MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

X’ma qalx il-Prim Ministru dwar is-summit ta’ l-UE

 

JIDHER li l-Gvern il-ġdid se jissokta bl-istrateġija ta’ misinformazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, għax fil-konferenza stampa wara l-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni fit-13 u l-14 ta’ Marzu, fi Brussels, il-Prim Ministru ma tax tagħrif korrett dwar dak li l-mexxejja kienu ddiskutew u ddeċidew fil-laqgħa.

Il-Prim Ministru ġie rrapportat li qal lill-ġurnalisti fil-konferenza stampa, li l-miri ta’ l-Unjoni Ewropea huma:

* li s-suq ta’ l-enerġija jkun aktar kompetittiv; 

* li jkun hemm prezzijiet aħjar ta’ l-ikel u ta’ l-enerġija; 

* li l-provvista ta’ l-enerġija tkun sostenibbli; u 

* li din ma tkunx tiddependi fuq fatturi li l-UE m’għandhiex kontroll fuqhom.

Iżda l-konklużjonijiet uffiċjali mxandra mill-UE ta’ dak li sar fil-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, jagħti stampa differenti minn dik mogħtija mill-Prim Ministru. 

 

Il-Prim Ministru ma qalx lill-ġurnalisti li dwar

* iż-żidiet fil-prezzijiet ta’ l-ikel u 

* ta’ l-enerġija, 

* il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE (inkluż il-Prim Ministru ta’ Malta), 

*qablu li m’għandhomx idaħħlu miżuri

* li ma jħallux ir-regoli tas-suq jiffunzjonaw tajjeb

* u hekk iwasslu għal aġġustament tal-prezzijiet.

 

Dan ifisser li l-mexxejja ftehmu

* li m’għandhomx jissussidjaw il-prodotti ta’ l-ikel u 

* ta’ l-enerġija ħalli jtaffu l-piżijiet fuq il-konsumaturi. 

 

Il-Prim Ministru naqas ukoll li jgħid lill-ġurnalisti li l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE (inkluż hu), semmew il-bżonn li tiġi kkunsidrata reviżjoni tad-direttiva Ewropea dwar it-tassazzjoni.

Huma talbu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti dwar kif ir-rati tat-taxxa tal-VAT u taxxi oħrajn, jistgħu jintużaw jew jitnaqqsu ħalli jiġu inkoraġġiti l-konsum u l-użu ta’ oġġetti li huma effiċjenti fl-użu ta’ l-enerġija u materjali li jnaqqsu l-konsum ta’ enerġija. 

 

Dan ikun ifisser li l-Gvern Malti jrid jaċċetta li jdaħħal inqas flus minn dawn it-taxxi, pass li l-Gvern ma jidhirx li jrid jieħu, għax biħsiebu jnaqqas id-dħul tiegħu mit-taxxa tad-dħul (Income Tax).

Il-Prim Ministru lanqas qal lill-ġurnalisti li

* huwa u

* l-mexxejja tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-UE, qablu li

* għandhom jitħaffu l-proċessi burokratiċi b’25 fil-mija sas-sena 2012, u 

* li għandhom jaġevolaw lill-industriji żgħar u medji

* billi jitnaqqas l-impatt negattiv fuqhom tar-regolamenti ta’ l-UE, u 

* biex tiżdied il-faċilità ħalli jiksbu finanzjar minn sorsi fl-Ewropa. 

 

Dan in-nuqqas tal-Prim Ministru juri l-biża’ tiegħu li jinkixef kemm hija fondata l-kritika dwar il-burokrazija esaġerata u r-regolamenti restrittivi ta’ l-UE li jostakolaw il-ħidma f’pajjiżna ta’ l-industriji żgħar u medji. 

 

Dawn in-nuqqasijiet f’dak li l-Prim Ministru qal fil-konferenza stampa, jixhdu t-tattika tal-Gvern li jinfluwenza kf jara li jaqbel lilu, x’jingħad lill-pubbliku Malti dwar x’tiddeċiedi l-Unjoni Ewropea.

Din it-tattika tinħadem billi jittieħdu l-ġurnalisti tal-midja Maltija għal-laqgħat ta’ l-Unjoni, u l-Prim Ministru jkellem lill-ġurnalisti Maltin f‘konferenza stampa li jagħmel qabel jiġi lura Malta.

 

B’dan il-mod il-midja f’Malta tirrapporta x’jgħid il-Prim Ministru u tinjora għal kollox il-konklużjonijiet uffiċjali li l-Unjoni xxandar tal-laqgħat.

Dan kollu huwa extravaganza ta’ ħela ta’ flus mill-Gvern Malti, li fuq kollox jagħti stampa mtappna lill-pubbliku Malti li jsegwi biss il-midja lokali, u ma jfittix tagħrif sħiħ u korrett minn mezzi tal-midja barranija.

Jidher li l-Gvern il-ġdid se jissokta bil-manipulazzjoni ta’ l-informazzjoni.

 

Il-post naturali ta’ Malta fl-Unjoni Mediterranea

 

IL-MEXXEJJA tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea fis-summit tagħhom tat-13 u l-14 ta’ Marzu ddiskutew ukoll il-proposta tal-President Franċiż Nicolas Sarkozy għat-twaqqif ta’ l-Unjoni Mediterranea. 

 

Meta saret il-proposta, kellhom jissieħbu f’din l-Unjoni, barra l-pajjiżi li jmissu mal-Mediterran, ta’ l-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani, il-pajjiżi biss ta’ l-UE li huma fil-Mediterran.

Huwa magħruf li l-Ġermanja u pajjiżi oħrajn ta’ l-UE oġġezzjonaw li titwaqqaf Unjoni Mediterranea għal għadd ta’ raġunijiet, fosthom li fl-UE diġà kien hemm imwaqqaf dak li hu magħruf bħala l-Proċess ta’ Barċellona biex ikattar il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi ta’ l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran li m’humiex imseħbin fl-UE.

Il-pajjiżi ta’ l-UE li m’humiex fil-Mediterran oġġezzjonaw ukoll li fondi ta’ l-UE jispiċċaw imorru fl-attivitajiet ta’ l-Unjoni Mediterranea minflok jintużaw ħalli jkattru l-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali fl-UE. 

 

Imbagħad hemm ukoll ir-raġuni li ma tingħadx pubblikament, li xi pajjiżi ta’ l-UE kienu ħosbiena li Franza tkabbar l-influwenza tagħha fil-Mediterran à skapitu u bi ħsara tal-pajjiżi ta’ l-UE li għandhom interessi fil-Mediterran, iżda kienu se jitħallew barra mill-Unjoni Mediterranea.

 

Fis-summit li għadda, il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE fasslu kompromess li jgħid li l-pajjiżi kollha ta’ l-UE, mhux biss dawk tal-Mediterran, ikunu mseħbin fl-Unjoni Mediterranea li se titwaqqaf, u li l-Unjoni Mediterranea tkompli l-proċess ta’ Barċellona ta’ l-UE. 

 

Il-mexxejja qablu wkoll li l-ewwel laqgħa tal-mexxejja ta’ l-Unjoni Mediterranea ssir fit-13 ta’ Lulju f’Pariġi.

Il-Gvern Malti stqarr li Malta għandha interess dirett fit-twaqqif ta’ l-Unjoni Mediterranea, għalkemm għad mhux magħruf x’sura se tieħu, kif se titmexxa, x’se jkunu l-għanijiet preċiżi tagħha, kif se taħdem u liema pajjiżi tal-Mediterran se jirrifjutaw li jissieħbu fiha.

Mhux magħruf, per eżempju, jekk it-Turkija hiex se twarrab l-oppożizzjoni tagħha li tissieħeb fl-Unjoni Mediterranea għax taraha li qiegħda titwaqqaf ħalli ma tkomplix tagħfas biex tissieħeb fl-UE.

Hemm ukoll il-kwistjoni ta’ Iżrael u l-Palestina. 

 

Xi pajjiżi Għarab joġġezzjonaw għall-preżenza ta’ Iżrael jekk il-Palestina ma tkunx aċċettata msieħba fl-Unjoni Mediterranea, fil-waqt li Iżrael għadu ma jridx li jkun hemm Stat Palestinjan.

Biex il-kwistjoni tikkomplika ruħha aktar, il-parti tal-Palestina li tmiss mal-Mediterran, hija Gaza, li qiegħda taħt il-Hamas u mhix immexxija mill-Awtorità Palestinjana tal-President Abbas, li t-territorju taħt il-Gvern tiegħu qiegħed fix-Xatt tal-Punent (West Bank) u ma jmissx mal-Mediterran.

 

M’hemmx dubju li l-Unjoni Mediterranea, minkejja l-inċertezzi kollha dwarha, tista’ u għandha tkun ta’ importanza kbira għal Malta. 

 

Hemm bżonn, iżda, li din ma tkunx l-istess bħall-UE u lanqas ma tagħti lok lill-pajjiżi ta’ l-UE jiddominaw lill-pajjiżi l-oħrajn tal-Mediterran u jimponu fuqhom politika ekonomika u politika soċjali li jekk huma addattati għall-pajjiżi Ewropej, m’humiex għal kollox addattati għall-pajjiżi mhux Ewropej tal-Mediterran.

Kien ikun xieraq għal pajjiżna li jkun minn ta’ quddiem fil-proċess tat-tfassil tas-sura, tat-tmexxija u tat-tfassil ta’ l-għanijiet ta’ l-Unjoni Mediterranea. 

 

Iżda pajjiżna hu sfortunat li jidher li la l-Prim Ministru u lanqas il-Ministru l-ġdid ta’ l-Affarijiet Barranin m’huma akkaniti dwar il-ġejjieni ta’ pajjiżna bħala ċ-ċentru tal-Mediterran, u mhux aktar kolonja fit-tarf ta’ l-UE u ddettata minnha x’tagħmel kemm internament, kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran li m’humiex fl-UE.

Nittamaw li l-Unjoni Mediterranea tiżviluppa f’għaqda b’saħħitha u ta’ fejda għall-ġid tal-popli tal-Mediterran u li fil-ġejjieni mhux imbiegħed il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin jirrealizzaw li l-post naturali tagħna huwa fl-Unjoni Mediterranea u mhux fl-UE.  

 

Proġett ta’ ‘windfarm’ ilu injorat

 

L-Unjoni Ewropea trid li sas-sena 2020, 20% ta’ l-elettriku jiġi ġġenerat mhux mill-fjuwil, iżda minn sorsi oħra ta’ enerġija li jiġġeddu. 

 

Għalhekk fil-konferenza ta l-aħbarijiet wara s-summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Malti tkellem dwar il-proġett ta’ ‘offshore wind farm’ li l-Gvern biħsiebu jagħmel 32 kilometru ‘l barra minn gżiritna, li jkun jipproduċu bejn 75 u 100 megawatts ta’ elettriku, jiġifieri madwar 20% tal-konsum ta’ l-elettriku f’pajjiżna.

 

Il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern għamel kuntatti ma impriżi barranin biex din il-‘wind farm’ titħaddem skond l-aħħar mudell li jagħmel sens ekonomiku. 

 

Il-‘wind farm’ tista’ ssir minn investituri privati, jew minn kumpanija bejn il-Gvern u l-privat.

 

Ladarba jkun imdaħħal il-privat fil-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, dan ikun ifisser li l-elettriku se jsir negozju li minnu jsir il-qligħ. 

 

L-istess se jiġri fid-distribuzzjoni tal-fjuwil tal-pompi tal-petrol u tad-dijżil. 

 

Il-Gvern se jbiegħhom lil kumpanija barranija, kif trid l-Unjoni.

 

Li ma qalx il-Prim Ministru kien li għal ħafna snin il-Gvern injora għal kollox proġett li kumpanija barranija li taħdem il-‘wind farms’ kienet iossottomettiet lill-Gvern, iżda dan qatt ma wera l-iċken interess li jiddiskuti l-proġett. 

 

Il-kumpanija privata aktar minn dabra għafset lill-Ministri, u lill-Prim Ministru, ħalli jikkunsidraw il-proġett, iżda dawn baqgħu ma jagħtux kas tagħha, minkejja li kien hemm kandidat Nazzjonalista li jirrappreżenta f’Malta lill-kumpanija barranija. 

 

Kaġun ta’ dan in-nuqqas, il-pajjiż ħallas somom kbar għall-fjuwil u l-poplu ħallas soprataxxa aktar fuq l-elettriku.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis,20 ta’ Marzu, 2008

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ