MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Petizzjoni kontra l-immigrazzjoni illegali

 

Barra t-theddida għall-impjiegi minħabba r-riċessjoni ekonomika (bħal fil-każ tal-ST Microelectronics), u minħabba l-politika tal-Unjoni Ewropea tal-privatizzazzjoni (bħal fil-każ tal-1,700 ħaddiem tat-Tarzna), il-poplu Malti għandu theddida oħra kbira ħafna, l-invażjoni minn eluf ta' immigranti illegali.


Ngħiduha bla tlaqliq li l-Unjoni Ewropea taħti l-aktar għall-qagħda li pajjiżna jinsab fiha fil-kwistjoni tal-immigranti illegali.

 

Dan għax l-Unjoni ġagħlet lill-Gvern Malti jħassar ir-riżervi kollha li kien għamel meta fis-sena 1971 iffirma l-Konvezjoni dwar ir-Refuġjati.

Meta kienu qegħdin isiru n-negozjati dwar il-ftehim ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea, din qalet lill-Gvern Malti li mhux se ssieħeb lil pajjiżna magħha kemm-il darba l-Gvern Malti ma jħassarx ir-riżervi kollha tal-1971 li bihom kien jista' jżomm lill-immigranti illegali milli jitolbu li jibqgħu f'pajjiżna.

 

Il-Gvern Malti ċeda għar-rikatt tal-Unjoni Ewropea u ttradixxa l-interessi nazzjonali tal-poplu billi fetaħ il-bibien beraħ ta' pajjiżna għall-invażjoni tal-eluf ta' immigranti illegali kull sena, kif l-Unjoni Ewropea riditu jagħmel.

 

Il-Gvern Malti sar kompliċi mal-Unjoni Ewropea f'din il-kwistjoni.


Skont l-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda li żaru pajjiżna f'Jannar li għadda, minn Marzu 2002 ’l hawn ġew f'pajjiżna ’l fuq minn 12,000 immigrant illegali, u li ftit aktar minn 2,000 minnhom intbagħtu lura f'pajjiżhom.

 

Mhux magħruf x'ġara mill-eluf l-oħra li ma ġewx deportati jew rimpatrijati.

 

Milli jidher lanqas il-Gvern ma għandu tagħrif eżatt kemm hawn immigranti illegali, kemm dawk li huma fiċ-ċentri magħluqin ta' detenzjoni, kif ukoll dawk fiċ-ċentri miftuħa, u wkoll dawk li qegħdin jgħixu fl-ibliet u fl-irħula.


Il-qagħda mil-lat ta' sigurtà hija mwiegħra ħafna għax mhux l-ewwel darba li immigranti illegali rnexxilhom jinżlu l-art mingħajr ma kienu mwaqqfin minn ħadd, u għalkemm instabu wara, ħadd ma jaf kemm minnhom baqgħu ma nqabdux.

 

Kellna wkoll dan l-aħħar mill-inqas żewġ okkażjonijiet meta immigranti illegali ħarbu miċ-ċentri magħluqin ta' detenzjoni u x'uħud minnhom baqgħu ma nstabux.


L-Unjoni Ewropea ma tridx li l-immigranti illegali jinżammu maqfulin f'ċentri ta' detenzjoni għax ma taqbilx li l-miżura ta' detenzjoni (jiġifieri li jinżammu f'post magħluq), tintuża bħal deterrent (biex tiskuraġġixxi l-immigranti), jew bħala sanzjoni (bħala kastig għall-ksur tal-liġi).

 

F'pajjiżna, immigrant illegali li jinżamm 18-il xahar f'ċentru maqful ta' detenzjoni, jinħareġ u jitqiegħed f'ċentru miftuħ, jekk ma jkunx meqjus qabel bħala refuġjat u għalhekk imħolli jgħix fil-komunità, u jekk ma jkunx każ ta' persuna imsejħa vulnerabbli, bħal m'huma t-tfal, nisa tqal, u l-morda, li ma jinżammux fit-tul fiċ-ċentri ta' detenzjoni.
L-Unjoni Ewropea dejjem tagħmel pressjoni biex l-immigranti illegali jfittxu jinħelsu miċ-ċentri ta' detenzjoni fi żmien tliet xhur, jew mill-inqas, f'sitt xhur.

 

L-Unjoni tridna wkoll li kemm jista' jkun nintegraw l-immigranti illegali fis-soċjetà tagħna ħalli jgħixu hawn, jaħdmu hawn, u jrabbu l-familja hawn.

 

Skont l-aħħar tagħrif, is-sena l-oħra twieldu f'Malta 60 tarbija minn immigranti illegali.

 

M'hemmx dubju li dan in-numru jiżdied fis-snin li ġejjin.

 

Dan ifisser li l-problema qiegħda dejjem tikber, jekk ma jittieħdux passi ħalli titrażżan.


L-Unjoni Ewropea taf li l-immigranti illegali ma jiġux f'pajjiżna għax iridu jgħixu hawn.

 

L-immigranti jridu li jmorru fil-pajjiżi kbar tal-Ewropa.

 

Iżda l-Unjoni ma tridniex li nħalluhom jitilqu minn hawn għall-Ewropa fejn jixtiequ jmorru.


L-Unjoni toġġezzjona li nibagħtu l-immigranti illegali kollha lura lejn pajjiżhom u toġġezzjona li nħalluhom imorru fl-Ewropa.

 

Lesta biss taċċetta li xi pajjiżi tal-Unjoni, jekk iridu, joffru li joħdulna x'uħud minnhom billi jwettqu l-ftehim ta' 'burden sharing' volontarju.

 

Din mhi soluzzjoni xejn għall-kriżi li għandna tal-immigrazzjoni illegali.


Kif lanqas ma hija soluzzjoni l-aġenzija Frontex tal-Unjoni Ewropea, għax il-laneċ tagħha li jagħmlu r-rondi fil-Mediterran, ma jreġġgħux lura l-immigranti minn fejn ikunu telqu, iżda jwassluhom fl-eqreb art, jew Malta jew Sqallija.

 

Minflok inaqqsu l-immigranti illegali, ir-rondi tal-Frontex jinkoraġġuhom jissugraw il-baħar għax l-immigranti jafu li l-laneċ tal-Frontex se jiġbruhom min-nofs il-baħar u jwassluhom l-art.


Soluzzjoni waħda pajjiżna għandu għal din il-kriżi tal-immigrazzjoni illegali.

 

Li nerġgħu nagħlqu l-bibien ta' pajjiżna għalihom, kif kien għamel il-Gvern Malti fis-sena 1971 meta ffirma l-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati, u li l-Unjoni Ewropea ġagħlitna niftħu biex hija taċċetta li nissieħbu fl-Unjoni.

 

Jeħtieġ li nerġgħu nagħmluha offiża kriminali li barranin jiġu f'pajjiżna bla permess.

 

Il-Gvern Malti, bla ma qal lil ħadd, iddekriminalizza li barrani jkun f'Malta bla permess (jiġifieri, ma ħallihiex offiża kriminali), għax hekk ġagħlitu jagħmel l-Unjoni Ewropea.

 

Għalhekk il-Prim Ministru lill-immigranti illegali qiegħed isejħilhom immigranti "irregolari".


Huwa fatt li jixxukkjak li meta pajjiżna qiegħed iġarrab inva­żjoni ta' eluf ta' immigranti illegali, il-Parlament Malti ma jħossux fid-dmir li jiddiskuti din il-kriżi.

 

Hemm bżonn li l-poplu jqanqal lill-Parlament biex jagħmel dmiru ħalli jiddefendina billi mingħajr dewmien jieħu l-passi meħtieġa biex titwaqqaf l-immigrazzjoni illegali lejn pajjiżna.

 

Għal dan il-għan qegħdin norganizzaw il-ġbir tal-firma għall-petizzjoni popolari li tappella lill-Parlament Malti biex jagħmel dmiru.

 

Fil-qasam tax-xogħol morna minn taħt

 

Waqt li 7,000 ħutna Maltin huma qegħda u jirreġistraw għax-xogħol, stqarrija uffiċjali tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qalet li 8,809 barranin ngħataw il-permess u qegħdin jaħdmu f'Malta.

 

Fost dawn hemm 4,091 li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea id-dritt tal-moviment ħieles bejn il-pajjiżi tal-Unjoni wassal biex ftit mijiet ta' Maltin marru jaħdmu fil-pajjiżi tal-Unjoni, fil-waqt li ’l fuq minn 4,000 ġew mill-pajjiżi tal-Unjoni jaħdmu f'Malta, u jieħdu x-xogħol tal-Maltin.

 

Dan juri li anki fil-qasam tal-impjieg, pajjiżna mar minn taħt għax aktar ġew barranin jaħdmu hawn milli marru Maltin jaħdmu fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni.


Irridu nfakkru li meta ħaddiema barranin jieħdu x-xogħol tal-Maltin, mhux biss ikunu qegħdin jagħmlu ħsara lil dawk li jisfgħu qegħda minħabba fihom, iżda jkunu qegħdin iżidu l-piżijiet finanzjarji fuq il-poplu kollu li jkollu jagħmel tajjeb bit-taxxi li jintalab iħallas ħalli tingħata l-għajnuna soċjali lill-ħaddiema Maltin qegħda.


Skont l-istess stqarrija uffiċjali tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, f'Jannar kellhom permess tax-xogħol 1,237 immigranti illegali (bejn dawk meqjusa refuġjati, dawk li qegħdin jitolbu l-ażilu, u dawk li ngħataw protezzjoni umanitarja).

 

Dawn l-immigranti barranin qegħdin jieħdu l-ħobż tal-ħaddiema Maltin, u anki fil-każ tagħhom qegħdin jagħmlu dan bis-saħħa tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea li ġagħlitna niftħu l-bibien beraħ għall-immigranti klandestini.


Qabel ma sseħibna fl-Unjoni Ewropea, kulħadd f'pajjiżna kien jaqbel li ċ-ċokon ta' pajjiżna u l-kobor tal-popolazzjoni tagħna ma kinux jifilħu li barranin jiġu jagħmlu xogħol li hawn Maltin li jistgħu jagħmluh.

 

Is-sħubija fl-Unjoni ġagħlitna nwarrbu l-ilqugħ li bihom konna nħarsu x-xogħol għall-Maltin, u minħabba f'hekk spiċċajna fil-qagħda kontradittorja li nħaddmu ’l fuq minn 8,000 barranin waqt li għandna 7,000 Maltin ifittxu x-xogħol.

 

Dan jurina kemm hemm bżonn kbir li niflu sewwa x'qegħdin nagħmlu kontra l-interessi tagħna minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, u jkollna s-sinsla li nibdlu t-triq ħażina li ħadna.

 

Ġensna f’Jum il-Ħelsien

 

Il-‘musical’ Ġensna se terġa' tittella' fil-ġranet li ġejjin meta qegħdin infakkru dak li ksibna 30 sena ilu

– il-Ħelsien –

u li tlifna ħames snin ilu bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.

Fit-tmiem tal-‘musical’ hemm l-innu sabiħ għall-ħelsien – il-qofol tal-iżvilupp politiku u soċjali tal-ġens Malti.

Jixraq għalhekk li l-eluf li se jattendu għas-serati tal-‘musical’ jingħaqdu fil-kant tal-innu għall-ħelsien ħalli juru li huma ħerqana li jkunu mmexxijin għal darb'oħra ħalli pajjiżna jerġa' jinfeda, din id-darba mill-ħakma tal-barranin tal-Unjoni Ewropea, u rgħajna nerġgħu neħduh f'idejna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 19 ta’ Marzu, 2009

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ