MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-MEMBRU PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
L-indħil mifrux min-naħa tal-Kummissarji ta’ l-Unjoni Ewropea f’ħafna oqsma tal-ħajja f’pajjiżna, għandu jħammar wiċċ kull veru Malti li għandu gieh u ma jridx li jitmexxa mill-barrani bl-istess mod ta’ meta pajjiżna kien maħkum mill-barranin.
Il-politiċi
Maltin li lesti jħallu lill-Kummissarji ta’ l-Unjoni jiddettawlhom kif
imexxu f’pajjiżna, ma jistħoqqilhomx l-appoġġ tal-poplu
Malti li jagħżilhom biex imexxu huma, mhux biex huma jmexxu skond ma
jgħidulhom ta’ l-Unjoni.
L-indħil tal-Kummissarji ta’ l-Unjoni fil-ħwejjeġ interni tagħna juri li rajna m’għadux f’idejna u li fl-Elezzjoni Ġenerali nivvotaw biex ikollna “puppets on a string” jew marjonetti li jinġibdu bl-ispag mill-Kummissarji ta’ l-UE.
Intellgħu nies li jew ifinġu meta jgħidulna li l-affarijiet f’pajjiżna se jsiru bis-saħħa tagħhom, jew tant tmermret ruħhom, li lanqas għadhom iħossu li qegħdin jitmexxew minn ħaddiehor, li huwa barrani għal pajjiżna.
Il-lista ta’ l-oqsma f’pajjiżna li fihom jindaħlu l-Kummissarji ta’ l-Unjoni hija diġà twila ħafna u dejjem titwal aktar ma jgħaddi ż-żmien.
Tibdil
ordnat mill-UE
Il-Kummissjoni
Ewropea l-ewwel bdiet billi fliet il-liġijiet tagħna kollha u ġiegħlitna
nagħmlu bidliet fihom ħalli jiġu jaqblu mal-liġijiet ta’
l-Unjoni Ewropea.
Mill-bidu tas-sħubija fl-Unjoni, ġiegħlet lill-Gvern ineħħi t-taxxa fuq id-dixxijiet tat-televiżjoni.
Ftit wara ġiegħlietu jnaqqas it-taxxa tas-safar bl-ajru.
Mill-bidu ta’ din is-sena ġiegħlitna nagħmlu tibdil fit-taxxa ta’ l-International Trading Companies li ħajjarna jitwaqqfu f’Malta u jġibu l-fondi tagħhom f’pajjiżna.
Ġiegħlitna nneħħu kull benefiċċju fit-taxxa li konna nagħtu ħalli niġbdu investimenti lejn pajjiżna.
Fost l-impożizzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, kellna t-tnaqqis fl-għadd tal-ħaddiema fiż-żewg tarzni, kif ukoll il-limitazzjoni li għamlulna fuq l-ammont ta’ xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri li nistgħu nagħmlu kull sena.
Il-Kummissjoni Ewropea żammitna milli nagħtu għajnuniet biex fabbriki jkomplu jaħdmu, u l-konsegwenza ta’ dan, kien l-għeluq ta’ numru ta’ fabbriki u t-tkeċċija ta’ mijiet ta’ ħaddiema.
Multi
mill-UE
Ftit taż-żmien
ilu l-Kummissarji ta’ l-Unjoni mmultawna ’l fuq minn nofs miljun liri Maltin
għax qabel ma sseħibna, xtrajna wisq aktar zokkor milli qalu li
jmissna xtrajna.
Issa reġgħu mmultawna Lm123,000 għax qabel is-sħubija xtrajna ammont ta’ ġobon aktar mill-ammont li qalu jmissna xtrajna.
Ġiegħluna
nħassru l-ftehim li kellna mal-kaċċaturi u n-nassaba dwar
id-delizzju tradizzjonali tagħhom, u issa qegħdin jheddu li
jimmultawna jekk inħallu ssir il-kaċċa fir-rebbiegħa u
l-insib is-sena kollha.
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħfasna ħalli naċċettaw il-liġijiet li jridu jagħmlu ħalli jirregolaw f’pajjiżna l-kawżi tad-divorzju ta’ persuni barranin.
Ma jridux li tibqa’ t-taxxa fuq il-karozzi ‘second-hand’ li nimportaw mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Diżgwid
ma’ l-UE
Għandna
xi ngħidu mal-Kummissarji ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent, dwar kif isir dak
li huwa magħruf bħala “Stretegic Environment Assessment”, u dwar
kif nirregolaw id-dfin tad-demel fil-‘landfills’.
Il-Kummissjoni qiegħda trossna dwar il-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, minflok miż-żejt, kif ukoll dwar l-ammont ta’ gassijiet li jagħmlu ħsara lill-atmosfera (‘greenhouse gas control’).
U qiegħda wkoll tindaħlilna dwar l-ammont ta’ l-ilma li ntellgħu mill-art.
Lis-sajjieda,
il-Kummissjoni Ewropea tindaħlilhom kemm jaqbdu ħut u x’ħut
jaqbdu.
Ftit ta’ żmien ieħor, lis-sajjieda dilettanti se tirregolahom dwar kemm jistadu.
Il-lista ta’
ndħil mill-Kummissarji Ewropej f’kif imexxu ħwejjiġna f’pajjiżna
hija ħafna aktar u dejjem titwal.
Se jindaħlulna x’pensjonijiet nagħtu u l-kundizzjonijiet tagħhom, u ma jdumux ma jġiegħluna nibdew inħallsu għal servizzi soċjali li llum ingawdu b’xejn.
Għalhekk għandna raġun ngħidu li llum mhux il-politiċi li ntellgħu fl-Elezzjoni Ġenerali jmexxuna, iżda l-Kummissarji ta’ l-Unjoni Ewropea.
Poplu li jgħożż ġieħu, ma jibqax jaċċetta din l-umiljazzjoni nazzjonali fit-tul.
Nittamaw li l-poplu Malti jgħożż ġieħu u ma jdumx
ma jqum kontra din il-ħakma kolonjali ġdida.
Isir ħafna ftaħir li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Malta immodernizzat ruħha bid-dħul tal-liġijiet ta’ l-Unjoni.
Iżda jekk niflu sewwa l-affarijiet, insibu li pajjiżna għadu lura meta mqabbel anke ma’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Qasam li fih pajjiżna għadu lura, huwa dak tal-kontijiet pubbliċi.
Is-sistema ta’ kif il-Gvern Malti jippreżenta l-kontijiet pubbliċi fil-Parlament għall-approvazzjoni kull sena, hija waħda insodisfaċenti u insuffiċjenti għall-aħħar.
Il-Gvern ma jgħidx
x’baqagħlu jdaħħal mit-taxxi u minn dħul ieħor li
jkunu dovuti f’dik is-sena, fl-aħħar tagħha.
Lanqas ma jgħid x’għandu jagħti għall-ispejjeż u xogħlijiet li jkun għamel matul is-sena, iżda li ma jkunx għadu ħallas għalihom f’gheluq is-sena.
Għalhekk il-Gvern jippreżenta kontijiet li juru biss x’ħallas u x’daħħal matul is-sena, mingħajr ma jirrapporta wkoll x’baqagħlu jħallas u x’baqagħlu jdaħħal għal dik is-sena.
Kontijiet li ma jagħtux kas x’baqa’ jitħallas u x’baqa’ jidħol, ma jagħtux stampa ċara u korretta tal-qagħda finanzjarja u jekk matul is-sena, mortx tajjeb jew minn taħt.
Għalhekk hemm is-sistema tal-kontijiet magħrufa bħala ta’ l-‘accruals’, li turi wkoll x’baqgħalek iddaħħal ma’ dak li daħħalt, u x’baqgħalek tħallas ma’ dak li tkun ħallast matul is-sena.
Mhux l-ewwel
darba li Gvern ma jagħmilx ċerti ħlasijiet f’sena apposta biex
id-dejn ma jidhirx kbir, u l-ħlasijiet jagħmilhom wara li tispiċċa
s-sena.
Bis-sistema ta’ l-‘accruals’, id-dejn kollu jkun magħruf u tingħata stampa korretta ta’ kif tkun mort matul is-sena.
Għalhekk Gvern li jqis ruħu modern, jadotta s-sistema ta’ l-‘accruals’ fil-kontijiet pubbliċi.
Waqt li l-Gvern Malti għadu ma wasalx biex jaċċetta s-sistema ta’ l-‘accruals’ fil-kontijiet pubbliċi, gvernijiet ta’ pajjiżi oħrajn ilhom is-snin twal li adottaw dik is-sistema.
Saħansitra pajjiż li aħna nqisuh li għadu lura, l-Afganistan, għandu fl-Artiklu 60 tal-Kostituzzjoni tiegħu tas-sena 1923, dan:
“At the end of each year a financial report will be prepared relating accrual revenues and expenditures of the previous year to those detailed in the budget”.
Dak li fl-Afganistan iddeċidew 84 sena ilu li jagħmlu, f’Malta għadna lanqas wasalna biex nagħmluh.
Minkejja li ħafna jiftaħru li, bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, immodernizzajna l-pajjiż.
Li kieku l-istat tal-kontijiet pubbliċi f’Malta jkun magħruf bl-‘accruals’ ta’ l-infieq u tad-dħul, ħafna jaħsbu li pajjiżna ma kienx jikkwalifika biex jadotta l-Ewro, il-munita komuni ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-iffirmar
finta tat-Trattat ta’ Ruma
Sewwa jingħad li “d-dnub ma jorqodx”.
Wara 50 sena, eżatt lejlet il-50 anniversarju mit-twaqqif ta’ dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea, u li llum tissejjah l-Unjoni Ewropea, inkixfet storja li kieku ma tarax b’għajnejk u tisma’ b’widnejk il-provi, żgur ma titwemminx!

L-ewwel ħjiel ta’ din l-istorja sibtha f’pubblikazzjoni li toħroġ fl-Ingilterra – The Euro Realist (ritratt) – dan ix-xahar stess (April 2007).
Ma ridtx nemmen lil għajnejja meta qrajt dan il-paragrafu li ġej, f’artiklu li kien dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li qegħdin isiru fl-Ewropa, inkluż f’Malta, dwar l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma 50 sena ilu (25 ta’ Marzu 1957):-
“Ħija ħaġa ironika li l-okkażjoni li dwarha saru ċ-ċelebrazzjonijiet (l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma) kienet waħda finta, għax ġie mikxuf li l-kapijiet tas-sitt stati kienu ffirmaw dokument vojt. It-trattat oriġinali ta’ Ruma li ġie ffirmat, kellu biss l-ewwel paġna bit-titlu tat-Trattat u spazju fejn jiffirmaw. B’mistħija ta’ l-istampaturi tal-Gvern Taljan, ma laħqux stampawh fil-ħin, u d-dokument ta’ 1,144 paġna ma kienx jeżisti dak il-ħin ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma. Skond l-avukat mil-Lussemburgu, Pierre Pescatore, li għen biex inkiteb it-trattat oriġinali, kienu ffirmaw gozz ta’ paġni vojta.”
Jiġifieri
sar biss f’dik is-suppost data glorjuża tal-25 ta’ Marzu 1957, biċċa
teatrin!
Mur għidilhom lil dawk id-dinjitarji u personalitajiet distinti kollha, kif ukoll lill-ġurnalisti mill-Ewropa u mill-bqija tad-dinja, u lil dawk il-ħafna miljuni li kienu qegħdin isegwu ċ-ċerimonja fuq li screen tat-televizjoni, li dak li kienu qegħdin jaraw kienet biss reċta ta’ ffirmar tat-Trattat ta’ Ruma u mhux ir-realtà!
Din kien jonqosna aħna tas-CNI biex aktar jikkonvinċuna kemm dawk li ħolqu l-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk li ġew warajhom sal-lum, ma jiddejqu xejn li jingannaw lill-popli tagħhom, imbasta jaslu fejn iridu jaslu.
Hemm ferm aktar x’jingħad fuq din l-istorja inkredibbli, u li ssibu kemm fl-istorja prinċipali fuq il-paġna ta’ maġenb din t’hawnhekk.
Kif ukoll
tistgħu tisimgħu waqt il-kummentarju li se nagħmel fil-programm
Viva Malta (ara avviż hawn taħt).
Il-Ħamis, 19 ta' April, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ