MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Nuqqas ta’ appoġġ popolari għall-Kostituzzjoni ta’ l-UE

 

MITEJN u tnejn u tletin membru tal-Parlament Ewropew, minn total ta’ 732, ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE fil-laqgħa tal-Parlament fi Strasbourg, fit-12 ta’ Jannar.

 

Għalkemm l-uffiċjali ta’ l-UE fil-pubbliku qalu li kienu ferħanin bil-votazzjoni, bejniethom u mhux fid-deher, kienu maħsudin bil-kobor ta’ l-oppożizzjoni li hawn għall-Kostituzzjoni li fasslet l-Unjoni.

Għax ir-riżultat tal-votazzjoni jfisser li aktar minn 31 fil-mija taċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha ta’ l-UE m’humiex kuntenti bil-Kostituzzjoni l-ġdida tagħha.

 

Dawn jgħoddu madwar 140 miljun ċittadin Ewropew minn total ta’ 450 miljun li jinsabu fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

 

Fost dawn, hemm il-maġġoranza tal-Maltin kif rappreżentati mit-tliet membri Maltin tal-Parlament Ewropew li ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni l-ġdida.

 

Fil-fatt l-għadd taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li m’humiex kuntenti bil-Kostituzzjoni l-ġdida tagħha, huwa ħafna akbar minn hekk, għax il-membri kollha tal-Parlament Ewropew igawdu l-fiduċja ta’ inqas minn nofs il-popolazzjoni kollha ta’ l-Unjoni, billi fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, inqas minn 50% marru jivvotaw.

 

Għalhekk, il-500 Membri Parlamentari li vvotaw favur il-Kostituzzjoni, lanqas ifissru 50% taċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi membri kollha fl-UE, li m’humiex interessati minnha.

Hawn Malta, is-servili jinjoraw dawn il-fatti, u jarawha bi kbira li hawn min ma jaqbilx mal-Kostituzzjoni l-ġdida.

 

Waqt li fil-pajjiżi l-oħrajn membri ta’ l-UE hawn dawn il-miljuni kbar li wkoll ma jaqblux mal-Kostituzzjoni ġdida, dawn is-servili għandhom jifhmu li jekk il-maġġoranza tal-Maltin illum ma taqbilx mal-Kostituzzjoni Ewropea, lanqas il-maġġoranza taċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi kollha fl-UE ma wriet li taqbel.

Is-servili Maltin qegħdin jgħidu li jridu li l-membri kollha tal-Parlament Malti jaqblu biex japprovaw il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE.  

Dawn ma jistgħux jgħidu hekk meta jafu li l-Prim Ministru, meta mar jiffirma l-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE, lanqas indenja ruħu li jikkonsulta qabel ma’ l-Oppożizzjoni.

 

Qabad u ffirma l-Kostituzzjoni bla ma ra jekk l-Oppożizzjoni kinitx taqbel ma’ kulma kien fiha l-Kostituzzjoni.

 

Issa jippretendi li l-Oppożizzjoni taqbel magħha, bla ma fittex qabel li huwa jiftiehem ma’ l-Oppożizzjoni.

 

Ħadd mis-servili għadu ma pprova jiġġustifika għaliex il-poplu Malti għandu jarmi ġieħu billi jaċċetta li l-liġijiet li l-UE tagħmel jegħlbu l-Kostituzzjoni ta’ Malta, meta ma jaqblux magħha.

 

Il-Maġġoranza Maltija ma vvotatx favur il-Kostituzzjoni Ewropea

 

META ttieħed il-vot dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew, il-maġġoranza tad-Deputati Parlamentari Maltin fil-Parlament Ewropew ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni, għax it-tliet membri Laburisti astjenew jew ma ħadux sehem.

 

B'hekk nistgħu ngħidu li Malta s'issa ma approvatx il-Kostituzzjoni l-ġdida ta' l-UE.

Iż-żewġ Deputati Nazzjonalisti (Dr Simon Busuttil u David Casa) jirrappreżentaw minoranza, skond ir-riżultat ta' l-elezzjoni tat-12 ta' Gunju 2004 għall-Parlament Ewropew.

In-nuqqas ta' vot favur tat-tliet Deputati Maltin (minn ħamsa) għandu jitqies pass pożittiv fil-ġlieda għad-difiża tal-Kostituzzjoni ta' Malta, għax il-Kostituzzjoni l-ġdida trid li l-liġijiet ta' l-UE jegħlbu lill-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Min jivvota favuriha, ikun qed jivvota kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Hekk għamlu Dr Simon Busuttil u David Casa.

 

Meta l-Prim Ministru Gonzi jressaq il-Kostituzzjoni l-ġdida ta' l-UE għar-ratifika fil-Parlament Malti, il-kotra l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin, li llum żgur fil-maġġoranza, ma jkunux jaqblu ma dak li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE trid, jiġifieri li l-liġijiet tagħha jegħlbu l-Kostituzzjoni Maltija.

 

Jekk id-deputati Nazzjonalisti lesti jbiegħu l-Kostituzzjoni Maltija, il-maġġoranza tal-poplu tistenna li d-Deputati Laburisti ma jagħmlux dan it-tradiment.

 

Il-maġġoranza tal-poplu tistenna li d-Deputati Laburisti jiftakru li huma kienu vvotaw kontra l-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma' l-UE (liema ftehim hu miktub fil-Kostituzzjoni l-ġdida).

 

Tistenna wkoll li d-Deputati Laburisti jiftakru fil-ġurament ta' lealta` lejn il-Kostituzzjoni Maltija, li huma ħadu meta nħatru Membri tal-Parlament Malti.

 

Iż-żewġ Deputati Nazzjonalisti Dr Simon Busuttil u s-Sur David Casa qalu li d-Deputati Laburisti jmisshom jistħu li ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni l-ġdida ta' l-UE.

 

Jistħu jmisshom Dr Busuttil u Casa li vvotaw favur il-Kostituzzjoni ta' l-UE li hija kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Insew li huma l-ewwel għandhom ikunu Maltin u fit-tieni lok għandhom ikunu ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Riedu li t-tliet Deputati Laburisti jkunu kompliċi magħhom fit-tradiment tal-Kostituzzjoni Maltija.

 

Minbarra li nfaħħru lit-tliet Deputati Laburisti Maltin li ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni l-ġdida ta' l-UE, irridu nsellmu lid-Deputati l-oħrajn tal-Parlament Ewropew li jew astjenew jew ivvotaw kontra, jew ma marrux għal-laqgħa tal-Parlament.

 

Dawn taw prova li l-UE ma rnexxilhiex tixtri l-vot tagħhom minkejja l-flejjes kbar u l-ħafna benefiċċji li qiegħda tagħtihom. 

 

Huma poġġew l-interessi ta' pajjiżhom qabel dawk tal-ħakkiema burokratiċi ta' l-UE.

 

Privatizzar tal-pensjonijiet?

 

L-UNJONI Ewropea trid li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri ma jibqgħux jieħdu ħsieb il-pensjonijiet.

 

Trid li jkunu l-kumpaniji kummerċjali mhux governattivi li jmexxu n-negozju tal-pensjonijiet.

 

U qiegħda tagħmel pressjoni kbira fuq il-gvernijiet tal-pajjiżi membri biex jipprivatizzaw il-pensjonijiet.

 

L-iskużi li ġġib huma li l-gvernijiet ma jifilħux għall-piż tal-pensjonijiet u billi 'l quddiem se jkun hemm aktar pensjonanti milli hawn illum, il-piż se jkun kbir wisq għall-gvernijiet.

 

Il-gvern Malti diġa` ħabbar li din is-sena bi ħsiebu jbiddel is-sistema tal-pensjonijiet f'pajjiżna.

 

Ma qalx li se jagħmel dan għax ġie ordnat mill-UE.

 

Qal li l-piż tal-pensjonijiet huwa wisq kbir għall-Gvern, u li fis-snin li ġejjin il-Gvern mhux se jkun jiflaħ ikompli jħallas l-istess pensjonijiet kif għamel sal-lum, għax l-għadd ta' pensjonanti mqabbel ma l-għadd ta' dawk li jaħdmu, se jkun ħafna akbar minn dak tal-lum.

 

F'din il-kwistjoni, bħal kull kwistjoni soċjali oħra, l-UE mhux qiegħda tgħid il-verita`.

 

Mhux qiegħda tgħid li l-politika tagħha hija li tinħatt il-welfare state u li kulħadd irid jaħseb għal rasu u jħallas għas-servizzi li jkun jeħtieġ.

 

Is-servizzi soċjali għall-UE huma biċċa negozju, bħal kull negozju ieħor.

 

Minnhom irid isir profitt u għandhom jitmexxew mill-privat u mhux mill-istat.

 

Dawn huma ż-żewġ prinċipji ta' l-UE.

 

Is-servizzi soċjali jitmexxew għall-qligħ u mill-privat biex il-qligħ imur għall-privat.

 

L-UE se ġġib żewġ raġunijiet għal din il-politika tagħha.

 

Tgħid li l-privat imexxi b'aktar effiċjenza mill-istat u li l-istat ma jiflaħx iġorr aktar il-piżijiet li qegħdin jiżdiedu tas-servizzi soċjali.

 

Is-solidarjeta` soċjali ma teżistix għall-UE fejn tidħol it-tmexxija tas-servizzi soċjali.

 

Għaliha s-servizzi soċjali huma negozju u għax huma negozju jirrendu qligħ, u għax huma negozju, m'għandhomx ikunu f'idejn l-istat.

 

Iżda l-UE m'għandhiex il-kuraġġ tgħid dan għax taf li l-maġġoranza tal-poplu tifhem li s-servizzi soċjali m'humiex biċċa negozju, iċda huma t-twettieq tas-solidarjeta` soċjali.

 

Il-maġġoranza tal-poplu tħoss li m'għandux isir negozju mis-servizzi soċjali u li dawn m'għandhomx ikunu mezz ta' qligħ bħal kull negozju ieħor

 

Ir-raġuni għaliex l-UE trid li l-pensjonijiet jkunu privatizzati hija aktar minn waħda.

 

Minbarra r-raġuni ta' qligħ minnhom, hemm ir-raguni importantissima li l-ħlasijiet li jsiru lill-kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet jiġu nvestiti mill-kumpaniji fejn jirrendilhom l-aktar qligħ. 

 

Jiġu nvestiti fl-industriji ta' l-armamenti u fl-industriji fil-pajjiżi fejn il-pagi huma baxxi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma mill-agħar, u b'hekk isir qligħ kbir.

 

(ikompli ġimgħa oħra)

 

Ma ntqalitx il-verita` sħiħa

 

GĦAMLET sewwa l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li ntemmet nhar il-Ħadd li saħqet fuq il-ħtija li l-Gvern għandu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż. 

 

Iżda din mhix il-verita` sħiħa.

 

Il-verita` sħiħa tinkludi t-tort li l-UE għandha.

 

Għaliex sa mill-bidu tas-snin 90, il-poltika ekonomika u finanzjarja tal-Gvern Malti tfasslet skond il-politika ekonomika u finanzjarja ta' l-UE.

 

Il-PN mexxa l-pajjiż b'mod li akkost ta' kollox jirbaħ l-elezzjonijiet, anki jekk kif kien qed imexxi, kien qed jikkaġuna ħsara kbira lill-pajjiż.

 

Iżda mexxa wkoll b'mod li jogħġob lill-UE u li jdaħħal fil-pajjiż it-taxxi, fosthom dik tal-VAT, kif riedet l-Unjoni.

 

Minħabba l-UE, neħħa l-protezzjoni lill-industrija lokali, żid il-piżijiet tat-taxxi, naqqas l-għajnuniet lill-industrija, kabbar l-importazzjoni u ċekken il-produzzjoni lokali, għolla l-ispejjeż u l-ħajja u spiċċat il-kompetittivita` tal-pajjiż.

 

Dawn huma kollha l-konsegwenzi tal-politika u tar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea li wassluna fil-kriżi li ninsabu fiha. 

 

Għalhekk il-verita` sħiħa hija li kemm il-Gvern kif ukoll l-UE huma responsabbli għall-kriżi ekonomika u finanzjarja ta' pajjiżna. 

 

Jekk ma nagħrufx is-sehem ta' l-UE għall-kriżi, ma nsibux soluzzjoni tajba għaliha.

 

Fost il-passi li pajjiżna għandu bżonn jieħu biex jegħleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja, hemm il-pass fundamentali li nwarrbu s-saram tal-politika u tar-regoli ta' l-Unjoni, li qegħdin inaqqsulna x-xogħol u l-impjiegi f'pajjiżna u qegħdin iżidulna l-ispejjeż tal-produzzjoni u jgħollulna l-ħajja, qegħdin ikabbrulna l-importazzjoni u jnaqqsulna l-bejgħ tal-prodotti maħdumin lokalment, u qegħdin jagħmlu lil pajjiżna mhux aktar attraenti għall-investiment barrani produttiv.

 

Sewwa għamlet il-Konferenza Ġenerali Laburista li sostniet il-ħtieġa ta' riġenerazzjoni, jew qawmien, jew tiġdid ta' l-ekonomija Maltija.

 

Iżda l-Konferenza naqset meta ma qalitx li biex ikun hawn dan jeħtieġ mhux biss li jkollna tmexxija differenti milli għandna, iżda jeħtieġ ukoll li ma nkunux aktar marbutin bil-politika u bir-regoli li l-ftehim li sar ma' l-UE qed ijassarna.

 

Jekk ikollna tmexxija differenti minn tal-lum, iżda din tkun marbuta bl-istess politika u regoli ta' l-UE, ma jkollniex titjib fil-qagħda ekonomika ta' pajjiżna.

 

Tmexxija differenti għandha bżonn tkun ħielsa li tmexxi b'politika differenti u mingħajr l-irbit tar-regoli tal-ftehim li sar ma' l-UE.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 19 ta' Jannar, 2005.

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ