MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Romano Prodi mar żmerċ

 

Malta, mingħajr sħubija fl-Unjoni Ewropea, kien ikollha aktar jew inqas sigurtà, staqsa l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi, lil ġurnalist Malti? 

 

U Prodi ghaġġel wieġeb li Malta, barra l-Unjoni, kien ikollha żgur inqas sigurtà, u għalhekk kienet tkun anqas attraenti għal investiment barrani. 

 

Romano Prodi huwa żbaljat bl-ikraħ, ghax Malta, jekk tibqa’ newtrali, jibqa’ jkollha sigurtà aktar minn kull pajjiż ieħor ta’ l-UE.

U biex Malta tibqa’ newtrali, Malta ma tridx tieħu sehem fil-politika komuni barranija u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Il-fatt stess li Malta tkun tagħmel parti mill-Unjoni, ikun ifisser f’għajnejn dawk kollha li jaħsbu li l-Unjoni hija kontrihom, li Malta wkoll hija kontrihom.

Ebda pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea ma jgawdi sigurtà daqs is-sigurtà li, għall-grazzja ta’ Alla, għandna f’Malta, allavolja ma għandniex la l-armamenti u lanqas il-forzi militari li għandhom il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Erwropea. 

 

Għalhekk Prodi żelaq bl-ikraħ meta semma s-sigurtà li s-sħubija fl-Unjoni tagħti lil Malta.

 

Żelaq ħafna bl-ikraħ Prodi għax kieku kien veru li sħubija fl-Unjoni Ewropea tagħti sigurtà lil Malta, dan ikun ifisser li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni jgħinu militarment u jiddefendu lil xulxin. 

 

Din tammonta għal ftehim ta’ alleanza militari li huwa bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li tgħid ċar u tond li Malta tirrifjuta li tieħu sehem f’kull alleanza militari. 

 

Għalhekk Prodi ħa granċ kbir meta qal li sħubija fl-Unjoni Ewropea tagħti sigurtà lil Malta.

La darba s-sehem ta’ Malta fil-politika komuni barranija u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni Ewropea tnaqqas is-sigurtà li Malta għandha permezz tal-politika ta’ newtralità, bir-raġunar stess ta’ Prodi, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni se tagħmel lil Malta inqas attraenti għall-investituri barranin. 

 

Għax la skond Prodi, aktar sigurtà tfisser attrazzjoni akbar, inqas sigurtà minħabba t-telfien tan-newtralità, tfisser attrazzjoni iċken ta’ Malta għall-investituri barranin.

Għandna nifhmu li meta semma s-sigurtà, Prodi kellu f’moħħu sigurtà militari. 

 

Għax ma seta’ qatt kellu f’moħħu ħarsien għall-investiment barrani minn xi ħtif jew konfiska mill-Gvern, jew xi theddid ta’ inkwiet ċivili jew tilwim industrijali.

 

Malta, fis-snin imgħoddija barra l-Unjoni Ewropea, dejjem tqiset ħielsa minn dan it-theddid għall-proprjetà, tant li imprendituri barranin minn kull pajjiż investew flushom f’Malta, waqqfu kumpaniji u fabbriki f’pajjiżna bla biża’ u bla xkiel.

Prodi jaf sewwa kemm Malta meta kienet barra l-Unjoni Ewropea u meta kellha politika ekonomika u industrijali differenti minn dik ta’ l-Unjoni Ewropea, kienet tgawdi sigurtà u toffri attrazzjoni lill-investituri barranin. 

 

Għax huwa kien il-Kap ta’ l-enti parastatali Taljana l-IRI (Istituto per la Ricostruzione Industriale – l-istitut għar-rikostruzzjoni ta’ l-Italja) li taħtu kienet taqa’ l-kumpanija tas-‘semi-conductors’, l-SJ ta’ Hal Kirkop, li l-Prim Ministru Mintoff kien irnexxielu jġib f’pajjiżna.

Għalhekk il-President tal-Kummissjoni Ewropea jaf li l-investituri barranin japprezzaw li Malta tkun newtrali għax b’hekk toffri aktar sigurtà, u li Malta toffri inċentivi lill-industrija u b’hekk tgħinha tkun aktar kompetittiva fis-swieq internazzjonali. 

 

Dawn iż-żewġ fatturi kienu pperswadew lil Prodi biex awtorizza l-investiment tal-kumpanija SJ f’Malta. 

 

Illum l-Unjoni Ewropea qiegħda ċċaħħadna mid-dritt li nkomplu nattiraw lill-investituri barranin b’dawn iż-żewġ fatturi.

 

Minħabba dan, l-Unjoni Ewropea minflok tgħin lil Malta, qiegħda tagħmel ħsara kbira lill-industrija f’Malta billi tiskoraggixxi l-investiment barrani fl-industrija kemm tal-manifattura, kif ukoll f’dik tas-servizzi.

L-istess fabbrika, l-SJ Micro-electronics, li Prodi kellu x’jaqsam magħha, illum qiegħda tmerih, għax qiegħda żżarma minn Malta u tarma barra l-Unjoni Ewropea, fil-Marokk.

 

Ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu!

 

Żgur tiftakru kemm dawk kollha li kienu qegħdin ikantaw fil-kor ta’ “IVA, MALTA FL-EWROPA” kienu jdendlu l-karrotta tad-dritt li ħaddiema Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jmorru jaħdmu fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni. 

 

L-aktar li mpressjonaw b’din il-karrotta kienu liż-żgħażagħ ħaddiema.

Naturalment ma kinux ifakkruhom wisq li probabbilment kien se jkollhom jitilqu minn pajjiżna anki kieku ma jixtiequx jagħmlu dan, minħabba li posthom f’Malta jkun hemm ċans tajjeb li jeħduhulhom ħaddiema barranin li jiġu jfittxu x-xogħol f’Malta, u li jkunu ġejjin minn pajjiżi fqar ta’ l-Ewropa tal-Lvant, li issa se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea!

Il-ħelwa hi li issa, dawk il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea fejn ħaddiema Maltin l-aktar li jistgħu jitħajru jmorru għax hemm jistgħu jinqdew, għax il-lingwa Ingliża hija mitkellma ħafna, u fejn hemm sal-lum xibka ta’ servizzi soċjali, 

* bħall-Ingilterra, 

* Svezja, 

* Danimarka u 

* l-Olanda, 

dawn il-pajjiżi qegħdin jiddeċiedu li jċaħħdu s-servizzi soċjali lil dawk il-ħaddiema li jmorru f’dawk il-pajjiżi u li jkunu ġejjin mill-għaxar pajjiżi ġodda li se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju li ġej!

 

Wieħed irid jara kemm dan se jkun possibbli li jagħmluh. 

 

L-Unjoni Ewropea għandha wieħed mill-“kmandamenti” tagħha li jgħid li ma tistax issir diskriminazzjoni bejn ċittadini ta’ l-istati membri. 

 

U għalhekk hemm il-probabbiltà li jekk ħaddiema mill-istati membri ġodda jiċċaħħdu mis-servizzi soċjali, il-gvernijiet ta’ dawk il-pajjiżi li jkunu għamlu dan, jispiċċaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni.

 

F’każ li jiġri dan, jiġri x’jiġri, ir-riżultat se jkun wieħed ħażin.

Jekk dawk il-gvernijiet jiġu mġiegħla jagħtu s-servizzi soċjali kollha bħal ma jirċievu ċ-ċittadini nazzjonali ta’ dawk l-istati, allura se jkun hemm influss qawwi ta’ ħaddiema mill-pajjiżi ġodda fqar ta’ l-Ewropa tal-Lvant.

 

Dan jimmina bil-kbir is-sistema soċjali jew “welfare state” li teżisti sal-lum f’dawk il-pajjiżi. 

 

Bil-konsegwenza li l-gvernijiet ikollhom inaqqsu sewwa s-servizzi soċjali li jingħataw lill-popli tagħhom, inklużi lil dawk li jkunu marru f’dawk il-pajjiżi minn pajjiżi fejn m’hemmx servizzi soċjali adegwati.

 

Min-naħa l-oħra, jekk il-pajjiżi li semmejna jingħataw raġun mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, u jitħallew iċaħħdu servizzi lill-ħaddiema li jkunu ġew mill-pajjiżi ġodda li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea f’Mejju li ġej, se jkun ifisser li ċ-ċittadini ta’ dawk l-istati ġodda kollha se jkunu ingannati bil-karrotta tal-moviment ħieles tal-persuni!

Mhux ta’ b’xejn li uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin iħokku rashom kif se jsibu tarf ta’ din il-problema li qisha xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. 

 

aqbadha minn fejn taqbadha, se joħroġ id-demm. 

 

U anki pajjiżna din il-problema se tolqotna fil-laħam il-ħaj. 

 

U b’hekk “holma” oħra li twebblu biha eluf ta’ Maltin u Għawdxin se ttir mar-riħ fix-xhur u s-snin li ġejjin!

 

Il-Ħamis, 19 ta’ Frar, 2004.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ