamlu li jħallu d-dħul u l-ħruġ taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea mingħajr ħtieġa tal-kontroll tal-passaporti.

Dan il-ftehim, magħruf bl-isem ta’ Schengen (il-belt fejn kien ġie ffirmat), iddaħħal fil-Kostituzzjoni l-ġdida Ewropea.

 

Għalhekk parti minn dik il-Kostituzzjoni qiegħda titwarrab sakemm tibqa’ l-gwerra ta’ l-attakki suwiċida fuq l-Ewropa.

Għadha ma nstabet l-ebda arma ta’ difiża kontra attakki suwiċida minn xi pajjiż.

 

L-uniku mod magħruf biex pajjiż iħares lill-poplu tiegħu minn attakk suwiċida huwa li l-pajjiż jimxi b’politika li ma toħloqx ir-raġuni biex iseħħ attakk suwiċida.

Fi ftit kliem, pajjiż irid jimxi b’politika li tevita bl-għemil jew bin-nuqqasijiet tagħha, li tant tiddispra lil ħaddieħor li mhux biss tagħmel minnu għadu, iżda li ġġibu f’qagħda li jifhem li għandu jagħti ħajtu biex jagħmel ħsara lil min iqisu għadu tiegħu.

Bil-politika ddikjarata ta’ ħidma attiva għall-paċi permezz ta’ politika ta’ newtralità rnexxielna f’Malta nħarsu lill-poplu mit-theddid ta’ attakki suwiċida.

L-aqwa kontribut li nistgħu nagħtu lill-Unjoni Ewropea huwa li nħeġġuha taddotta l-istess politika tagħna ħalli tħares lill-popli tagħha minn attakki simili.

 

B’hekk inkunu tassew qegħdin ngħinuha.

 

Bir-ratifika tal-Kostituzzjoni diġà mejta, dħakna biss biha!

 

Il-Parlament ġie mqarraq

 

Huwa nuqqas gravi ħafna li l-Parlament jiġi żgwidat b’tagħrif li ma jkunx korrett.

 

In-nuqqas ikun aktar gravi meta t-tagħrif żbaljat jifforma parti minn mozzjoni mressqa biex il-Parlament japprovaha.

Jiddispjaċina ngħidu li dan in-nuqqas seħħ fis-6 ta’ Lulju li għadda meta tressqet quddiem il-Parlament Malti l-mozzjoni tar-ratifika tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Kostituzzjoni Ewropea li għaddiet bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra.

 

Fost l-inkorrettezzi li kien fiha dik il-mozzjoni, jispikka dan il-kliem: “Peress li t-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni Ewropea jinkludi l-kundizzjonijiet kollha li Malta kisbet fit-Trattat tas-Sħubija ma’ l-UE inkluż kull Dikjarazzjoni u Protokoll hemm mehmuża…”

 

Fost id-Dikjarazzjonijiet mehmuża mat-Trattat tas-Sħubija (jiġifieri l-ftehim ta’ Malta tas-16 ta’ April 2003) kien hemm id-Dikjarazzjoni dwar in-newtralità ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-reġjun ta’ Għawdex.

Mhux veru li t-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jinkludi d-Dikjarazzjoni dwar in-newtralità ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-reġjun ta’ Għawdex li kienu mehmuża mat-Trattat tas-Sħubija ta’ l-2003.

 

Dak li jingħad fil-mozzjoni mhux veru.

It-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea fl-Artiklu 437 tiegħu jgħid li t-Trattat tas-Sħubija ta’ l-2003 jiġi mħassar meta t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea jidħol fis-seħħ.

L-Artiklu 438 tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea jgħid li d-dikjarazzjonijiet li jkunu saru matul iż-żmien “għandhom jiġu ppriservati sakemm jiġu mħassrin jew emendati”.

Għalhekk, meta jidħol fis-seħħ it-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea, jitħassar it-Trattat tas-Sħubija ta’ l-2003.

 

Meta jitħassar dan it-Trattat, jitħassru d-dikjarazzjonijiet li kienu mehmużin miegħu, jiġifieri d-Dikjarazzjoni dwar in-newtralità ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-reġjun ta’ Għawdex.

Għalkemm l-Artiklu 437 tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea jkompli jgħid li t-Trattat tas-Sħubija ta’ l-2003 għandu jiġi ppriservat, jispeċifika li għandu jkun ippriservat biss “skond dan il-Protokoll”.

 

Il-Protokoll huwa dak numru 9 anness mat-Trattat Kostituzzjonali Ewropew, u mhux mat-Trattat tas-Sħubija.

 

Fil-Protokoll Numru 9 anness mat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet dwar in-newtralità ta’ Malta u dwar ir-reġjun ta’ Għawdex tħallew barra.

Għalhekk dak li jingħad fil-mozzjoni tas-6 ta’ Lulju dwar ir-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea mhux minnu.

 

Il-Parlament ġie mqarraq.

 

  Il-ġlekk li ma jiġiniex

 

Min jaf kemm konna smajna li s-sħubija fl-UE kienet bhal glekk li ma jkunx jiġik.

 

Għalxejn tipprova ddaħħal żaqqek ’il ġewwa, għax jekk il-glekk ikun jiġik dejjaq, hekk kif tieħu n-nifs normali, żaqqek terġa’ tiġi ghan-normal u l-glekk tħossu qisu morsa ma’ żaqqek.

U l-istess ħaġa tiġri jekk il-ġlekk ikun kbir wisq għalik.

 

Għalxejn tilbes kemm tilbes flokkijiet minn taħt, xorta tkun tidher qisek xi kummidjant f’xi ċirklu!

Hekk qed nistħajlu li qed jagħmel il-Gvern Nazzjonalista.

 

Irid jagħti l-impressjoni li l-ġlekk ta’ l-UE jiġih tajjeb, minkejja li hija l-ħin kollu twissih li għadu ma libisx il-ġlekk kif suppost u kif kienet ordnatlu hija!

Aħna tas-
CNI ilna nafu li l-“ġlekk” ta’ l-UE ma jgħoddx għalina.

Għalhekk għidna li se nibqgħu nuru lill-poplu Malti kif u għaliex dak il-“ġlekk” mhux addattat għalina.

Għalkemm hawn min iridna noqogħdu kwieti u ma nuru xejn lill-poplu dwar l-UE, aħna m’aħniex lesti li nidħku bin-nies u ngħidulhom li issa dak il-“ġlekk” ta’ l-UE jkun jista’ jiġina sewwa jekk ilibbisulna ħaddieħor!

 

Lanqas meta konna kolonja!

 

Kważi kull ġimgha naqraw jew nisimgħu li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda twissi lill-Gvern Malti li jekk mhux se jwettaq dak li rabtitu li għandu jagħmel fit-Trattat tas-Sħubija (jew il-pakkett jinten), u jwettqu mingħajr dewmien, hija tieħu lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tagħha, fejn tkun tista’ twaħħalna multi kbar.

Naturalment, jekk l-UE twaħħal xi multa lill-Gvern Malti, il-multa ma jħallashiex il-Prim Ministru jew il-Ministri.

 

Inħallsuha aħna ċ-ċittadini ta’ din il-gżira ċkejkna li issa reġgħet sabet ruħha maħkuma mill-barranin, bħal qabel, anzi agħar minn qabel meta konna kolonja ta’ l-Ingliżi.

 

Għaliex qegħdin ngħidu “agħar minn qabel”?

Intom tiftakru okkażjonijiet fejn il-Gvern Ingliż kien wissa lill-Gvern Malti li se jieħdu quddiem il-Qorti ta’ l-Ingilterra u jheddu bil-multi kbar jekk il-Gvern Malti ma jagħmilx dak li jordnalu l-Gvern Ingliż?

 

Naħsbu li bħalna tgħidu li ma tiftakrux li kien iseħħ dan.

Qegħdin taraw mela kif qegħdin “maħkuma” ferm aktar minn meta konna kolonja ta’ l-Ingliżi.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

 Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 20 ta’ Lulju, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

 Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ