MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CN I
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Ma għandniex inkasbru l-Kostituzzjoni ta’ Malta
Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea tgħid li fl-oqsma li l-Unjoni tikkmanda, hija aqwa u fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Iżda
dan li tgħid il-Kostituzzjonji ta’ l-Unjoni ma jiswa xejn jekk tnejn minn
kull tlieta tal-membri kollha tal-Parlament Malti ma jivvotawx favuriha meta
titressaq għall-approvazzjoni (ratifika) tal-Parlament Malti.
Jekk ma jivvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea
mill-inqas 44 mill-65 membri tal-Parlament Malti, anki jekk japprovawha l-24
pajjiżi membri l-oħra ta’ l-Unjoni, il-Kostituzzjoni ġdida
ta’ l-Unjoni ma tegħlibx il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Minn dan wieħed jifhem kemm hi kbira r-responsabbiltà ta’ kull membru tal-Parlament tagħna meta titressaq fil-Parlament il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.
Il-membri tal-Parlament ħadu ġurament li jkunu fidili u leali lejn il-Kostituzzjoni Maltija.
Il-Kostituzzjoni
Maltija tgħid li hija l-ogħla liġi fil-pajjiż u kull liġi
oħra li ma taqbilx magħha, ma tiswiex safejn ma tkunx taqbel
mal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta żżid tgħid ukoll li biex tinbidel,
iridu jivvotaw favur it-tibdil mhux inqas minn tnejn minn tlieta tal-membri
kollha tal-Parlament.
La maġġoranza
f‘referendum, la maġġoranza f‘elezzjoni ġenerali, u lanqas maġġoranza
f’kull wieħed mill-24 pajjiż membru ieħor ta’ l-Unjoni
Ewropea ma jbiddlu l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Billi l-President tar-Repubblika ta’ Malta u l-Prim Ministru ta’ Malta
jiffirmaw il-Kostituzzjoni ġdida fid-29 ta’ Ottubru f’Ruma, ma jiswa
xejn biex din tegħleb il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
La l-President u lanqas il-Prim Ministru ma jmisshom jiffirmaw il-Kostituzzjoni
ġdida ta’ l-Unjoni jekk ma jridux imorru kontra l-ġurament li ħadu
li jkunu fidili u leali lejn il-Kostituzzjoni ta’Malta.
Jikkommettu att serjissimu jekk jiffirmawha, iżda xorta waħda ma jkollha ebda effett legali fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Din
tal-President u tal-Prim Ministru li jiffirmaw il-Kostituzzjoni ġdida ta’
l-Unjoni Ewropea li tgħid li fl-oqsma li l-Unjoni tikkmanda, hija aqwa
mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, huwa att fih innifsu gravi u
anti-kostituzzjonali.
Huwa nsult lill-Parlament Malti l-fatt li titressaq quddiemu abbozz ta’ liġi
biex tirratifika l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li tgħid li tegħleb
il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għax
kien il-Parlament Malti li fis-sena 1974, fi żmien Gvern Laburista, għamel
għall-ewwel darba huwa kostituzzjoni għal pajjiżna u stqarr
solennement li ried li hija tkun l-ogħla liġi għall-poplu Malti.
Il-Parlament ried isammarha tajjeb il-Kostituzzjoni billi għamel li ma
tistax tinbidel jekk mhux bil-kunsens ta’ almenu tnejn minn tlieta tal-membri
kollha tal-Parlament, u mhux ta’ dawk biss li jieħdu sehem
fil-votazzjoni.
Ħadd mill-membri tal-Parlament tal-lum, lanqas il-Prim Ministru, ma jista’ jgħid li għandu mandat mill-elettorat Malti biex japprova l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
Meta
l-poplu Malti vvota favur is-sħubija fit-8 ta’ Marzu, 2003, ma vvotax
favur dik l-Unjoni Ewropea li se tinħoloq bil-Kostituzzjoni ġdida.
Lanqas meta l-poplu Malti vvota favur il-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali tat-12 ta’ April, 2003, ma vvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni li kienet għadha ma tlestietx.
Għalhekk
il-membri tal-lum tal-Parlament Malti ma jistgħux jippretendu li għandhom
mandat mill-poplu Malti biex jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’
l-Unjoni.
Il-poplu ddeċieda favur is-sħubija fl-Unjoni kif kienet meta vvota,
mhux kif se tkun skond il-Kostituzzjoni ġdida.
Ir-rappreżenanti
tal-poplu m’għandhomx setgħa jitkellmu għalih dwarha.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
It-Tlieta, 19 ta’ Ottubru, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar