MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Qassmu l-ħelu biex itaffu l-morr!

 

FID-9 ta' Mejju saret ċerimonja u saru attivitajiet biex ifakkar Jum l-Ewropa fil-pajjiżi kollha ta' l-UE, inkluż f'Malta.

 

Fost l-attivitajiet, skond il-programm uffiċjali, kellu jsir marċ mill-banda tal-pulizija akkumpanjata minn studenti jġorru l-bnadar ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Kellna wkoll dibattitu bejn xi 400 student dwar il-futur ta' l-UE. U anki l-qsim tal-kejk ta' l-UE!


Tafu min qasam il-kejk? Minbarra l-Ambaxxatriċi Awstrijaka, kien hemm il-
Ministru Michael Frendo u Joanna Drake, li llum hija l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta.


Niftakru tajjeb ħafna lil
Joanna Drake tħambaq li s-sħubija fl-UE "kienet għalina u għal uliedna".

 

Kellha mitt elf raġun tgħid hekk.

 

Lilha u lil uliedha żgur li s-sħubija ġabitilha ħafna ġid. 

 

U biex tikkonfermalna dan, rajniha taqsam il-kejk ta’ l-Ewropa li hi tant qiegħda tiekol minnu!


Fl-istess jum, bħala parti mill-attivitajiet li organizzat il-Presidenza ta' l-UE (l-Awstrija), tqassam fl-istati kollha ta' l-UE il-ġurnal Ġermaniz Frankfurter Allgemaine Zeitung.

 

Għal din l-okkażjoni ta' Jum l-Ewropa kien hemm artikli dwar kull stat ta' l-UE, fosthom dwar Malta.


Huwa tal-mistħija li f'dan l-artiklu, sar attakk viljakk mill-artikolista fuq il-Partit Laburista Malti fejn
Heinz-Joachim Fischer wasal biex kiteb li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni fl-1996 bis-saħħa ta' kampanja bbażata fuq propaganda kontra "l-bhima tat-tramuntana" (kien qed jirreferi għall-UE)!


Ara fejn qatt it-tmexxija ta’ l-MLP iddeskriviet l-UE bħala "bhima"!

 

Kien biss jingħad li jekk ir-regolamenti ta' l-UE kienu tajbin u jgħoddu għall-pajjiżi l-kbar ta' l-UE, għalina dawn ma kinux jgħoddu.


Ara kieku dak l-artikolist kiteb li l-elezzjoni ta' l-2003 il-PN rebaħha bl-indhil dirett sfaċċat ta' l-UE.

 

U bl-ingann tal-Gvern Nazzjonalista, mgħejjun mill-MIC, almenu kien ikun kiteb fatt li seħħ.

 

U mhux gidba faħxija!


Tgħid il-Partit Laburista se jirreaġixxi għal dak l-insult f'jum li fih suppost l-UE kienet qiegħda tiċċelebra jum storiku li suppost "jgħaqqad" u mhux ikompli jifred, bħalma għamel
Heinz-Joachim Fischer?

 

Il-verità dwar “l-abjad” u “l-iswed”

 

IL-ĦABIB tagħna Anton Cassar irrisponda għal kitba tagħna f'din il-paġna:

"Għalina l-abjad "abjad" u l-iswed "iswed" (13 ta' Mejju).

 

Il-ħabib tagħna reġa' rrepeta li "r-regoli ta' l-UE, fihom infushom m'humiex ħżiena", u l-uniku ħaġa ħażina li jara hu "li ma konniex ippreparati".

 

Qal ukoll: "U dan qaluh ukoll il-mexxejja Laburisti…"


Aħna fakkarnih x'kienu qalu l-mexxejja Laburisti.

 

Per eżempju:

"Alla hares qatt nidħlu fl-UE";

"Jekk nidħlu fl-UE nkunu pajjiż maħkum";

"Uliedna jgħidulna grazzi jekk nagħtuhom pajjiż ħieles b'rajh f'idejh", eċċ.

 

Anton Cassar ma kitibx hux veru jew le li t-tmexxija Laburista kienu qalu dan id-diskors.

 

Naturalment jaf li jekk jammetti li kienu qalu dan il-kliem kien iwaqqa’ kompletament l-argument tiegħu li "r-regoli ta' l-UE m'humiex ħżiena, iżda li aħna ma konniex ippreparati".


Illum infakkruh fi kliem ieħor li kienu jgħidu:

"Iridu jlibbsuna ġlekk li ma jiġiniex";

"Jekk ċertu regoli huma tajbin għall-pajjiżi kbar ta' l-UE, għalina m'humiex".

 

Naħsbu li m'hemmx għalfejn inkomplu għax ċerti li l-ħabib tagħna jaf b'dawn il-kwotazzjonijiet li semmejna u ħafna aktar ukoll.


Huwa fis-sens biss li kkwotajna aħna hawn fuq:

"Jekk ċertu regoli huma tajbin għall-pajjiżi l-kbar …",

li t-tmexxija Laburista kienet issemmi li r-regoli ta' l-UE jistgħu jkunu tajbin għall-pajjiżi l-kbar iżda mhux għalina!

 

Mhux kif qed jagħti l-impressjoni Anton Cassar!

 

Jekk fi ħsiebu jerġa' jikteb nistednuh imeri xi waħda mill-kwotazzjonijiet li ktibna.

 

Nerġgħu nirrepetu wkoll li mhux veru li "l-poplu għażel" kif reġa' kiteb.

 

L-aħħar darba kien qal li l-poplu kien "imqarraq".

 

Din id-darba il-kelma "imqarraq" ma reġax kitibha.

 

Tgħid għaliex?


Li "
l-poplu ġie ngannat" mhux aħna tas-
CNI biss għidniha iżda qaluha wkoll il-mexxejja Laburisti!

 

U kellhom mitt elf raġun!

 

Kif tista' qatt tgħid li poplu li ġie mqarraq "għażel"?

 

Tkun verament qed "tagħżel" meta tkun ħieles biex taghżel.

 

U meta jkollok l-informazzjoni kollha – kemm dik bajda u kemm dik sewda – dwar l-UE.

 

U mhux dik "bajda" biss kif kien għamel il-Gvern Nazzjonalista.

 

Aħna nafu li l-partiti kollha llum ħadd minnhom mhu qed jgħid li jridu li Malta toħroġ mill-UE.

 

Li jridu lil Malta toħroġ mill-UE qegħdin jgħiduh eluf kbar ta' Maltin u Għawdxin kif irriżulta mill-aħħar stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika li għamel il-ġurnal MaltaToday!

Aħna nafu li l-politiċi spiss jaġixxu mhux skond dak li jkun irid il-poplu iżda skond kif jaħsbu li jista' jivvantaġġja lill-partit tagħhom ħalli jiksbu l-poter.

 

L-għan tas-CNI mhux li nikkonvinċu relattivament ftit politiċi (però li għandhom f'idejhom setgħa enormi), iżda li nkomplu nikkonvinċu lill-eluf dejjem akbar ta' Maltin u Għawdxin, li t-triq fl-UE m’hi se twassalna mkien!

 

Iż-żmien jagħtina parir!

 

Dwar li "ma konniex ippreparati", nistiednu jistaqsi x'ġara lid-diretturi ta' Simonds Farsons Cisk, li ftit ilu ħabbru li tilfu Lm400,000 s-sena l-oħra minħabba l-kompetizzjoni li kellhom mill-UE.

 

U dawn kienu qalu li huma ppreparati.

 

U kienu favur is-sħubija!

 

Nistaqsu aħna wkoll

 

IL-KAP ta' l-Oppożizzjoni għamel mistoqsija interessanti ħafna lill-ministru li jħobb "jilgħab il-flus", Dr Austin Gatt.

 

Dr Sant staqsa jekk hux veru li l-proġett ta' Smart City, minbarra li se jkun jinkludi fih proġett ta' lukanda, se jsir ukoll żvilupp ta' appartamenti lussużi f'żona mill-aqwa mal-kosta?


Jekk verament se jsir hekk u Tecom Investments jibnu dawn l-appartamenti lussużi faċċata tal-baħar il-profitti li jistgħu jagħmlu bil-prezzijiet tal-bini kif inhuma llum u kif jistgħu jsiru aktar ’il quddiem, faċli li, jekk mhux l-investiment kollu li suppost se jagħmlu – ta' Lm110 miljun – almenu parti sewwa minnu iġibuh lura mill-bejgħ ta' l-appartamenti!

Wisq nibżgħu li d-deċiżjoni li Tecom Investments jigu jinvestu f'Malta ma kellu xejn x'jaqsam mas-sħubija ta' Malta fl-UE iżda għax kienu se jingħataw art f'pożizzjoni mill-aqwa li setgħu jisfruttaw b'mod li jħalli profitt enormi għalihom.

 

U jidher ukoll li kienu kważi ċerti li se jirbħu t-tender għall-Maltacom bi prezz favorevoli għalihom.

 

Fil-fatt issa nafu uffiċjalment li l-isħma tal-Gvern se jgħaddu f'idejn Tecom Investments bi prezz ta' 40 ċentezmu kull sehem inqas mill-prezz li ġiebu l-ishma tal-Maltacom fl-istess jum li ħarġet l-ahbar b'mod uffiċjali!


Ma nistgħux nifhmu għaliex il-Gvern Malti stess, li għandu artijiet f'postijiet hekk tajbin għall-iżvilupp ta' appartamenti lussużi, ma jagħmilx l-iżvilupp hu stess flok li l-art tingħata lill-privat, ħalli l-profitti kbar imorru fil-but tal-Gvern stess flok fi bwiet ftit nies li huma diġà sinjuruni.

 

U agħar minn hekk, meta l-qligħ imur fi bwiet ta' żviluppaturi jew spekulaturi barranin!


Kieku jagħmel hekk, il-qligħ kbir ta' miljuni ta' liri l-Gvern ikun jista' jużahom għall-ġid tal-poplu.

 

Per eżempju, billi jiffinanzja bini ta' appartamenti bħala akkomodazzjoni soċjali għal dawk il-ħafna familji u individwi li qegħdin jispiċċaw bla post fejn joqogħdu.

 

U n-numru ta' dawn mistenni li jiżdied bil-bosta fil-futur.

 

Għax flok il-poplu Malti daħħluh fl-art imwegħda, daħħluh f'nassa!


Mid-dehra l-esperjenza ta' kif l-HSBC ħadulna minn ħalqna l-aqwa bank li kellna bil-karawett, ma swiet għal xejn.

 

L-istorja tidher li qed tirrepeti ruħha!

Limerikki

Jum L-Ewropa

Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju ċċelebraw

Biex itaffu l-imrar tas-sħubija, sa l-ħelu taw!

F’għajnejn il-poplu tefgħu xi ftit bżar,

Ħasbu li l-Maltin kollha għadhom tfal żgħar!

 

Subgħajna dritt!

 

Kultant ikun hemm mn jikkritikana,

Għax għal xi raġuni, ma jkunux jaqblu magħna.

Forsi għax aħna ma nagħmlu xejn għall-profitt,

Għax konna, għadna u se nibqgħu subgħajna dritt!

 

Is-Sibt, 20 ta’ Mejju, 2006.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

 Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ