MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici

 Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

 IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA

 

 Iridhom kompliċi fit-tradiment tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

IL-PRIM Ministru jrid li l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament tivvota mal-Gvern favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Gvern għandu maġġoranza fil-Parlament biex jgħaddi l-mozzjoni tar-ratifika tal-Kostituzzjoni.

 

B'maġġoranza sempliċi ta' 35 deputati Nazzjonalisti, il-Parlament Malti jista' jirratifika l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE u m'hemmx għalfejn il-vot ta' l-Oppożizzjoni Laburista biex ir-ratifika ssir.

 

Allura wieħed għandu jistaqsi għaliex il-Prim Ministru jrid li l-Oppożizzjoni Laburista taqbel mal-Gvern dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea?

 

Li kieku l-Prim Ministru ġenwinament ried li l-pajjiż ikun magħqud dwar il-Kostituzzjon ta' l-Unjoni Ewropea, huwa kien ifittex li jiddiskutiha qabel ma mar jiffirmaha f'Ruma fid-29 ta' Ottubru tas-sena l-oħra.

 

Minflok għamel dan, qabad u ffirmaha bla lanqas ma kellu d-diċenza li jagħti l-opportunita` lill-Parlament  jiddiskutiha.

 

Kellu żmien kemm ried biex jagħmel dan, għax huwa kien diġa` ftiehem dwarha f'Ġunju tas-sena l-oħra fis-Summit ta' Brussels tal-mexxejja tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Lanqas dak in-nhar il-Prim Ministru ma kellu d-diċenza jagħti l-opportunita` lill-Parlament Malti biex jiddiskuti l-proposti li kienu qegħdin jiġu mitħaddtin qabel intlaħaq ftehim dwar it-test finali tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

La darba l-Prim Ministru ffirma l-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, il-Ministri u l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti kollha se jkollhom jivvotaw favuriha, anki jekk ma jaqblux għal kollox magħha.

 

Għalhekk fil-Parlament mhix se ssir diskussjoni reali dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea min-naħa tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti.

 

Huma se jkollhom jitkellmu favur tagħha biss, mingħajr ma jikkritikawha, anki jekk f'qalbhom jafu li fiha ħafna x'tikkritika.

 

Id-diskussjoni fil-Parlament dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea sejra tkun formalita` biss min-naħa tal-Gvern.

 

Allura għaliex il-Gvern irid li l-Oppożizzjoni taqbel miegħu dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li diġa` approva u ffirma?

 

Ir-raġuni hija waħda u l-Gvern ma jridx jgħidha.

 

Il-Gvern jaf li minkejja li l-Parlament Malti jirratifika l-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm din ir-ratifika ssir b'maġġoranża sempliċi, tibqa' fis-seħħ u tgħodd fil-Qrati Maltin il-Kostituzzjoni ta' Malta bħala l-aqwa liġi u tegħleb il-liġijiet li l-Unjoni Ewropea tagħmel, jekk dawn ikunu ma jaqblux u ma jkunux skond il-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Iżda jekk il-Parlament Malti jirratifika l-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea b'maġġoranza ta' tnejn minn tlieta tal-membri kollha tal-Parlament (b'maġġoranza kwalifikata), ikun jista' jingħad li l-Parlament Malti qabel b'maġġoranza kwalifikata, kif trid il-Kostituzzjoni ta' Malta, li jekk l-Unjoni Ewropea tagħmel liġijiet li ma jaqblux mal-Kostituzzjoni Maltija, dawk il-liġijiet ikunu aqwa u jegħlbu lill-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Għalhekk il-Prim Ministru qiegħed jinsisti biex l-Opożizzjoni Laburista taqbel mal-Gvern dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Irid li l-Oppożizzjoni Laburista tkun kompliċi mal-Gvern fit-tradikment tal-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Irid il-wens tad-Deputati Laburisti li jagħmlu d-dnub li jmorru kontra l-ġurament li bħalu ħadu li jkunu leali u fidili għall-Kostituzzjoni ta' pajjiżna.

 

X'raġuni hemm biex il-poplu Malti jaċċetta l-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li fl-Artiklu 6 tagħha tgħid li l-liġijiet li l-Unjoni Ewropea tagħmel huma aqwa u fuq il-Kostituzzjoni ta' Malta?

 

Forsi siġġu ieħor, is-sitt wieħed, f'Parlament Ewropew ta' 750 siġġu?

 

Dan ma jiswa xejn ħdejn il-Kostituzzjoni li tgħaqqadna bħala poplu - l-unika ħaġa li naqblu magħha ilkoll.

 

L-Oppożizzjoni Laburista jmissha taf li l-għada li l-Parlament Malti b'maġġoranza ta' tnejn minn tlieta tal-membri kollha jivvota favur l-Artiklu 6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li jgħid li l-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea huma aqwa mill-Kostituzzjoni ta' Malta, il-Prim Ministru jdur fuq l-Opożizzjoni u jgħidilha li issa ma tistax ma taċċettax li ssir l-emenda tal-Kostituzzjoni ta' Malta ħalli din ma tibqax tgħid li hija l-ogħla liġi fil-pajjiż.

 

B'hekk il-Gvern Nazzjonalista jkun irnexxilu jġarraf il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' Malta li Gvern Laburista tant stinka għaliha wieħed u tletin sena ilu, bil-kunsens ukoll tal-maġġoranza tad-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti ta' dak iż-żmien.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Il-Ħamis, 20 ta' Jannar, 2005.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ