MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Ġejjieni
mwiegħer bis-sħubija fl-UE
L-eluf ta’ ħaddiema li, minħabba s-sħubija ta’
Malta fl-Unjoni Ewropea, jew tilfu l-impjieg tagħhom, jew tnaqqsulhom
il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, il-mijiet ta’ imprendituri li
minħabba s-sħubija fl-Unjoni, kellhom jagħlqu l-impriżi tagħhom
jew iċekknuhom, l-eluf ta’ nisa tad-dar li, bħala konsegwenza tas-sħubija
fl-Unjoni, qegħdin isibuha bi tqila ħafna biex ilaħħqu ma’
l-ispejjeż tal-ħajja minħabba l-għoli tal-ħajja, dawn
kollha jeħduha llum kontra l-politiċi tagħna li jaqblu mas-sħubija
fl-Unjoni, u li ma jridux li l-poplu jingħata l-opportunità juri r-rieda
tiegħu li nibdlu s-sħubija fl-Unjoni, mas-sħubija ma’ l-Unjoni.
Bis-sħubija fl-Unjoni jkollna nwettqu l-politika ta’ l-Unjoni, anki dik
li mhix tajba għalina jew li saħansitra tagħmlilna ħsara.
Bis-sħubija ma’ l-Unjoni jkollna d-dritt li, fil-waqt li nikkoperaw ma’
l-Unjoni, nimxu b’politika li taqbel lilna u li tagħmel ġid
lill-poplu tagħna.
Indipendenti u ħielsa mxejna ’l
quddiem
Bis-sħubija ma’ l-Unjoni l-Gvern Malti jerġa’ jkollu
d-dritt li jaddotta miżuri ħalli jinżammu fl-impjieg il-ħaddiema,
ħalli l-impriżi tagħna jiġu mgħejjunin jissaħħu,
iżda bis-sħubija fl-Unjoni l-Gvern Malti huwa miżmum milli
jwettaq dawn il-mizuri ta’ fejda għall-poplu tagħna.
Fis-snin li konna indipendenti u ħielsa qabel inħkimna mill-Unjoni
Ewropea, kabbarna l-industrija tal-manifattura f’pajjiżna, żidna
l-esportazzjoni minn pajjiżna, saħħaħna l-industrija
tas-servizzi f’pajjiżna u daħħalna s-servizzi finanzjarji,
bnejna l-industrija tat-turiżmu għollejna l-livell tal-ħajja
tal-poplu tagħna, ħloqna s-servizzi soċjali u l-pensjonijiet għal
kulħadd, bnejna eluf ta’ djar u appartamenti u tajna l-għajnuniet
kollha ħalli kulħadd seta’ jsir sid ta’ daru, waqqafna s-servizz
tal-kura tas-sahħħa b’xejn għal kulħadd, għamilna
l-iskola b’xejn u saħansitra ħallasna ż-żgħażagħ
tagħna ħalli jkomplu jistudjaw u jitrawmu.
Fil-waqt li seħħ dan il-ġid u l-iżvilupp kollu f’pajjiżna,
ksibna t-tmexxija tas-setturi kollha ta’ l-ekonomija tagħna, f’kollox
mill-banek sat-telekomunikazzjoni u faddalna l-miljuni, u saħħaħna
tant il-Lira Maltija, li saret tiswa aktar minn lira u nofs l-lira sterlina
Ingliza, bla ma kabbarniex id-dejn tal-pajjiż.
Bis-sħubija morna lura
Bis-sħubija fl-Unjoni, minflok morna ’l quddiem, komplejna
nkabbru d-dejn tal-pajjiż, biegħna l-aqwa assi, fosthom, l-akbar bank,
il-Mid Med, il-Posta, il-Lottu, u l-Maltacom (Telemalta), tajna bċejjeċ
minn pajjiżna lill-barranin, bħar-Rikażli u l-42 tomna art
f’Ta’ Qali lill-Amerikani u tlaqna t-tmexxija ta’ l-impriżi
nazzjonali f’idejn il-barranin, bħal ma sar fil-każ ta’ l-Air
Terminal, il-Freeport, u issa anki l-kap tal-programmi tal-Public Broadcasting
Services huwa barrani.
Biżżejjed infakkru li waqt li qabel ir-Referendum tas-sħubija
fl-Unjoni kienu żgurawna li bis-sħubija mhux se jintilfu mpjiegi u li
t-turiżmu se jikber, issa sibna li bis-sħubija fl-Unjoni tlifna ħafna
impjiegi u t-turiżmu mar il-baħar.
Aktar ’il tard f’din is-sena, nistennew li jibdlulna l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tal-pensjonijiet, żgur mhux biex itejbuhom, għax hekk ordnati nagħmlu skond il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni.
U fis-snin li ġejjin, jekk nibqgħu mseħbin fl-Unjoni,
niġu mġiegħla ma nħallux is-servizzi soċjali u l-kura
tal-mard jingħataw b’xejn lil kulħadd u t-taxxa tal-VAT tinfirex
aktar u togħla r-rata tagħha.
Fi żmien sentejn, jekk nibqgħu mseħbin fl-Unjoni, ikollna nħabbtu
wiċċna mat-theddida ta’ l-għeluq tat-Tarzna, u fiż-żmien
ta’ tlieta jew erbgħa snin, jiskadi ż-żmien tad-derogi li kienu
ngħatawna meta sseħibna fl-Unjoni.
Sadattant, il-ħajja tkompli togħla aktar minħabba d-dħul
ta’ l-Ewro f’Jannar tas-Sena 2008, u minflok inżidu l-impjiegi,
inkabbru n-numru tal-ħaddiema li jkollhom jispiċċaw mix-xogħol
bl-iskema ta’ l-‘early retirement’.
Kemm se nħallsu aktar meta ndaħħlu
l-Ewro?
Kif qegħdin tisimgħu fuq it-TV u taqraw fil-ġurnali, għaddejja kampanja sfrenata ta’ propaganda dwar id-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna.
Iridu bilfors jikkonvinċu lill-Maltin u l-Għawdxin li l-Ewro tgħidx
kemm se ġġibilna benefiċċji.
Issa kieku dan veru, ghaliex l-UE ġiegħlitna bilfors indaħħlu
l-Ewro għax kieku ma kinetx tħalli lil Malta tissieħeb fl-Unjoni?
U ta’ min jistaqsi wkoll: kieku veru hemm dawk il-benefiċċji
kollha, kif il-gvernijiet u l-popli tal-Gran Brittanja, ta’ l-Isvezja u
tad-Danimarka ma jridux li jkollhom l-Ewro bħala l-munita tagħhom?
Jistgħu forsi tal-Forum Malta fl-Ewropa jfehmu lill-poplu Malti kif
l-ekonomiji ta’ dawn it-tliet pajjiżi (Gran Brittanja, Svezja u
Danimarka) li żammew il-munita tagħhom, huma aħjar mill-ekonomiji
tal-pajjiżi l-oħrajn li għandhom l-Ewro bħala l-munita tagħhom?
Fost il-ħafna kliem vojt ta’ propaganda, laqtitna s-suppost raġuni
li meta jkollna l-Ewro nkunu nistgħu nqabblu l-prezzijiet li jkollna
f’Malta ma’ dawk li naraw fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni li għandhom
l-Ewro bħala l-munita tagħhom kull meta nsiefru.
Naturalment, jekk insiefru lejn l-Ingilterra, l-Isvizzera, in-Norveġja,
it- Tuneżija, il-Marokk, l-Eġittu, jew xi pajjiż ieħor
mill-175 pajjiż li m’humiex fl-UE, xorta ma nkunux nistgħu nqabblu
l-prezzijiet mingħajr ma nużaw il-“calculator”!
Li hu żgur hu li għall-poplu Malti u Għawdxi ferm aktar jinteressah li jkun jista’ jqabbel il-prezzijiet li se jkollna nħallsu bl-Ewro mal-prezzijiet ta’ l-istess oġġetti li kellna qabel ma qlibna għall-Ewro jiġifieri, kif kienu bil-Lira Maltija.
B’hekk biss
inkunu nafu hux qegħdin ninsterqu għax daħħalna l-Ewro.
Fi ftit kliem, se jkun aktar faċli għalina nqabblu l-prezzijiet meta
nsiefru f’xi pajjiż fejn jużaw l-Ewro, waqt li se jkun aktar diffiċli
għalina nqabblu l-prezzijiet meta nkunu f’pajjiżna!
Jikkritikaw bl-aħrax lill-Unjoni
Ewropea
Waqt li f’pajjiżna l-propaganda favur l-Unjoni Ewropea qiegħda
tiżdied, f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni l-kritika kontra
l-Unjoni qiegħda tiħrax.
Skond il-Membru Parlamentari Ingliz Bill Cash, l-Unjoni Ewropea mhux qiegħda
tkun ta’ ġid għaċ-ċittadini tal-pajjiżi membri kemm
ekonomikament, kif ukoll politikament u soċjalment u qiegħda tonqos
kemm lill-pajjiżi żviluppati barra l-Unjoni, kif ukoll dawk li qegħdin
jiżviluppaw.
Huwa fisser li wieħed mill-akbar fallimenti ta’ l-Unjoni huwa fil-qasam ekonomiku, fejn l-Unjoni falliet li tilħaq il-miri li hija għamlet fl-Aġenda ta’ Lisbona li sas-sena 2010, jkollha l-aktar ekonomija dinamika u kompetittiva fid-dinja.
Il-pajjiżi ta’ l-Unjoni li daħħlu l-Ewro jinsabu f’qagħda ekonomika mwiegħra, u l-Unjoni sabet ruħha ma tistax tħares il-kundizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir li ma jippermettix li d-defiċit fis-sena jkun aktar minn tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.
L-Unjoni qiegħda tbati mill-mard kroniku ta’ tkabbir ekonomiku
żgħir fl-istess ħin li għandha rata għolja ta’ nies
ma jaħdmux.
Bill Cash xela lill-Unjoni li bil-politika agrarja tagħha ta’ sussidji għall-prodotti
agrikoli esportati mill-Unjoni u tariffi għoljin għall-prodotti
agrikoli importati minn barra l-Unjoni, hija qiegħda tagħmel ħsara
enormi lill-popli tal-pajjiżi barra l-Unjoni li qegħdin jiżviluppaw.
Ċittadini diżillużi
bl-Unjoni
Membru ieħor tal-Parlament Ingliż, Graham Brady saħaq li aktar u aktar ċittadini ta’ l-Unjoni qegħdin jistaqsu għaliex l-Unjoni Ewropea ma laħqitx il-miri tagħha, għaliex il-qgħad fl-Unjoni huwa tant għoli, għaliex l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni hija staġnata waqt li l-ekonomiji ta’ ħafna pajjiżi barra l-Unjoni huma dinamiċi, u għaliex aktar u aktar ċittadini qegħdin jitilfu l-fiduċja fil-mexxejja politiċi li jieħdu deċiżjonijiet li ma humiex ta’ ebda ġid għaċ-ċittadini.
Brady sostna li hemm bżonn li l-Unjoni tkun flessibbli, inqas
regolamenti, u b’inqas setgħat ċentralizzati u tħalli aktar
setgħat lill-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri.
Douglas Carswell, membru tal-Parlament Ingliż, ukoll kiteb li l-Unjoni
Ewropea hija dgħajfa u qiegħda dejjem aktar tiddgħajjef u tinżel
’l isfel waqt li pajjiżi barra l-Unjoni telgħin ’il fuq.
L-ekonomija tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni f’daqqa llum jagħmlu persentaġġ inqas ta’ l-ekonomiji flimkien tad-dinja kollha mill-persentaġġ li kien fis-snin imgħoddija.
Ħafna aktar flejjes kapitali ħerġin mill-Unjoni Ewropea milli deħlin fl-Unjoni.
Huwa jistma li sa nofs dan is-seklu, l-ebda wahda mill-erba’ pajjizi ta’ l-Unjoni li huma fil-grupp tas-sitt pajjiżi l-aktar industrijalizzati, jiġifieri l-Ġermanja, l-Ingilterra, Franza u l-Italja li flimkien ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ġappun jiffurmaw il-grupp G6, ma jkun aktar fost is-sitt l-akbar ekonomiji tad-dinja.
Billi tgħodd flimkien l-ekonomija tal-pajjiżi mseħbin
fl-Unjoni, jikber id-daqs tal-qasam ekonomiku ta’ l-Unjoni, iżda ma tagħmilx
l-aktar ekonomija dinamika, jiġifieri b‘rata għolja ta’ tkabbir.
Kritika interna
Il-kritika ta’ l-Unjoni Ewropea mhix ġejja minn barra biss, iżda anki minn ġewwa l-Unjoni.
Dan l-aħħar l-awdituri ta’ l-Unjoni li l-Professur Josef Bonnici huwa wieħed minnhom, attakkaw lill-Parlament Ewropew għax dan ħela miljuni mill-flus ta’ l-Unjoni miġburin mit-taxxi taċ-ċittadini tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni. Bejn il-1998 u l-2004 il-Parlament Ewropew ħallas sitt miljun Ewro f’kera ta’ post li nżamm vojt (il-Belliard Complex) għal sitt snin sħaħ.
L-Awdituri kkritikaw ukoll lill-Unjoni minħabba nuqqas ta’ ppjanar dwar il-bini taghha, għax il-bini tal-Parlament Ewropew m’għandux spazju għall-uffiċċji li hemm bżonn, madwar 1,350 oħra, minħabba t-tkabbir ta’ l-Unjoni biċ-ċieda tal-pajjiżi mseħbin ġodda.
Sar magħruf ukoll li f’dawn l-aħħar snin,
il-Parlament Ewropew ħallas bejn 32 u 60 miljun Ewro żejda f’kera għall-bini
fi Strasbourg.
Iżda l-akbar kritika ta’ l-Awdituri ta’ l-Unjoni hija dwar il-ħela
ta’ flus fil-programm ta’ l-iżvilupp rurali.
L-Awdituri lmentaw li l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea ma jikkontrollawx kif jintefqu l-fondi kbar li bejn il-2000 u l-2006 laħqu 60 biljun Ewro, u meta l-Awdituri flew tliet mitt proġett ta’ żvilupp rurali, sabu li l-għażla tal-proġetti kienet issir ta’ kafkaf u ma kienx hemm provi biżżejjed li l-flus intefqu sew fuq il-proġetti magħżulin.
Jidher li parti kbira mill-fondi lanqas tmur għar-reġjuni
agrikoli tal-pajjiżi ta’ l-UE.
Mhux ta’ xejn l-UE ħadet il-fama ta’ industrija kbira tal-korruzzjoni u
ħela.
Kif se nqabblu l-prezzijiet?
Bl-Ewro se nkunu nistgħu nqabblu l-prezzijiet,
kull meta nsiefru f’xi pajjiż ta' l-Unjoni.
B’hekk inkunu nafu fil-prezz hemmx żidiet,
li jistgħu wkoll itellgħulek il-pressjoni!
Meta ma nsifrux kif se nqabblu l-prezzijiet,
ma’ dawk li kellna qabel bil-Lira Maltija?
Kif se nkunu nafu jekk kienx hemm żidiet,
ħalli naraw bl-Ewro għamilniex ħmerija?
Mhux affari tagħkom, la qed jgħiduh huma,
tal-Forum Malta fl-Ewropa, il-professuri.
Tkun tista’ tinsteraq bla biss tinduna,
l-aqwa li jmorru tajjeb in-negozjanti sinjuri!
Il-Ħamis, 19 ta’ Ottubru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ