MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Il-liġijiet Ewropej swew lil Malta €417-il miljun

 
Fl-ahhar ammettew li Malta qiegħda tħallas lill-Unjoni Ewropea (UE) aktar milli din qiegħda tagħti lil pajjiżna.

 

Aħna konna ilna nsostnu dan.

 

Issa ntqal pubblikament mingħajr ma ġie miċħud, li fl-aħħar sentejn pajjiżna ħallas lill-UE €12.5 miljun aktar milli rċieva mingħandha.

L-ispiża ta’ pajjiżna minħabba s-sħubija fl-UE hija ħafna akbar minn dan.

 

Kull sena jkollna nonfqu miljuni kbar biex inlaħħqu max-xogħol tal-UE.

 

Minbarra li kull ġimgħa, ministri u uffiċjali għoljin governattivi jitilgħu u jinżlu Brussels fuq xogħol tal-UE, għandna ’l fuq minn 50 uffiċjal ċivili jaħdmu permanentement f’Dar Malta biex jippruvaw ilaħħqu mad-direttivi u r-regolamenti u d-diskussjonijiet u l-laqgħat bla tmiem tad-diversi dipartimenti u istituzzjonijiet tal-Unjoni.

 

Ma’ dawn irridu ngħoddu l-mijiet ta’ impjegati governattivi, imxerrdin fil-ministeri u fid-dipartimenti u fil-korpi parastatali, li xogħolhom hu kollu ddedikat għal dak li tiddeċiedi u tippubblika l-UE.

 

Aktar minn nofs il-liġijiet li jiġu quddiem il-Parlament Malti jkunu qegħdin japplikaw għal pajjiżna l-leġislazzjoni li l-UE toħroġ.

 

Tista’ tgħid kull ġimgħa joħorġu fil-Gazzetta tal-Gvern regolamenti li jwettqu r-regolamenti u d-direttivi tal-UE.
 

L-ispiża biex pajjiżna jkun konformi mal-UE hija enormi.

 

Kemm-il darba tlabna lill-Gvern biex jagħtina tagħrif dettaljat dwar x’tiswa lil Malta s-sħubija fl-UE.

 

Iżda l-Gvern dejjem beża’ jagħti dan it-tagħrif, għax ma jridx li l-poplu jsir jaf kemm mar minn taħt bis-sħubija fl-UE.

It-tagħrif li l-Gvern Malti dejjem ħeba mill-poplu, ingħata dan l-aħħar minn organizzazzjoni non-governattiva barranija li tispeċjalizza fl-affarijiet tal-UE, “Open Europe”.

 

Din l-organizzazzjoni sabet, minn stħarriġ dettaljat li għamlet, li l-ispiża għal Malta biex applikat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-UE, tlaħħaq is-somma ta’ €417 miljun, madwar €72.5 miljun kull sena.

 

Dan it-tagħrif ġie ppubblikat fit-3 ta’ Frar, u sal-lum, ħadd, la l-Gvern Malti u lanqas l-UE, għadhom ma kkontestawh.

 

Waqt li l-produzzjoni fil-manifattura naqset ħafna fl-UE, kibret industrija oħra, l-industrija tal-produzzjoni tal-liġijiet, regolamenti u direttivi tal-UE, bid-differenza li dawn ma jħallux qligħ, iżda huma telf kbir għall-pajjiżi membri tagħha, bħal Malta.

 

X’se jagħmel il-Parlament dwar l-immigrazzjoni illegali?

 

Hafna żmien qabel ma r-riċessjoni bdiet tolqot lil pajjiżna, aħna sostnejna li pajjiżna m’għandux jilqa’ immigranti, la legali u wisq inqas illegali, għax m’għandux xogħol x’joffrilhom u għax m’għandux mezzi biex imantnihom.

 

Issa li mijiet ta’ ħaddiema Maltin qegħdin jitilfu l-impjieg minħabba r-riċessjoni, aktar u aktar inħossuna ġustifikati li ninsitu li m’għandniex naċċettaw li immigranti illegali jibqgħu hawn u li jingħataw ix-xogħol, minflok il-ħaddiema Maltin.

 

Dan minbarra raġunijiet soċjali serjissimi, kif ukoll raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ saħħa.

Fl-aħħar ġimgħat seħħew ġrajjiet li allarmaw lill-pubbliku dwar il-preżenza ta’ eluf ta’ immigranti illegali f’pajjiżna.

 

Kellna ħafna aċċidenti ta’ storbju u protesti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-immigranti, u kellna ukoll għadd ta’ immigranti li ħarbu u xi uħud minnhom ma reġgħux inqabdu.

 

Hija ħaġa mistennija li l-immigranti jilmentaw mill-kundizzjonijiet li għandhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, għax mhuma xejn tajbin.

Anke l-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda li ġew jistħarrġu kif huma miżmumin l-immigranti, ikkritikawna bl-aħrax.

 

Iċ-ċentri ta’ detenzjoni qegħdin jagħtu isem ħażin lil Malta.

 

B’hekk nagħmlu tajjeb jekk infittxu nagħlquhom.

 

Mhux billi nħallu lill-immigranti ħielsa jiġġerrew fejn iridu, iżda billi ma nħalluhomx aktar f’pajjiżna.

 

Jekk l-UE tibqa’ żżommna milli nħallu lill-immigranti illegali jmorru fil-pajjiżi tal-Ewropa fejn iridu jmorru, m’għandhiex iżżommna milli nibgħatuhom lura lejn pajjiżhom.

 

Xi uħud mill-pajjiżi membri fl-UE qegħdin jaddottaw din il-politika ta’ ripatriazzjoni eżatt kif jinżlu l-art.

Mhux biżżejjed li nagħmlu li l-immigranti illegali jintbagħtu lura jekk jivvolontarjaw huma u wara li jingħataw somma flus, madwar €5,000 kull persuna.

 

Il-fatt li numru ta’ immigranti illegali minn numru ta’ pajjiżi għażlu li volontarjament imorru lura fil-pajjiżi tagħhom, jurina li mhux minnu li f’dawk il-pajjiżi l-immigranti li jmorru lura jkunu esposti għal trattament ħażin.

Għalhekk l-immigranti l-oħrajn kollha li ġew minn dawk il-pajjiżi, m’għandhomx ġustifikazzjoni biex ma jintbagħtux lura.

 

Għandna naraw li jmorru lura, iridu jew ma jridux, anke jekk jingħataw is-somma li jingħataw dawk li jmorru lura minn jedd­hom.

L-agħar li nistgħu nagħmlu hi li nħallu lill-UE tkompli tiddettalna l-politika li nħaddmu dwar l-immigrazzjoni illegali.

 

L-UE tridna nilqgħuhom u nintegrawhom.

Il-poplu tagħna dan ma jridux u jistenna li fl-interess nazzjonali l-Parlament jieħu passi konkreti biex iwaqqaf l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

Id-deċiżjoni tas-sħubija fl-UE hi riversibbli

 

Iridu jdamdmu f’imħuħ il-poplu li la sseħibna fl-UE, kulħadd jaqbel li nibqgħu mseħbin.

 

Qegħdin jinjoraw lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jridu, illum qabel għada, li pajjiżna jerġa’ jikseb

* l-indipendenza,             

* il-ħelsien u                      

* s-sovranità                      

* li tilef bis-sħubija fl-UE.

Qabel isseħibna fl-UE, pajjiżna kien stat sovran u l-poplu kellu rajh f’idejh.

 

Bis-sħubija, pajjiżna sar kolonja tal-UE, u l-poplu sab ruħu mmexxi mill-ġdid mill-barrani.

 

Konna poplu ħieles u erġajna sirna poplu maħkum mill-maġġoranza tal-Ewropej.

Għal dawk li m’għandhomx sens ta’ x’inhu nazzjon ħieles, l-istat kolonjali taħt l-UE jfisser avvanz, mentri huwa ċaħda tal-ispirtu nobbli ta’ nazzjon li jissarraf fl-indipendenza u l-ħelsien mill-barrani.

 

Minbarra t-telf politiku, is-sħubija fl-UE tfisser ukoll telf kulturali, għax il-ħelsien huwa kisba kulturali ukoll minbarra li hija kisba politika.


Il-fatt li l-propagandisti f’Malta tal-UE spiss itennu li s-sħubija ta’ pajjiżna hi irriversibbli, jikxef il-biża’ li għandhom li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar Maltin u Għawdxin qegħdin iħossu li ġew ingannati u ttraduti biex jivvutaw għas-sħubija minħabba l-vantaġġi li pajjiżna qalu li se jikseb mill-UE.

 

Issa sabu li ġarrabna ħsara kbira u żvantaġġi.

 

Hawn ftit li qegħdin igawdu bis-sħubija fl-Unjoni, waqt li l-kotra sejra minn taħt.

 

Dawk li qegħdin igawdu, ma jimpurtahomx mit-tbatija tal-kotra.

 

Xi uħud huma mħallsin biex jagħmlu propaganda kontinwa favur is-sħubija u l-UE.

 

Mhux biss individwi, iżda anke organizzazzjonijiet u mezzi tal-midja.

L-UE taf tinqeda b’kull min ma ndunax bil-qerq tagħha li bih taħkem pajjiż wara ieħor.

 

Iħobbu jdoqqulna d-diska meta issa jgħidulna li Malta qiegħda ssemma leħinha madwar il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-Ewropa.

 

Iżda fl-aħħar ġranet kellna eżempju kemm leħen Malta mhu stmat xejn fl-UE.

Minn fondi ta’ €5 biljun għat-tkabbir tax-xibka tal-elettriku fl-UE, Malta u Ċipru jingħataw biss €20 miljun, filwaqt li Malta weħedha teħtieġ madwar €100 miljun biex tingħaqad ma’ Sqallija.

 

Malta tlaqqat il-frak li jibqa’ madwar il-mejda tal-UE!

 

Vantaġġi għal Għawdex barra l-UE

 

Is-sejha qawwija magħmula fil-paniġierku ta’ San Pawl biex ma nħallux l-Ewropa taħseb u tiddeċiedi għalina, ma tistax ma tinstemax mill-Għawdxin li qegħdin jifhmu li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea Għawdex ikollu joqgħod għal dak li tiddeċiedi Malta, iżda jkollu jaċċetta ukoll dak li tiddetta l-UE.

 

Dan ifisser li Għawdex issa huwa dipendenti doppjament, dipendenti minn dak li trid l-UE u minn dak li jagħmel il-Gvern Malti.

Fiċ-ċirkostanzi li Għawdex sab ruħu fihom wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, ħafna Għawdxin qegħdin jikkunsidraw jekk ikunx ħafna aħjar li gżirithom ikollha grad ta’ awtonomija minn Malta f’għadd ta’ oqsma, kif ukoll li ma tibqax maħkuma mill-UE billi toħroġ minnha, bħalma għamlet Greenland li ħadet l-awtonomija mid-Danimarka u ma baqgħetx imsieħba.

Greenland, awtonoma mid-Danimarka u barra mill-UE, marret ħafna aħjar milli meta kienet tagħmel parti mid-Danimarka u fl-UE.

Għawdex bħala gżira awtonoma minn Malta u mhux imsieħba fl-UE jkollha ħafna vantaġġi li llum hija mċaħħda minnhom għax imxekkla mill-politika u mir-regolamenti Ewropej.

 

Għawdex ikun jista’ jbiddel is-sistema tat-tassazzjoni u jagħmilha b’mod favorevoli li tattira kumpaniji u tiġbed investimenti u depożiti, kemm ta’ barranin, kif ukoll ta’ Maltin u ta’ Għawdxin stess.

 

Bis-saħħa ta’ sistema favorevoli ta’ tassazzjoni jinħolqu għadd ta’ impjiegi u postijiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ Għawdxin f’Għawdex, u tikber l-attività ekonomika tal-gżira.

Fuq kollox ikunu l-Għawdxin stess li jiddeċiedu ħwejjiġhom u kif titmexxa ’l quddiem gżirithom fl-aħjar interessi tagħhom.

 

Mhux bħalma qed jiġri llum meta jiddependi kollox minn dak li jiddeċiedi l-Gvern Malti u kif tiddettalu jagħmel l-UE.

Hemm ħafna eżempji ta’ gżejjer żgħar li jgawdu ammont ta’ awtonomija mir-Renju Unit u li m’humiex imxekklin mill-UE.

 

Għawdex jista’ jkun bħall-Isle of Man, iċ-Channel Islands, Gernsey u bħal Ġibiltà, awtonomu u ħieles mir-regolamenti tal-UE.

 

Jibqa’ ġeografikament parti minn Malta u mill-Ewropa, iżda ħieles mix-xkiel tat-tnejn.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 19 ta’ Frar, 2009

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ