MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Is-CNI tikkritika r-rapport dwar il-Kostituzzjoni ta' l-UE
Il-KLIKKA ta' l-IVA fil-Partit Laburista qiegħda tipprova timponi fuq il-Partit biex jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Hekk intqal mill-kelliema tas-CNI fil-Konferenza Stampa mogħtija nhar it-Tnejn, 18 ta' April, fiċ-Ċentru tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali, fil-Mosta.
Fil-Konferenza Stampa intqal li r-rapport politiku ta' Dr George Vella jgħid li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE ftit li xejn tbiddel lill-Unjoni kif inhi llum, wara t-Trattat ta' Nizza ta' l-2001.
Iżda fir-referendum ta' l-2003, il-Mexejja Laburisti kienu kkritikaw bl-aħrax l-Unjoni Ewropea, filwaqt li issa l-klikka Laburista ta' l-IVA qiegħda ssostni li kollox huwa tajjeb fil-Kostituzzjoni ġdida, anki dak li l-Partit kien jikkundanna sentejn ilu.
Jidher li hemm kampanja organizzata mill-klikka ta' l-IVA li taħt il-firma ta' Korrispondent, qiegħda kuljum tippubblika dik li hija msejħa verita` tal-fatti dwar il-Kostituzzjoni ta' l-UE, iżda m'hi xejn għajr l-istess kitba żbaljata ta' propaganda favur l-UE, li l-MIC kienet tippubblika qabel ir-referendum, ta' l-2003.
Dwar ir-rapport legali ta' Dr Joe Brincat, intqal li mhux sewwa li l-pubbliku jkun ingannat billi jingħad li r-rapport huwa ta' Pawlu Lia wkoll.
L-istess intqal li mhux sewwa li l-pubbliku jkun imqarraq bir-rapport politiku li fil-bidu tiegħu jingħad li huwa rapport tal-Partit Laburista, mentri fil-fatt huwa l-opinjoni tal-kittieb stess.
Dwar dan ir-rapport politiku, intqal li fih żball oħxon meta jgħid li l-Artiklu I-6 tal-Kostituzzjon ġdida ta' l-UE ma fih xejn ġdid meta jiddikjara li l-liġijiet ta' l-UE huma aqwa mill-Kostituzzjonijiet tal-pajjiżi membri ta' l-UE.
Għax dan l-Artiklu jdaħħal prinċipju Kostituzzjonali ġdid meta jsostni li l-liġijiet ta' l-UE huma superjuri għall-Kostituzzjonijiet nazzjonali.
Sal-lum, il-liġijiet ta' l-UE jitqiesu superjuri għal-liġijiet li l-Parlamenti Nazzjonali jagħmlu, imma mhux superjuri saħansitra għall-Kostituzzjoni.
Il-kelliema tas-CNI saħqu li l-Partit Laburista jkun qiegħed imur kontra l-mozzjoni tal-Konferenza Ġenerali tad-9 ta' Novembru 2003 jekk jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, għax din iġġedded il-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma' l-UE fl-2003, li rabtet lill-Partit Laburista jaħdem, waqt li qiegħed fl-Oppożizzjoni, biex ibiddel dak il-Ftehim.
F'Lulju ta' l-2003, l-Oppozizzjoni Laburista vvotat fil-Parlament kontra dak il-Ftehim u m'għandhiex sentejn wara tivvota favur il-Ftehim li l-Kostituzzjoni ġdida qiegħda ġġedded, waqt li tħalli barra d-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralita` u d-Dikjarazzjoni dwar ir-reġjun ta' Għawdex.
Bl-UE, Malta titlef il-politika barranija tagħha
L-ANQAS laħaq nixef l-istampar tar-rapport politiku kummissjonat mill-Partit Laburista li jgħid li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea mhix ta' theddida għall-politika barranija ta' Malta, li ma xxandarx l-aħbar li Iżrael qiegħed jagħmel pressjoni fuq il-Gvern ta' Malta biex Malta tabbanduna l-politika barranija tagħha dwar il-Palestina, ħalli timxi skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea, la darba Malta hija issa msieħba fl-Unjoni.
Inkixfet ukoll li Malta, minħabba s-sħubija tagħha fl-UE, kellha tbiddel il-linja politika tagħha dwar ir-riżoluzzjonijiet dwar il-Palestina li kull sena jitressqu fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Malta ma baqgħetx tivvota favur 17-il riżoluzzjoni dwar il-Palestina u d-drittijiet miċħudin tal-poplu Palestinjan u Ċensura għar-ripressjoni min-naħa ta' Iżrael.
Ġie żvelat ukoll li Malta, minħabba s-sħubija tagħha fl-UE, tat l-appoġġ tagħha biex il-grupp tal-pajjiżi tal-punent fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal Ġnus Magħquda jaċċetta lil Iżrael fil-blokk ġeografiku tal-pajjiżi tal-punent.
Issa Iżrael qiegħed isostni li la Malta ssieħbet fl-UE, il-politika barranija tagħha għandha tkun kompletament ma dik ta' l-UE fir-rigward tal-Lvant Nofsani u għalhekk Malta għandha tirtira mill-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar il-Palestina.
Malta ilha snin twal tieħu sehem attiv f'dan il-Kumitat li jirraporta x'nuqqas ta' passi jittieħdu minn Iżrael biex twettaq ir-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Magħquda dwar il-poplu Palestinjan.
Fid-dawl ta' din l-aħbar, jidher għal kollox żbaljat ir-rapport politiku mħejji mill-Onorevoli Dr George Vella li jgħid li dak li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE tipprovdi dwar il-politika barranija ta' l-Unjoni, mhux se jaffettwa xejn il-politika barranija ta' Malta.
Ir-rapport politiku lanqas iħares 'il quddiem kif l-UE fi ħsiebha tiżviluppa l-organizzazzjoni tas-servizzi barranin ta' l-UE taħt it-tmexxija tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE qiegħda toħloq.
Iżda l-Prim Ministru ta' Spanja, Jose` Luis Zapatero, ftit ta' żmien ilu, bassar x'se jiġri.
Huwa bassar li ma ndumux ma naraw l-għeluq ta' l-ambaxxati tal-pajjiżi ta' l-UE li għandhom f'pajjiżi barranin u minflok, il-pajjiżi membri ta' l-UE ikunu lkoll rappreżentati fil-pajjizi barranin, minn ambaxxata komuni waħda ta' l-Unjoni Ewropea.
Meta dan iseħħ, Malta forsi tiffranka l-ispejjeż, iżda żgur titlef il-politika barranija tagħha ta' newtralita`.
Żviluppi perikolużi fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea
M'HEMMX dubju li bil-Kostituzzjoni ġdida tagħha, l-Unjoni Ewropea se tkabbar u ssaħħah is-setgħat tagħha fuq il-pajjiżi msieħbin fl-Unjoni.
Is-setgħat akbar u aqwa li l-Kostituzzjoni tagħti lill-Unjoni, teħodhom minn idejn il-Gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri.
Dan ifisser li l-poplu ta' pajjiż membru se jitlef il-kontroll fuq dawk is-setgħat li se jgħaddu għand l-Unjoni, billi huwa mhux se jkollu l-mezz ta' kontroll kif dawk is-setgħat se jitħaddmu u jitmexxew mill-Unjoni, bħal ma kellu meta dawn is-setgħat kienu f'idejn il-Gvern tiegħu li huwa jaħtar fl-elezzjoni ġenerali.
Meta fis-sena 2001 issejħet il-Konvenzjoni tar-rappreżentanti tal-pajjizi membri ta' l-Unjoni, din kellha fost l-għanjiet tagħha, l-għan li tgħid liema setgħat l-Unjoni kellha treġġa' lura lill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri.
Iżda l-abbozz tal-Kostituzzjoni li tħejja, minflok naqqas is-setgħat ta' l-Unjoni, żiedhom u saħħahom u b'hekk iddgħajfet aktar is-setgħa tal-gvernijiet nazzjonali.
Dan kollu seħħ għax min imexxi l-Unjoni Ewropea għandu l-għan aħħari l-integrazzjoni sħiħa fi stat wieħed tal-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni, barra li isieħeb fl-Unjoni, il-pajjiżi kollha ta' l-Ewropa, ħlief ir-Russja.
Il-mod stess li jsejħu lill-Kostituzzjoni, jixhed dan l-għan aħħari.
Għalhekk sejħulha "Kostituzzjoni għall-Ewropa" u mhux "Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea".
Il-Kostituzzjoni stess tgħid li hija qiegħda tistabilixxi l-Unjoni Ewropea u li din l-Unjoni għandha personalita` f'għajnejn il-liġi, distinta u separata mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni.
Dan l-Istat ġdid li l-Kostituzzjoni qiegħda tistabbilixxi, se jkollu l-armata tiegħu u se jimmilitarizza ruħu biex ikun jista' jwettaq operazzjonijiet militari f'pajjiżi barra mill-Unjoni, skond ma l-Unjoni tħoss li l-interessi tagħha jitolbu li jsir.
Min jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, ikun qiegħed jivvota biex iseħħu dawn l-iżviluppi kollha imsemmijin li m'humiex mixtieqin u huma perikolużi.
Min tassew irid li tinfirex il-paċi, ma jkabbarx potenza militari u jivvota l-miljuni għall-iżvilupp ta' l-armi u l-armamenti, kif hemm maħsub li jsir fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell lill-attivisti Laburisti
Miljuni ta' Spanjoli, aktar min-nofs il-popolazzjoni, ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Ħadd ma għajjarhom li huma kontra l-Unjoni Ewropea.
Miljuni kbar ta' Franċiżi se jivvotaw kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Ħadd m'hu se jixlihom li huma kontra s-sħubija ta' Franza fl-UE.
Allura jekk it-30 Deputat Parlamentari Laburista ma jivvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, għax jibżgħu li jgħidulhom li huma kontra s-sħubija fl-Unjoni?
L-attivisti Laburisti għandhom jinsistu mad-deputati preferuti tagħhom li ma jittradixxux il-fiduċja li wrewhom meta vvotawlhom billi jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE li trid li l-liġijiet tagħha jkunu superjuri għall-Kostituzzjoni ta' Malta magħmula bis-saħħa tal-Gvern Laburista.
Għandhom iwissuhom biex ma jiksrux il-ġurament li ħadu ta' lealta` lejn il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna.
L-Erbgħa,
20 ta’ April, 2005.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ