MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Iż-żjara ta’ Angela Merkel f’Malta

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Iż-żjara f’Malta tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel kellha skop ħafna akbar minn dak li hi u l-Prim Ministru Malti qalu lill-pubbliku.

 

Il-Ġermanja qiegħda tisfrutta l-qagħda finanzjarja ħażina ta’ ħafna pajjiżi tal-UE

* biex dawn iċedu l-kontroll tagħhom fuq l-ekonomija ta’ pajjiżhom

* u jingħaqdu f’ekonomija komuni waħda

* ddominata mill-Ġermanja u ssekondata minn Franza.

 

Il-Kanċillier Ġermaniż ġiet Malta biex tiżgura li l-Gvern Malta jaċċetta li jċedi s-sovranità tal-ekonomija ta’ pajjiżna f’idejn il-Gvern Ċentrali tal-UE, u milli jidher, il-Prim Ministru Malti wera appoġġ sħiħ.

 

Il-Kanċillier Ġermaniż ilha x-xhur tisħaq li hemm bżonn li jitwaqqaf reġim ġdid għall-munita ewro, u hi qalet li jekk dan ma jsirx, il-Ġermanja taħsibha jekk għandhiex tibqa’ fiż-Żona Ewro.

 

Diġà ttieħdu numru ta’ passi biex jikber il-kontroll tal-UE

* fuq il-baġits finanzjarji tal-pajjiżi tal-UE,

* li qabel jitressqu quddiem il-parlament nazzjonali,

* iridu l-ewwel jiġu approvati mill-UE.

 

Dan ifisser li meta l-Gvern Malti jressaq il-Baġit         

* fil-Kamra tar-Rappreżentanti,                                    

* hu jkun diġà ntrabat dwaru mal-UE xi żmien qabel,  

* u l-Membri tal-Parlament Malti jagħtu biss it-timbru

* għal dak li l-UE tkun qablet.                                       


Il-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE diġà qablu mal-Ġermanja

* li ssir emenda għat-Trattat ta’ Lisbona

* biex jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti

* li jkun jista’ jagħti għajnuna finanzjarja

* lill-pajjiżi tal-UE li jkollhom diffikultajiet finanzjarji.

 

Iżda l-għajnuna tingħata biss skont kundizzjonijiet iebsin li jkunu jridu jiġu mħarsin bir-reqqa mill-pajjiżi li jingħataw l-għajnuna.

 

Din l-emenda fit-Trattat ta’ Lisbona                             

* se twassal biex pajjiżna,                                             

* wara Ġunju 2013                                                        

* ikun legalment marbut li jagħti sehmu mill-garanziji

* li l-fond permanenti jagħti għas-self                          

* li jsir lill-pajjiżi li jkollhom bżonnu.                             

 

Illum Malta qiegħda tiggarantixxi €400 miljun

lill-faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja

li tibqa’ fis-seħħ sa Ġunju, 2013.

 

Il-mekkaniżmu permanenti li se jkollu l-isem ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, għandu jitwaqqaf bl-emenda fit-Trattat ta’ Lisbona li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar, 2013, u jieħu post il-faċilità tal-lum.


Dan il-mekkaniżmu permanenti li se jitwaqqaf                                                     

* ikun ifisser li pajjiżna jkun marbut b’garanzija b’mod permanenti                 

* ta’ €400 miljun (jew aktar, jekk il-fond ikun akbar minn dak li hemm illum),

* li tagħmel tajjeb għas-self li jsir lill-pajjiżi tal-ewro,                                        

* biex jekk dak is-self ma jitħallasx lura meta iż-żmien tas-self jagħlaq,         

* Malta jkollha tħallas sa €400 miljun minn dak is-self.                                    

 

Fi kliem ieħor, pajjiżna se jkollu din ix-xabla mdendla fuqu b’mod permanenti.

Għalkemm il-Prim Ministru Malti ntrabat li jaċċetta li jorbot lill-pajjiżna b’mod permanenti b’din il-garanzija, hu ttamat li l-Parlament Malti ma jappovax li tingħata din il-garanzija għal dejjem u li għalhekk jivvota kontra din il-miżura meta titressaq.


B’rabta mar-reġim ġdid tal-munita komuni l-ewro,

* il-Kanċillier Ġermaniż trid ukoll li l-pajjiżi tal-UE,

* almenu dawk taż-Żona Ewro,

* ikollhom armonizzazzjoni tat-taxxi,

* biex l-ebda pajjiż ma jkollu vantaġġ fuq il-pajjiżi l-oħrajn

* billi jkollu taxxi aktar baxxi

* u b’hekk jattira lejh l-investimenti u l-fondi barranin.

 

Skont it-trattat tal-UE, il-qasam tat-tassazzjoni ma jaqgħax taħt is-setgħat tal-UE, iżda hu ta’ kompetenza tal-gvernijiet nazzjonali.

L-armonizzazzjoni tat-taxxi fost il-pajjiżi tal-UE tista’ ssir jekk il-pajjiżi kollha jaqblu magħha.

 

M’hemmx dubju li l-Kanċillier Ġermaniż qiegħda tagħfas biex iseħħ dan il-pass u ma setax jonqos li hi ħeġġet lill-Prim Ministru Malti biex jaqbel ma’ dan.

 

Iżda dan il-pass ikun ifisser li pajjiżna jitlef waħda mill-attrazzjonijiet li għandu għall-fondi u investimenti barranin.


L-armonizzazzjoni tat-taxxi li l-UE trid, tinkludi t-taxxa tal-VAT li mhix l-istess fil-pajjiżi tal-UE.

 

F’ħafna minnhom, ir-rata tat-taxxa tal-VAT hi ogħla minn dik f’Malta ta’ 18%.

 

Għalhekk bl-aronizzazzjoni tat-taxxa tal-VAT,

* ir-rata tagħha togħla f’Malta                        

* biex tkun daqs tal-pajjiżi l-oħrajn.                 

 

Barra li togħla r-rata tal-VAT,                                   

* l-armonizzazzjoni tagħha tfisser                              

* li pajjiżna jitlef id-deroga li biha l-ikel u l-mediċini

* m’għandhomx taxxa tal-VAT,                                

* sakemm jibqgħu mhux intaxxati fl-Ingilterra         

* u fl-Irlanda.                                                              

 

Ma ntqalx jekk il-Prim Ministru qabilx mal-proposta tal-armonizzazzjoni tat-taxxi fil-pajjiżi tal-UE, iżda hu magħruf li l-Membru Malti tal-Parlament Ewropew li ħa sehem fil-kumitat li rrakkomanda li ssir l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni, appoġġja din il-proposta.


Matul iż-żjara ta’ Angela Merkel, sar ħafna ftaħir dwar ir-rabiet bejn pajjiżna u l-Ġermanja fl-oqsma industrijali, kummerċjali u finanzjarji.

 

Tajjeb li nżommu f’moħħna li dawn ir-rabtiet mhux frott tas-sħubija ta’ Malta fl-UE, iżda li bdew u ssaħħu ħafna snin qabel, tant li ħlief għall-intrapriża waħda, l-ażjendi kollha Ġermaniżi li għanda f’pajjiżna, twaqqfu qabel ma sseħibna fl-UE.

 

Ġibniehom f’pajjiżna, mingħajr ma ssagrifikajna s-sovranità ekonomika u politika kif qegħdin nagħmlu issa.

 

Il-kankru tal-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea

 

minn Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Huwa fatt li ma jiċħdu ħadd li fl-Unjoni Ewropea l-kankru tal-korruzzjoni hu kbir u mifrux.

 

L-Unjoni Ewropea għandha korp ta’ awdituri (magħruf bħala l-Court of Auditors) maħturin mill-pajjiżi membri għal numru ta’ snin, li xogħolhom huwa li jiflu l-kontijiet u l-ħlasijiet ta’ kull sena tal-UE.

 

Malta kienet ħatret lill-Professur Josef Bonnici bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE, u issa għandha lil Dr Louis Galea.


L-Awdituri tal-UE għandhom l-obbligi li jiċċertifikaw kull sena jekk il-kontijiet tal-UE humiex korretti.


Oħroġ il-għaġeb, kemm ilha li twaqqfet fil-1975 il-Qorti tal-Awdituri, qatt ma ċċertifikaw il-kontijiet tal-UE mingħajr ma għamlu xi kwalifika jew riserva dwarhom, li tifsser li qatt ma taw ċertifikat li l-kontijiet kienu għal kollox korretti (dak li jingħad bħala “clean bill of health”).


Wieħed li serva għal 15-il sena bħala Awditur tal-UE,

* l-Olandiż Maarten Engwirda,

* li għadu kif irtira mill-kariga,

* ta intervista lill-ġurnal Olandiż De Volkskrant,

* li fiha kkritika bl-aħrax kemm lill-kollegi awdituri,

* kif ukoll lill-membri tal-Kummissjoni Ewropea,

* billi xlihom li jħobbu jogħstru n-nuqqasijiet (li hu sejjaħ bħala “culture of cover-up”),

* u li għandhom id-drawwa li jtaffu ħafna r-rapporti tagħhom (“tradition of watering down reports”).

 

( http://euobserver.com/18/31620  Dutch ex-member of Court of Auditors blasts endemic corruption)

 

(http://www.volkskrant.nl/vk/nl/2664/Nieuws/article/detail/1790716/2011/01/11/Sabotage-en-fraude-in-Europese-Rekenkamer.dhtml

'Sabotage en fraude in Europese Rekenkamer)

 

Hu infatti jgħid li “there was a practice of watering down, if not completely removing criticism”.


Maarten Engwirda, iżda, żeffen fin-nofs anke lill-Kummissarju li fl-2005 kien responsabbli biex irażżan il-frodi fl-UE, l-Estonjan Siim Kallas, għax dan kien jagħmel pressjoni fuq il-Qorti tal-Awdituri biex ma jkunux iebsin ħafna fil-verifiki (to reduce its standards).

 

Siim Kallas hu llum il-Kummissarju responsabbli għall-qasam tat-trasport fl-UE.

Minkejja li l-Awdituri tal-UE huma aljenati f’xogħolhom, xorta waħda f’ebda sena ma waslu biex jiċċertifikaw il-kontijiet tal-UE bħala għal kollox korretti.


Ta’ min ifakkar li kien hemm aktar minn persuna waħda li kienet fl-impjieg tal-UE u li kixfet li kien hemm ħafna serq, frodi u korruzzjoni.

 

Biżżejjed infakkru f’Bernard Connolly li fl-1995 kiteb il-ktieb “The Rotten Heart of Europe”,

 

u l-Olandiż Paul van Buitenen, li kixef il-borom tal-UE fil-ktieb “Blowing the Whistle”,

 

u aktar riċenti, l-Ispanjola Marta Andreasen, li kienet inkarigata mill-kontijiet tal-UE u ma riditx tiffirmahom għax ma kienux korretti, u spiċċat bħal van Buitenen, imkeċċija mill-impjieg.

Illum hi Membru tal-Parlament Ewropew li għalih inħatret bħala rappreżentanta tal-United Kingdom Independence Party.


Andreasen qalet li ma ssorprendietx ruħha b’dak li qal Maarten Engwirda meta hu saħaq fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tal-awdituri tal-UE li turi nuqqas ta’ trasparenza fil-midja li huma jirrapportaw fuq l-irregolaritajiet fil-kontijiet tagħha.


Hi iżda ħasset li dak li ntqal qanqal tħassib dwar kemm il-Parlament Ewropew qiegħed jimxi sewwa meta jgħaddi l-kontijiet tal-UE, kif għamel f’dawn l-aħħar 15-il sena.


Andraesen għalhekk se tinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jqabbad awdituri barranin mill-UE biex huma jiflu l-kontijiet tagħha, indipenden­tement mill-awdituri tal-UE.


Hi se tistaqsi lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Barroso, jekk hux lest li jitkellem il-verità kollha dwar kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tonfoq il-fondi li ġejjin mit-taxxi li jħallu ċ-ċittadini tal-Unjoni.

 

L-UE u l-politika ekonomika

 

M’hemmx tama li l-UE tgħallmet lezzjoni mill-kriżijiet finanzjarji li ħafna pajjiżi membri jinsabu fihom.

 

L-UE qiegħda tippersisti bil-politika diżastruża tagħha li ħolqot qgħad ta’ 23 miljun ħaddiem u wasslet aktar minn 80 miljun persuna fix-xifer tal-faqar.

 

Minkejja dan, qiegħda tisħaq li jittieħdu miżuri ta’ awsterità li se jkomplu jonfħu d-dejn tal-pajjiżi, joħolqu aktar qgħad u jkabbru l-faqar aktar.


B’għajb nistqarru li pajjiżna għandu sehem fil-ħtija ta’ dan l-isfreġju, għax il-Prim Ministru Malti qiegħed jipparteċipa fil-laqgħat tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE u qed jaqbel mal-politika mfassla mill-UE u mal-miżuri ta’ awsterità ordnati minnha.

 

Dan iddikjarah huwa stess fl-istqarrija li dan l-aħħar għamel fil-Parlament dwar is-sehem tiegħu fil-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta’ Diċembru li għadda.

 

Huwa wasal biex qal li pajjiżna għandu jissieħeb ma’ pajjiżi oħrajn fl-appoġġ lill-gvernijiet li qed jieħdu l-miżuri ta’ awsterità.

 

Ma tax kas li f’pajjiżna hawn ħafna li ma jaqblux ma’ dawn il-miżuri ħorox.


Grupp ta’ 100 ekonomist Taljan

* f’ittra mibgħuta lill-Gvern Taljan

* u lir-rappreżentanti Taljani fil-Parlament Ewropew,

* u li huma xandru fil-ġurnal Taljan Il Sole

* kitbu li l-poltika ta’ awsterità tal-UE

* qiegħda tiggrava l-kriżi,

* qiegħda tkabbar l-ispekulazzjoni li jagħmlu n-negozjanti finanzjarji

* u tista’ twassal biex tisfaxxa l-munita ewro,

* iżżid il-qgħad u ġġib tnaqqis fl-ekonomiji.


Huma sostnew li l-kriżi ekonomika globali u l-kriżi taż-Żona Ewro mhumiex se jintgħelbu bit-tnaqqis tal-pagi u s-salarji billi tiċkien il-‘welfare state’, bi qtugħ fl-ispiża tal-edukazzjoni u tar-riċerka.


Anzi l-politika tal-qtugħ fl-ispiża tal-edukazzjoni u tar-riċerka

* tkompli żżid il-qagħda mwiegħra

* billi titkabbar ir-rata taż-żieda tan-nies qiegħda,

* tal-falliment tan-negozji u tal-kumpaniji,

* u jistgħu fl-aħħar il-pajjiżi tal-ewro joħorġu miż-Żona Ewro.


L-ekonomisti qalu li l-punt ewlieni li wieħed għandu jifhem hu l-instabbiltà li hawn fiż-Żona Ewro mhix ir-riżultat ta’ frodi fil-kontijiet tal-pajjiżi u lanqas fl-infiq iżżejjed min-naħa tagħhom.

 

L-instabbiltà fil-fatt ġejja bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika profonda globali u r-rabta li din għandha mal-iżbilanċi kbar li teżisti bejn l-ekonomija tal-pajjiżi tal-ewro.


L-ekonomisti jitfgħu l-ħtija tal-kriżi fuq il-politika ekonomika tal-pajjiżi kbar u b’saħħithom finanzjarjament, speċjalment il-Ġermanja, li ilha s-snin trażżan il-pagi billi ma tħallihomx jiżdiedu daqs kemm tiżdied il-kompetittività, u ilha taħtaf is-swieq barranin għall-prodotti tagħha u għall-kumpaniji Ġermaniżi.


Dik il-politika tat lill-Ġermanja bilanċi kbar ta’ pagamenti, dħul għall-pajjiż ħafna ikbar mill-ħruġ, filwqt li kabbret id-djun tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropea.

 

Billi l-UE m’għandhiex makkaniżmu li jaġġusta dan l-iżbilanċ, il-qagħda marret ħażin.

Skont l-ekonomisti Taljani din hi r-raġuni għaliex in-negozjanti tas-swieq finazjarji qegħdin jibżgħu li l-ewro se tiddgħajjef.

 

Huma jaħsbu li bil-miżuri ta’ awsterità, id-dħul mit-taxxi jonqos, u b’hekk ikun aktar diffiċli għall-pajjiżi biex iħallsu lura id-dejn tagħhom.

 

L-ekonomisti jgħidu li xi pajjiżi jistgħu bi ftit il-ftit joħorġu miż-Żona Ewro u oħrajn jistgħu jiddeċiedu li jaqblilhom jagħmlu dan biex joħorġu mill-ispiral li ċekken dejjem aktar l-ekonomija tagħhom.

 

Għalhekk hemm il-biża’ li l-pajjiżi jfallu u li jkollhom jerġgħu jaqilbu għall-muniti nazzjonali tagħhom.

 

L-ekonomisti jagħlqu l-ittra tagħhom billi jappellaw biex l-UE tirrevedi l-politika diżastruża ta’ awsterità u biex il-Bank Ċentrali tal-UE jabbanduna l-politika tal-‘bail outs’ b’self, u minflok jawtorizza li tiżdied il-provvista tal-fondi lill-pajjiżi f’diffikultajiet finanzjarji, biex jerġgħu jibdew ikabbru l-ekonomiji tagħhom.

 

Il-Ħamis, 20 ta’ Jannar, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ