MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Ċaħda tad-demokrazija
Illum
u għada l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin
jiltaqgħu f’Lisbona ħalli jiftehmu dwar l-abbozz finali tat-Trattat
ġdid ta’ Riforma li qiegħed jieħu post it-Trattat
Kostituzzjonali ta’ l-Unjoni li kien iffirmat f’Ruma f’Ottubru 2004, u li
l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontrih u għalhekk ma daħalx
fis-seħħ.
Il-Prim Ministru Malti se jieħu sehem fil-laqgħa ta’ Lisbona, fejn
se jikkommetti lil Malta b’dak kollu li t-Trattat il-ġdid jgħid.
La
l-membri tal-Parlament tagħna, u inqas u inqas il-poplu tagħna, ma ngħataw
tagħrif x’se jkun fih it-Trattat li se jorbotna jekk jidħol fis-seħħ.
Il-politiċi tagħna għażlu li jżommu lill-poplu fid-dlam
dwar x’fih dan it-Trattat, ħalli jevitaw il-kritika u l-oppożizzjoni
popolari għalih, biex imbagħad il-membri parlamentari kollha
japprovawh, bħal ma kienu vvotaw favur it-Trattat tal-Kostituzzjoni,
f’Lulju 2005.
Il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE se jiftehmu li ma jħallux kemm
jista’ jkun lill-popli tagħhom jgħidu f’referendum, jaqblux
mat-Trattat il-ġdid, għax jibżgħu li jkun hemm min jivvota
kontrih u t-Trattat imissu x-“xorti ħażina” li t-Trattat ta’
qablu dwar il-Kostituzzjoni kellu.
Dan huwa att ta’ disprezz tad-demokrazija, li jikxef l-ipokresija grassa ta’
l-Unjoni Ewropea, li tant tħambaq favur id-demokrazija, iżda le
tipprattikaha, fejn tibża’ li l-poplu ma jridx li jseħħ dak li
l-mexxejja ta’ l-Unjoni jridu jagħmlu.
Il-Prim
Ministru Malti jaf li b’dak li se jiftiehem illum u għada f’Lisbona, se
jorbot lill-membri parlamentari tal-Gvern biex jivvotaw favur, u jaf ukoll li
ebda membru parlamentari mhu se jkollu d-dehen u l-kuraġġ li jivvota
kontra, meta t-Trattat jitressaq fil-Parlament għar-ratifika.
Għalhekk nistennew li jsiru sforzi kbar biex jiddefendu akkost ta’ kollox
dak li t-Trattat jgħid, jaqbel jew ma jaqbilx lill-poplu Malti.
Għalhekk ma nistennewx li tintwera l-oġġettività meħieġa fid-diskussjoni li ssir dwar it-Trattat, wara li jkun iffirmat f’Diċembru li ġej mill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE.
Dan
se jkun ta’ dannu għall-interessi tal-poplu tagħna, li jixraqlu min
iħarishomlu, mhux min jissuġġettahom għal interessi oħrajn.
M’hemmx dubju li t-Trattat il-ġdid se jkompli jnaqqsilna s-sovranità,
billi jagħti aktar setgħat lill-UE li tiddeċiedi b’maġġoranza
f’numru akbar ta’ oqsma.
F’dawn l-oqsma, il-poplu Malti jkollu jbaxxi rasu u joqgħod sakemm nibqgħu fl-UE, għal dak li l-maġġoranza ta’ l-Unjoni tiddeċiedi, anke jekk il-poplu Malti jkun kontra dawk id-deċiżjonijiet.
Għalhekk
ir-rieda tal-poplu tagħna mhux se tibqa’ suprema u dan ikun ifisser iċ-ċaħda
tad-demokrazija f’pajjiżna.
L-UE
xkiel għall-kompetittività tagħna
Biex pajjiżna jimxi ’l quddiem jeħieġilna nesportaw aktar prodotti tagħna u nbiegħu iżjed servizzi tagħna.
L-UE tgħinna nagħmlu dan?
Mhux
biss ma tgħinniex, iżda tagħmilha aktar diffiċli biex
nesportaw iżjed u nbiegħu aktar il-prodotti u s-servizzi tagħna.
Għax is-sħubija fl-UE għollietilna l-ħajja u żieditilna
l-ispejjeż, u b’hekk mhux talli m’għamlitniex aktar kompetittivi,
iżda naqqsitilna l-kompetittività tagħna.
In-nuqqas
tal-kompetittività għalqilna l-fabbriki u tefgħana lura fil-bejgħ
tas-servizzi, bħalma huma dawk tat-tiswija tal-vapuri u tal-qasam tat-turiżmu.
Il-bidla għall-Ewro f’Jannar li ġej se tkompli tnaqqsilna
l-kompetittività, għax se tkompli tgħollilna l-ħajja u
tkabbrilna l-ispejjeż.
Is-saħħa
ta’ l-Ewro kontra l-muniti l-oħrajn, l-aktar id-Dollaru Amerikan, se
tkompli tnaqqsilna l-kompetittività.
B’dan, se jintlaqtu ħażin il-fabbriki tagħna li jesportaw
l-aktar għas-swieq ta’ barra l-UE, u l-aktar dawk is-swieq li jixtru
bid-Dollaru Amerikan.
Il-prodotti
maħdumin f’Malta se jqumu iżjed għal min iħallas
bid-Dollaru Amerikan.
Il-politiċi tagħna qegħdin jonqsu lill-poplu tagħna meta jaħbulu t-theddida serja li għandna għall-esportazzjoni tagħna f’numru ta’ fabbriki tagħna.
U
dan mhux aktar fil-każ ta’ fabbriki tat-tessuti, iżda f’fabbriki
li għandhom valur miżjud għoli bil-pagi u s-salarji li jħallsu.
Ħadd
mhu qed jgħid lill-poplu li l-akbar fabbrika li l-aktar tesporta minn
Malta, diġà ssensjat wieħed minn kull sitta ta’ l-impjegati tagħha,
u hija mhedda li tagħlaq, b’konsegwenza li madwar 2,000 jitilfu l-impjieg
tagħhom.
Quddiem din t-theddida għall-impjiegi f’pajjiżna, is-sħubija
fl-Unjoni Ewropea hija ta’ xkiel, mhux ta’ għajnuna għal pajjiżna.
Bħalma
hija theddida għal impriża kbira oħra li l-UE qiegħda
thedded li tagħlqilna, u b’hekk ittellef l-impjieg ta’ madwar 1,700
ħaddiem ieħor.
M’aħniex nieħdu passi ħalli nrażżnu l-għoli tal-ħajja
u nnaqqsu l-ispejjeż biex inkabbru l-kompetittività, u lanqas m’aħna
nagħtu inċentivi ħalli ngħollu l-effiċjenza u nżidu
l-produttività.
Qegħdin
nagħmlu bil-maqlub ta’ dan, għax qegħdin inkomplu nżidu
l-piżijiet għall-impriżi tagħna, kemm dawk li jesportaw
il-prodotti, kif ukoll dawk li jbiegħu s-servizzi.
Il-politika u r-regoli ta’ l-UE ma jħalluniex nieħdu l-passi meħtieġa
u ndaħħlu l-miżuri xierqa biex intaffu l-piżijiet u nnaqqsu
l-ispejjeż għall-impriżi tagħna.
Sakemm
nibqgħu ma nagħmlux kull m’hemm bżonn, bla xkiel mill-UE,
ħalli nżidu l-esportazzjoni tal-prodotti u l-bejgħ tas-servizzi
tagħna, ma nistgħux nimxu ’l quddiem u ma nkunux nistgħu nħaddmu
ż-żgħażagħ tagħna f’pajjiżna.
Qegħdin
nagħmlu ħażin li ma nagħrfux li din hija l-ewwel problema li
għandna u jmissna nagħmlu minn kollox biex insolvuha.
Pajjiżi
“barra” li marru aħjar
Skond
il-Ġnus Magħquda fl-2006 in-Norveġja u l-Islanda kienu l-ewwel u
t-tieni l-aħjar pajjiżi fejn wieħed jgħix.
Iż-żewġ pajjiżi ma ssieħbux fl-Unjoni Ewropea, minkejja li din tridhom jagħmlu dan.
Il-Prim Ministru tan-Norveġja Jens Stoltenberg huwa favur li pajjiżu
jidħol fl-Unjoni.
B’danakollu,
hu jammetti pubblikament li l-poplu Norveġiż qiegħed illum igawdi
l-benefiċċji li kiseb meta f’żewġ referendi vvota kontra
li jidħol fl-Unjoni.
Dawn il-benefiċċji huma ekonomija b’saħħitha, qgħad
ftit, u rata kbira ta’ tkabbir ekonomiku.
Mhux
biss, iżda n-Norveġja għax baqgħet barra mill-Unjoni, salvat
l-industrija tagħha tas-sajd (mhux kif ġralha l-Ingilterra li bis-sħubija
fl-UE, naqqset bil-kbir l-industrija tagħha tas-sajd).
L-istess
diskors jista’ jingħad għall-Islanda li qatt m’applikat biex tidħol
fl-Unjoni Ewropea.
Dan
il-pajjiż jagħmel kummerċ l-aktar ma’ l-Unjoni, u billi l-pajjiż
hu fil-European Economic Area (EEA), għandu aċċess ħieles għas-suq
komuni ta’ l-UE mingħajr ma huwa suġġett għal ħafna
mir-regolamenti ta’ l-istess Unjoni.
L-Islanda hija wkoll meħlusa mill-politika diżastruża ta’
l-Unjoni, bħalma hija dik tal-biedja (Common Agricultural Policy).
U
meta l-Islanda tħoss li hekk jaqblilha fl-interess nazzjonali, tista’ tħassar
kull ftehim li għandha ma’ l-Unjoni.
Id-direttur tan-No Movement ta’ l-Islanda, Hortur J. Gudmundsson, jgħid
li ma hemm ebda raġuni biex pajjiżu jissieħeb fl-UE, għax
l-Islanda sejra tajjeb ħafna barra.
Huwa
jsostni s-sisien tas-suċċess ta’ l-Islanda, hija l-indipendenza li
żammet matul is-snin.
Gudmundsson jisħaq li l-każ ta’ l-Islanda jagħti prova ta’
kif il-progress nazzjonali huwa marbut mal-ħarsien ta’ l-indipendenza
ta’ pajjiż.
Għax
pajjiż li jibqa’ indipendenti mill-UE jieħu deċiżjonijiet
li huma fl-aħjar interessi tiegħu, skond iċ-ċirkostanzi tiegħu,
u mhux ikollu joqgħod għad-deċiżjonijiet meħudin
mill-Unjoni li tagħti importanza ċirkostanzi ta’ pajjiżi oħrajn
fl-Unjoni, li m’humiex l-istess ċirkostanzi ta’ l-Islanda.
L-Isvizzera
L-Isvizzera
wkoll, flimkien man-Norveġja u l-Islanda dejjem jitqiesu fost għaxar
l-aħjar pajjiżi li sejrin f’dik li hija l-ekonomija dinjija.
It-tlieta m’humiex fl-UE u waqt li n-Norveġja u l-Islanda huma
fil-European Economic Area, l-Isvizzera mhix.
Din,
iżda, għamlet għadd ta’ ftehim bilaterali ma’ l-UE fl-oqsma
li fihom hija trid tikkopera ma’ l-Unjoni.
Christa Markwalder Bar, il-Presidenta tal-Moviment Ewropew fl-Isvizzera,
tammetti wkoll li l-ftehim ta’ pajjiżha ma’ l-UE huma pożittivi
ħafna, għalkemm pajjiżha m’huwiex imsieħeb fl-Unjoni.
L-UE
hija favur l-abort
Il-Qorti
Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lill-Gvern Pollakk iħallas
kumpens għad-danni li mara Pollakka, Alicja Tysiac, sofriet billi l-vista
tagħha marret lura kaġun tat-tqala, li hija ma setgħetx twaqqaf,
għax ma sabitx tabib fil-Polonja li jagħmlilha abort.
L-Insara Maltin jistgħu jistennew li l-istess jiġri lill-Gvern Malti bħalma
ġara fil-Polonja.
Jew
ma ndumux ma jkollna lill-UE tikkundanna lill-Gvern Malti jħallas l-ispejjeż
li mara Maltija tagħmel meta tmur barra biex tagħmel abort, għax
il-Gvern ma jkunx ipprovdilha mezzi f’Malta għall-abort.
Naturalment anke l-Isqfijiet Maltin jagħmlu bħalma għamlu dawk
Pollakki, iħeġġu lill-Insara jipprotestaw.
Iżda
jkun għalxejn, jekk l-Insara Maltin ma jqumux fuq tagħhom u jgħidu
lill-UE tagħmel li trid, iżda tħalli lil Malta tagħmel dak
li hi temmen li huwa tajjeb.
Il-ġimgħa l-oħra ġiet Malta t-tabiba Olandiża Dr
Gomperts, magħrufa għall-vapur ta’ l-abort “Women on Waves” li
hija tieħu minn pajjiż għall-ieħor biex tagħmel
propaganda favur l-abort.
Hekk
ġiet tagħmel f'pajjiżna.
Kienu għalxejn l-isforzi li għamlu mal-Kummissarju tal-Pulizija biex ma jħallix lil Dr Gomperts pubblikament tagħmel propaganda favur l-abort f’pajjiżna.
Issa li pajjiżna huwa fl-Unjoni Ewropea, il-Pulizija m’ażżardatx twaqqaf lil Dr Gomperts mill-propaganda tagħha, għax kieku taqbeż fuqna l-UE u tikkundannana bi xkiel tal-libertà ta’ l-espressjoni u d-dritt tal-moviment ħieles ta’ ċittadina ta’ l-UE.
Din kienet tispiċċa twaħħalna xi multa u b’hekk tnaqqas mill-ammont ta’ flus li wegħdet li tagħtina.

Naturalment l-Insara Maltin jipprotestaw u l-Isqfijiet jikkundannaw dan, iżda
kollu għalxejn, sakemm l-UE titħalla tikkmandana u tkasbar it-twemmin
tagħna.
Għall-UE l-abort hu dritt tal-mara u tikkundanna lil min irażżan
l-abort, mhux lil min iwettqu u jagħmel propaganda għalih.
Malta
Nisranija, bis-sħubija tagħha fl-Unjoni, bil-miljuni
f’kontribuzzjonijiet li tħallas kull sena lill-UE, qiegħda tgħin
u tappoġġja l-politika Ewropea favur l-abort.
Dan l-aħħar kien hawn min ippropona li fil-Kostituzzjoni tagħna
ndaħħlu kundanna ta’ l-abort.
L-Unjoni
Ewropea ma tħalliniex nagħmlu dan.
Għax għalkemm għamilna protokoll li ma jobbliganiex indaħħlu
l-liġijiet ta’ l-Unjoni dwar l-abort, fil-Kostituzzjoni tagħna daħħalna
li l-liġijiet li nagħmlu ma jistgħux ikunu kontra dawk ta’
l-UE.
Liġi
kontra l-abort tmur kontra dak li trid l-Unjoni.
Pajjiżi barra l-Unjoni, jistgħu jagħmlu liġi kontra l-abort.
In-Nikaragwa għadha kif għamlet dan.
Iżda
n-Nikaragwa hi indipendenti u sovrana, mhux bħal Malta li hija maħkuma
mill-Unjoni.
Il-Ħamis, 18 ta' Ottubru, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ