MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Falliment providenzjali

 

Il-falliment tas-‘summit’ ta' l-Unjoni Ewropea s-Sibt li għadda fi Brussels jista' jkun providenzjali għal pajjizna għax jagħtina l-opportunità li nsiru nafu x'kienu l-emendi li tressqu għall-Kostituzzjoni li kienet tfasslet minn Giscard d'Estaing, xi qbil sar dwarhom u x'għadu ma ġiex maqbul mill-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

Kien ikun għajb kbir għal Fenech Adami kieku ntlaħaq qbil nhar is-Sibt fuq Kostituzzjoni li ħafna minnha għadha moħbija għall-poplu Malti u minkejja dan il-fatt, Fenech Adami kien lest jiffirmaha u jorbot lill-poplu Malti biha. 

 

Għax Fenech Adami ma kellux id-dehen u d-diċenza jagħmel dak li għamel il-Gvern ta' l-Awstrija li rranġa biex il-membri tal-Parlament Awstrijak ikunu 'on call' fil-‘weekend’ ħalli jiltaqgħu u jiddiskutu jekk l-Awstrija, minħabba n-newtralità tagħha, kellhiex tapprova l-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kif emendata, qabel ma l-Kanċillier Awstrijak kien ikun jista' jiffirmaha ġewwa Brussels.

 

Il-Parlament Malti njorat

 

Għall-kuntrarju tas-serjetà li biha ġab ruħu l-Gvern ta' l-Awstrija, il-Gvern Malti injora kompletament l-Kostituzzjoni ta' Malta, lill-Parlament Malti u lill-poplu Malti u Fenech Adami, mingħajr biss jgħarraf lil sħabu l-Ministri tal-Kabinett, kien lest jasal fi ftehim dwar l-emendi għall-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kieku ngħelbu l-iskolli maħluqa minn Spanja u l-Polonja.

Hija indiċenza kbira li l-poplu tagħna ma ngħatax tagħrif siewi dwar x'fiha l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea li se tkun fuq il-Kostituzzjoni ta' Malta u li se torbot lil pajjiżna. 

 

Hija rresponsabbiltà kbira li l-Parlament Malti ma ngħatax l-opportunità li jiddiskuti t-tibdiliet li tressqu mill-Presidenza Taljana li qiegħda bħalissa tmexxi l-Kunsill Ewropew, għall-Kostituzzjoni mfassla minn Giscard d'Estaing bħala l-President tal-Konvenzjoni mwaqqfa biex tħejji l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Il-poplu Malti mhux stmat

 

Dan kollu jixhed li l-Gvern Malti la jistma lill-poplu u lanqas lir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament. 

 

Jekk ftit huma dawk f'Malta li jafu sewwa x'fiha u xi tfisser il-Kostituzzjoni mħejjija mill-Konvenzjoni preseduta minn Giscard d'Estaing u x'konsegwenzi se jkollha fuq il-Kostituzzjoni ta' Malta u fuq il-politika tal-Gvern ta' Malta fil-futur, kważi ħadd f'Malta ma jaf sewwa x'inhuma l-emendi li ġew maqbula għal dik il-Kostituzzjoni, liema huma l-emendi li ma ġewx maqbula u x'inhuma l-punti li għad m'hemmx qbil dwarhom.

Mhux biss il-poplu nżamm fl-għama dwar dawn il-ħwejjeġ, iżda anki r-rappreżentanti tal-‘media’ Maltija qajla ngħataw ħjiel dettaljat biżżejjed dwar dawn il-ħwejjeġ biex huma jkunu f'qagħda li jistgħu jinfurmaw lill-pubbliku Malti.

Is-‘summit’ tal-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea beda fil-11 ta' Diċembru. 

 

Jumejn qabel, fid-9 ta' Diċembru, il-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew ippubblika l-emendi proposti għall-Kostituzzjoni mħejjija minn Giscard d'Estaing. 

 

Iċ-Ċentru ta' l-Informazzjoni Malta-Unjoni Ewropea (MIC) ġie mitlub kopja ta' l-emendi proposti mill-Presidenza Taljana. 

 

It-tweġiba tal-MIC kienet li huma ma kellhomx il-proposti magħmula mill-Presidenza Taljana.

 

Emendi importanti mhux magħrufa

 

Dak li l-MIC ma kellhomx, inkiseb minn fuq l-Internet, mill-‘website’ ta' l-Unjoni Ewropea. 

 

B'hekk stajna niflu l-kwantità ta' emendi għall-Kostituzzjoni ta' Giscard d'Estaing li l-Presidenza Taljana kienet qiegħda tressaq quddiem il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi l-Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta li flimkien mal-Ministru tal-Finanzi Malti marru għas-‘summit’ ta' Brussels.

X'uħud mill-emendi proposti mill-Presidenza Taljana huma mportanti minħabba l-konsegwenzi fuq il-Kostituzzjoni ta' Malta u fuq il-politika ta' Malta fil-qasam ta' l-affarijiet barranin, fil-qasam militari u ta' difiża u fuq il-politika ta' newtralità.

Ħaġa ta' l-għaġeb li la qabel il-laqgħat tas-‘summit’ u lanqas waqt u wara, Fenech Adami ma wera ebda interess meta tkellem mal-‘media’ dwar l-emendi proposti mill-Presidenza Taljana fl-oqsma imsemmija ta' l-affarijiet barranin, militari u tad-difiża u l-politika ta' newtralità ta' Malta.

 

Mhux l-aktar ħwejjeġ importanti

 

Wara l-falliment tas-‘summit’ Fenech Adami qal li kien sodisfatt li b'dak li sema' jingħad fil-laqgħat li kellu, Malta se jkollha aktar minn erba' membri fil-Parlament Ewropew u l-Kummissarrju Malti jkollu l-vot fil-Kummissjoni Ewropea u se jibqa' l-prinċipju ta' l-unanimità f'ċerti oqsma, bħat-tassazzjoni, qasam soċjali u dwar il-budget ta' l-Unjoni Ewropea.

Kienet ħaġa xokkanti tara lill-Prim Ministru ta' Malta ma jgħid xejn fuq il-kwistjoni mill-aktar importanti għall-Malta dwar is-setgħa li se jkollhom fl-Unjoni Ewropea pajjiżi membri li huma żgħar – u Malta hija l-iżgħar pajjiż membri – fid-deċiżjonijiet li l-Unjoni Ewropea se tkun tista' tieħu b'maġġoranza u mhux bil-qbil ta' kull pajjiż membru. 

 

Il-ġlieda li Spanja u l-Polonja għamlu kontra l-bidla ta' kif tiġi kkalkolata l-maġġoranza fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri, li huma l-istituzzjonijiet l-aktar setgħana fl-Unjoni Ewropea, kellha l-għan li ma tħallix tiddgħajjef is-setgħa tal-pajjiżi membri żgħar u ma tħallix tikber is-setgħa tal-pajjiżi membri kbar ta' l-Unjoni li jkunu b'hekk dejjem jaraw li tgħaddi tagħhom fid-deċiżjonijiet li l-Unjoni tieħu bis-sistema tal-maġġoranza ta' nofs il-pajjiżi membri li jkunu jirrappreżentaw sittin fil-mija tal-poplazzjoni kollha tal-pajjiżi membri flimkien ta' l-Unjoni.

 

Ma’ min żammet Malta?

 

Din il-kwistjoni dwar kif titqies il-maġġoranza fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri tolqot mill-qrib lil Malta. 

 

Malta bħala pajjiż membru żgħir fl-Unjoni Ewropea imissha kienet minn ta' quddiem li appoġġjat bis-sħiħ il-linja li Spanja u l-Polonja ħadu, li hija linja li ma ddgħajjifx is-setgħa tal-pajjiżi membri żgħar. 

 

B'danakollu Malta ma ħadetx il-linja ta' Spanja u l-Polonja. 

 

Ħadet linja li mhux taqbel ma' l-interessi ta' pajjiżna iżda, linja li taqbel lill-pajjiżi kbar ta' l-Unjoni.

F'dak li qal lill-‘media’ Fenech Adami wera li Spanja u l-Polonja ma ngħatawx appoġġ minn Malta. 

 

Għalhekk Fenech Adami ma ħarisx l-interessi ta' Malta f'din il-kwistjoni importantissima għal pajjiżna.

Il-kwistjoni ta' kif titqies il-maġġoranza fid-deċiżjonijiet li l-Unjoni Ewropea tieħu bis-sistema tal-maġġoranza li qegħdin dejjem jiżdiedu fin-numru, hija ħafna aktar ta' importanza għal Malta min-numru ta' deputati Maltin li jkunu fil-Parlament Ewropew u minn jekk il-Kummissarju Malti fil-Kummissjoni Ewropea jkollux id-dritt tal-vot jew le.

Jekk id-deputati Maltin fil-Parlament Ewropew jkunux erbgħa, ħamsa jew sitta, ftit li xejn tagħmel differenza għal pajjiżna. 

 

Sitt deputati ma jistgħux ilaħħqu max-xogħol tas-17-il kumitat parlamentari li hemm fil-Parlament Ewropew.

Jekk il-Kummissarju Malti fil-Kummissjoni Ewropea ikollux id-dritt tal-vot jew le ma tagħmilx differenza għal pajjiżna. 

 

Kull Kummissarju ma jirrappreżentax l-interessi tal-pajjiż tiegħu, iżda irid iħares u jmexxi ’l quddiem l-interessi komuni ta' l-Unjoni Ewropea.

Jisgħobbina li l-Prim Ministru Malti lanqas għaraf x'inhu l-aktar ta' siwi importanti fl-ewwel okkażjoni li kellu f'‘summit’ ta' l-Unjoni Ewropea. 

 

Kien jiffranka ħafna flus lil Malta kieku ma mar xejn fi Brussels u b'hekk kien ikun ta' aktar siwi għall-pajjiżna.

 

Konflitti bejn il-Kostituzzjoni Maltija u dik ta’ l-UE

 

Hija l-impressjoni ġenerali tal-pubbliku li l-Gvern Malti ma jridx li jkun magħruf x'tgħid sewwa l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea u l-emendi għaliha u li qegħdin isiru sforzi ħalli l-poplu jkun aljenat dwar punti mhux l-aktar importanti fil-Kostituzzjoni biex ma jkollux l-opportunità jifli punti li huma kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta u kontra l-interessi tal-poplu tagħna.

Eżempju tal-konflitti bejn x'tgħid il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u x'tgħid il-Kostituzzjoni ta' Malta insibuh fil-qasam ta' l-affarijiet barranin. 

 

Skond il-Kostituzzjoni tagħna Malta għandha timxi b'politika ta' newtralità u non-allinjament. L-Unjoni Ewropea ma tħaddanx din il-politika ta' newtralità u non-allinjament. 

 

Għalhekk din id-differenza tista' twassal f'konflitt bejn il-politika barranija li l-Unjoni Ewropea timxi biha u l-politika barranija ta' newtralità li Malta tħaddan.

 

Konflitt fil-politika barranija

 

Il-Gvern Malti jiċħad li dan il-konflitt jeżisti u jgħid li la darba d-deċiżjonijiet dwar il-politika barranija komuni u ta' sigurtà jeħtieġilha l-unanimità fl-Unjoni Ewropea, Malta għandha l-mezz kif ma tħallix li l-Unjoni Ewropea taddotta politika barranija b'konflitt ma' dik ta' Malta.

Iżda dwar dan il-Gvern Malti huwa żbaljat. 

 

Fil-ħarġa tas-6 ta' Diċembru ta' din is-sena ta' L-Aġġornat, il-bullettin tal-MIC, insibu dawn il-kelmiet: 

"Politika barranija u ta' sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea: 

 

"L-Italja tipproponi li bi proposta tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin" ta' l-Unjoni Ewropea " jistgħu jkunu adottati deċiżjonijiet b'votazzjoni ta' maġġoranza kwalifikata flok b'unanimità kif propost mill-abbozz tal-Kostituzzjoni ta' l-UE".

Il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea tgħid li kull pajjiż membru għandu jappoġġja l-politika komuni barranija u ta' sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea mingħajr kundizzjoni u mingħajr riżervi u ma jagħmel xejn li jista' jimminaha.

 

Għalhekk meta fuq proposta tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi linja ta' politika barranija li ma tkunx skond in-newtralità ta' Malta, Malta tkun marbuta li timxi skond dik il-linja politika ta' l-Unjoni Ewropea li ma tkunx waħda ta' newtralità.

 

Konflitt dwar l-alleanza militari

 

Eżempju ieħor ta' konflitt bejn x'tgħid il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u x'tgħid il-Kostituzzjoni ta' Malta nsibuh dwar l-alleanzi militari.

Il-Kostituzzjoni Maltija tgħid ċar li pajjiżna ma jistax jissieħeb f'ebda alleanza militari. 

 

 

 

 

 

Dan ifisser li ma jistax jidħol f'għaqda li torbot lill-pajjiżi li jkunu mseħbin fiha li jgħinu lil xulxin militarment.

Il-Gvern Malti jinsisti li l-Unjoni Ewropea mhix għaqda ta' alleanza militari. 

 

Iżda anki hawn il-Gvern Malti huwa żbaljat. 

 

L-artiklu I.40 (7) tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta mill-proposti magħmula mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew, jorbot lil kull pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea li jgħin bil-mezzi kollha u għalhekk anki bil-mezzi militari tiegħu, lil kull pajjiż ieħor ta' l-Unjoni Ewropea li jiġi aggredit jew attakkat.

Dan ifisser li Malta tkun marbuta li tieħu sehem bil-forzi militari tagħha fid-difiża komuni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

B'hekk Malta ssir qiegħda tieħu sehem f'alleanza militari. 

 

Dan huwa bi ksur tal-kliem ċar tal-Kostituzzjoni ta' Malta.

Il-Gvern Malti jsostni li d-dikjarazzjoni li huwa ehmeż mat-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea li ġie ffirmat fis-16 ta' April li għadda ġewwa Atene teħilsu mill-obbligu li jieħu sehem fid-difiża komuni ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' xi pajjiż membru tagħha. 

 

Iżda anki hawn il-Gvern Malti huwa żbaljat. 

 

Il-Kostituzzjoni tagħna ma tgħidx li Malta ma tistax tieħu sehem militarment fid-difiża ta' pajjiż ieħor. 

 

Tgħid li Malta ma tistax tieħu sehem f'alleanza militari. 

 

Alleanza militari mhix l-istess ħaġa bhal fil-fatt ta' sehem militarment f'difiża ta' pajjiż. 

 

Il-fatt biss li Malta tkun parti minn alleanza militari, anki jekk qatt ma jkun hemm l-okkażjoni ta' intervent militari, huwa biżżejjed biex jammonta għal ksur tal-Kostituzzjoni ta' pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 18 ta’ Diċembru, 2003

 

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ