MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000

 

Is-sħubija fl-UE għamlitilna ħsara kbira

Ħafna minn dawk li ngħaqdu flimkien biex jgħidu ‘IVA’ għall-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea li l-Gvern Malti għamel is-sena l-oħra, qegħdin illum jintebħu li r-rebħa li għamlu kienet rebħa ta’ Pirru (Phyric victory). 

Jiġifieri, kienet rebħa tal-mument, iżda l-poplu Malti ma rebaħ xejn minnha, anzi tilef.

Il-poplu Malti tilef finanzjarjament għax bis-sħubija fl-Unjoni mbarka bi spejjeż fenomenali li ma nifilħux għalihom. 

Biżżejjed insemmu kemm jeħtieġilna mpjegati fl-ambaxxata Maltija fl-UE. 

Se jkollna ’l fuq minn 50 ruħ li jgħixu fi Brussels, li jqumulna ’l fuq minn miljun lira Maltin fis-sena. 

Dawn il-miljun lira u fuqhom se joħorġu mill-ekonomija Maltija u jintefqu fil-Belġju. 

Eżempju ieħor ta’ l-ispejjeż fenomenali li se jbażwruna huma l-ispejjeż kbar ta’ numru kbir ta’ passaġġi bl-ajru ta’ politiċi u mpjegati pubbliċi li l-ħin kollu sejrin lejn Brussels u ġejjin lura lejn Malta.

Ħsara lill-ekonomija

L-EKONOMIJA Maltija ntlaqtet ħażin bil-ftehim ta’ sħubija fl-UE. 

* Bil-ftehim, kibret l-importazzjoni f’Malta u naqas il-bejgħ tal-prodotti maħdumin f’Malta. 

* Żdiedu s-servizzi mogħtijin f’Malta mill-barranin minflok dawk li kienu jingħataw mill-Maltin.
* Kibru l-ispejjeż tal-manifattura u tas-servizzi f’Malta u b’hekk naqsitilna l-kompetittività. 

* L-investiment barrani li joħloq ix-xogħol ġdid ma kibirx. 

* Ix-xogħol ma żdiedx, 

* l-impjiegi anzi naqsu u 

* l-qgħad għola, 

* it-taxxi ndiretti (bħall-VAT u l-Eco-Tax) żdiedu u 

* għollew il-ħajja.
* Is-sħubija fl-UE faqqritna politikament. 

* Fl-oqsma kollha ċivili li l-Unjoni għandha setgħa fuqhom, id-deċiżjoni politika m’għadhiex f’idejn il-maġġoranza tar-rappreżentanti maħturin fil-Parlament Malti, iżda għaddiet f‘idejn il-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha membri fl-UE. 

* Il-politika tar-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi barranin ma bqajniex nagħmluha aħna, iżda tiddeċidiha l-UE. 

* Il-poplu tagħna m’għadux sovran kemm kien. 

* Pajjiżna m’għadux indipendenti u ħieles.

Jiddgħajjef in-nazzjon

ANKI fil-qasam amministrattiv morna lura bis-sħubija fl-U E. 

Ir-regoli ta’ l-Unjoni żiedu l-burokrazija u l-eluf ta’ regolamenti ta’ l-Unjoni taqqlulna t-tmexxija tal-pajjiż. 

Kibret l-ispiża tat-tmexxija amministrattiva u żdiedu l-ispejjeż biex jitħarsu r-ruxxmata regolamenti ġodda u biex nistgħu nimxu skond ir-regoli ta’ l-Unjoni.

Agħar minn kollox, is-sħubija fl-UE qiegħda ddgħajjef lill-poplu Malti bħala nazzjoni żgħir, iżda mogħni bil-ħwejjeġ kollha li jagħmlu nazzjon. 

Minflok nazzjon, pajjiżna se jispiċċa jsir belt żgħira f’wieħed mir-reġjuni ta’ l-UE. 

Malta, flok gżira nazzjon, issir belt f’reġjun, maħkuma mill-gdid mill-mentalità kolonjali li fl-imgħoddi żammet lill-poplu Malti kuntent li jitmexxa mill-barrani, għax kien nieqes mill-kuraġġ u l-kburija li bil-ħila tiegħu u bla biża’ jofroq il-ġejjieni mhux magħruf.

Bżonn ta’ mexxejja qalbiena

QABEL ma l-poplu Malti kiseb l-indipendenza u l-ħelsien, il-mexxejja politiċi tagħna kienu jitkejlu b’kemm kienu kapaċi jiġġieldu ħalli jfehmu lill-poplu l-ħtieġa li jqum fuq saqajh, jirbaħ il-biża’, jieħu d-destin tiegħu f’idejh u jissagrifika ruħu ħalli jikseb il-ġieħ ta’ poplu nazzjon.

Is-sħubija fl-UE qerdet il-fiduċja tal-poplu Malti fil-ħila tiegħu li jmexxi lil pajjiżu aħjar mill-barranin u kkundizzjonat l-imħuħ taż-żgħażagħ Maltin biex sfaw jaħsbu li ħajjithom tkun aħjar jekk titmexxa skond kif jgħidulhom il-barranin. 

* Reġgħet għamlitna poplu dipendenti. 

* Telfitna l-ħelsien tal-ħsieb tagħna. 

* Dgħajfitilna r-rieda tagħna. 

* Neżżgħatna mill-ġieħ ta’ nazzjon ħieles. 

* Ikkorrompitilna l-fibra morali. 

Din hija l-akbar telfa li ġarrabna bis-sħubija fl-UE. 

Fil-qagħda ta’ mistħija li waqajna fiha, reġa’ għandna bżonn kbir ta’ mexxejja politiċi li jkollhom il-ħila jkaxkru warajhom lill-poplu Malti ħalli nagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa kollha biex nibnu mill-ġdid nazzjon ħieles. 

L-ikbar diżgrazzja hija li jkollok mexxejja politiċi li l-ħila li juru hija biss min minnhom kapaċi l-aktar jitmiegħek fi friex barrani.

Kritika ħarxa lill-Kummissjoni

JIM Dougal irriżenja ftit ta’ ġimgħat ilu mill-kariga ta’ Kap ta’ l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea fl-Ingilterra. 

Telaq mill-impjieg li kellu b’kundizzjonijiet tajbin ħafna, minħabba l-fatt li ma felaħx aktar jaħdem f’ambjent ta’ burokrazija li ġġennek u muntanji ta’ karti.

Huwa lmenta għax il-Kummissjoni Ewropea tagħti flejjes kbar lil organizzazzjonijiet li jagħmlu seminars ta’ propaganda għall-Unjoni, li fihom jieħdu sehem biss nies li diġà huma ħafna favur l-Unjoni. 

Iżda l-Kummissjoni ma ssibx mezz kif tilħaq lil dawk li huma xettiċi dwar l-Unjoni.

Dougal kixef li kemm dam jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea ma ltaqa’ ma’ ebda mpjegat tagħha li ma kienx entużjast dwar l-Unjoni u li kien iħaddan twemmin kritiku lejha. 

Għalhekk il-Kummissjoni mhix rappreżentattiva taċ-ċittadini kollha ta’ l-Ewropa għax thħalli barra dawk li huma xettiċi.

Issir kritika tal-Kummissjoni Ewropea għax trid tmexxi qisha hija xi Gvern. 

Hija tippretendi li għandha s-setgħa li tgħid lil Gvern ta’ stat membru ta’ l-Unjoni x’għandu jagħmel u kif għandu jmexxi l-pajjiż u tikkontrollah. 

Kellna eżempju ta’ dan meta l-Kummissjoni Ewropea ma aċċettatx li l-Kunsill tal-Ministri ma jieħdux passi din is-sena kontra l-Gvernijiet tal-Ġermanja u Franza li ma rnexxilhomx iżommu l-iżbilanċ tal-budgets ma jaqbiżx it-tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.

Eżempju ieħor tagħtulna l-Kummissjoni Ewropea li qiegħda tinsisti li tikkontrolla l-gvernijiet tal-pajjiżi membri dwar ftehim ta’ servizzi bl-ajru li għamlu ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. 

Hija qiegħda titlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni (fosthom Malta) iħassru l-ftehim li għamlu, wara li hija kisbet mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni deċiżjoni li parti mill-ftehim dwar is-servizzi bl-ajru ma’ l-Istati Uniti kien illegali.

L-għażla stramba tal-Kummissarji

SKOND Jim Dougal, il-Kummissjoni Ewropea hija mtaqqla wisq kif timxi, u għandha tant regolamenti u burokrazija li qajla tista’ tkun effettiva. 

Kulħadd jammetti li l-burokrazija ħarbet mill-kontroll tal-Kummissjoni.

Nistgħu nżidu kritika oħra tal-Kummissjoni Ewropea. 

Tinħatar b’mod stramb li ma jispirax fiduċja fil-ħila tagħha li tmexxi tajjeb il-politika li hija teddeċiedi għall-Unjoni Ewropea.

Nieħdu l-każ ta’ Joe Borg, il-Kummissarju Malti li Fenech Adami għażel li jinnomina biex jinħatar Kummissarju. 

Huwa kellu biss esperjenza ministerjali fil-qasam ta’ l-affarijiet barranin.

Wara li nħatar Kummissarju minn Prodi u approvat mill-Parlament Ewropew bit-tqanzieħ, intbagħat ma’ Kummissarju ieħor ħalli jikseb l-esperjenza. 

Iżda issa ngħata mill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, Barroso, il-kariga ta’ Kummissarju ta’ l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Il-Kummissarju Joe Borg m’għandu ebda esperjenza tas-sajd u lanqas ta’ l-affarijiet marittimi. 

(Ma nafux jekk qattx qabad qażba b’idu u kemm jaf jghum). 

Allura kif jista’ jmexxi l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-affarijiet marittimi u tas-sajd meta huwa m’għandux esperjenza tagħhom?

Minflok li jinħatru Kummissarji li jkunu kompetenti fil-qasam li jingħataw, il-Gvern ta’ pajjiż membru jagħmel għażla politika għall-kariga ta’ Kummissarju mingħajr ma jkun hemm ħsieb kemm il-persuna magħżula hija kompetenti fil-qasam li tiegħu se tingħata l-kariga ta’ Kummissarju. 

U b’hekk nispiċċaw biex ikollna l-Kummissarju Joe Borg imexxi l-affarijiet marittimi u s-sajd ta’ 350, miljun ċittadin Ewropew f’25 pajjiż, meta ma kellux esperjenza jmexxi l-affarijiet marittimi u s-sajd ta’ 400,000 Maltin!

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

 Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Il-Ħamis 19 ta' Awissu 2004

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ