MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 misruqa minn ħalq uliedek
minn Karmenu Mifsud Bonnici
Is-sehem ta’ l-Unjoni Ewropea fl-istorja
tat-Tarzna jixraq li jkun magħruf ħalli l-poplu Malti jkun jista’ jiġġudika jekk
is-sħubija fl-Unjoni għamlitx ġid jew għamlitx ħsara lit-tarznari li għal ħafna
sekli kienu meqjusa bħala l-industrija nazzjonali ta’ pajjiżna.
F’ġurnal lokali bl-Ingliż tat-12 tax-xahar intqal ċar u tond li ftit tax-xhur
ilu l-Unjoni Ewropea ssuġġeriet lill-Gvern Malti li jilliċenzja lill-ħaddiema
kollha tat-Tarzna u jxolji l-kumpanija l-Malta Shipyard, li l-Gvern waqqaf
fl-2003 biex tmexxi t-tarzna ta’ Bormla, dik tal-Marsa u dik ta’ Manoel Island.
Dan is-suġġeriment juri li l-Unjoni
Ewropea ma jimpurtahiex mill-impieg ta’ 1,700 ħaddiema, u ma tapprezzax kemm l-industrija
tat-tarznari hija importnti u meħtieġa għal Malta.
F’ġurnal lokali ieħor bl-Ingliż tal-14 tx-xahar intqal li l-Kummissarju Ewropew
Neelie Kroes wissiet lill-Gvern Malti biex fil-privatizzazzjoni tat-Tarzna ma
jagħżilx l-investituri li jintrabtu li jżommu l-akbar numru ta’ ħaddiema fit-Tarzna,
għax l-offerta tagħhom tkun l-aktar baxxa minħabba f’hekk.
Din it-twissija turi li għall-Unjoni Ewropea, l-impieg ta’ l-akbar numru possibbli ta’ ħaddiema ma hux ta‘ siwi ewlieni, u għaliha d-daqs tal-prezz offrut huwa aqwa min-numru ta’ ħaddiema miżmumin fl-impieg.
L-indħil ta’ l-Unjoni
L-indħil ta’ l-Unjoni Ewropea fit-tarznari
ta’ Malta beda qabel ma pajjiżna ffirma t-Trattat ta’sħubija fl-Unjoni fis-16 ta’
April, 2003.
Biex pajjiżna seta’ jissieħeb fl-Unjoni,
din rabtitu li jwettaq pjan ta’ ristrutturar tat-tarznari għal perijodu ta’ seba’
snin mill-2002 sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Bil-pjan ta’ ristrutturar l-Unjoni Ewropea mponiet
* tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema fit-tarznari,
* limitu fl-ammont ta’ xogħol li t-tarznari setgħu jagħmlu,
* kemm ta’ tiswija kif ukoll ta’ bini ta’ vapuri,
* l-għeluq ta’ wieħed mill-baċiri,
*
kif ukoll iffissat l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja
li l-Gvern seta’ jagħti lit-tarznari.
Dak il-pjan ta’ ristrutturar uriena li l-Unjoni Ewropea kellha aktar interess li
trażżan il-kompetizzjoni li t-tarznari Maltin setgħu jagħmlu lil dawk
tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni, milli li t-tarznari Maltin jagħmlu kemm
jifilħu xogħol ta’ tiswija u bini ta’ vapuri u jħaddmu l-aktar numru li jistgħu
ta’ ħaddiema.
L-iskuża ta’ l-Unjoni Ewropea kienet li l-vijabbiltà tat-tarznari setgħet tintlaħaq biss b’dawk il-kundizzjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar.
Illum kulħadd jammetti li dak kien pjan ħażin u l-Unjoni li fasslitu, kienet żbaljata.
Pjan żbaljat
L-inġinier Lawrence Ciantar, li tħarreġ fit-tarzna u għal ħafna snin mexxa l-‘Power Station’, f’ġurnali lokali kiteb hekk, fid-19 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
“L-hekk
imsejjaħ programm ta’ risturtturar ma kien xejn ħlief eżerċizzju ta’ tnaqqis ta’
ħaddiema biex tonqos l-ispiża kurrenti.
Ma sarux investimenti f’għodda u makkinarju modern biex titjieb l-effiċjenza u
l-kwalità tax-xogħol. Ma sarx taħriġ ta’ l-impjegati f’dawk li huma teknoloġiji
ġodda, u partikolarment fil-maniġment. It-tnaqqis fid-dħul ta’ apprendisti, tant
meħtieġa biex it-Tarzna tibqa’ tiżviluppa, iddgħajjef ħafna l-potenzjal tat-Tarzna
għas-snin li ġejjin.”
“Għall-kuntrarju, it-tmexxija tat-Tarzna ġiet imgħoddija effettivament f’idejn
maniġment barrani.“
Bil-maqlub ta’ dan, l-Inġinier Lawrence Ciantar sostna li
“l-amministrazzjoni tat-Tarzna għandha tkun tinkludi element qawwi ta’ maniġers ikkwalifiatki Maltin, u tħalli spazju għas-servizzi ta’ esperti barranin, fejn ikun hemm bżonn”.
U bla tlaqliq saħaq li
“ikun tassew għajb kbir jekk dak li bnew missirijietna fuq medda ta’ mijiet ta’ snin, tkun il-ġenerazzjoni tagħna li teqirdu”.
Kellha tagħrif sħiħ
L-Unjoni Ewropea ma tistax taħrab
li taqsam mal-Gvern Malti r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet u għat-telf li t-Tarzna
għamlet fl-aħħar sitt snin.
Għax filwaqt li l-Gvern kellu f’idejh it-tmexxija sħiħa tat-Tarzna mis-sena 1998
‘l hawn, wara li spiċċa s-sehem li kellhom id-diretturi ħaddiema fit-tmexxija
tat-Tarzna, l-Unjoni Ewropea kellha, skont il-pjan ta’ ristrutturar, kull sena
tagħrif dettaljat u komplet ta’ dak li kien qiegħed iseħħ fit-Tarzna.
Il-pjan ta’ ristrutturar jgħid li Malta kellha tipprovdi lill-Kummissjoni
Ewropea
“rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan. Dawn ir-rapport għandhom jinkludu kull informazzjoni rilevanti biex jgħin lill-Kummissjoni tqis is-sitwazzjoni fir-rigward l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar, inkluż kif it-tarznari jiffissaw il-prezzijiet għal kuntratti ġodda tat-tiswija tal-vapuri u ta‘ bini ta’ vapuri li jinkisbu mit-tarznari.
Ir-rapport annwali ta’ tarzna dwar il-produzzjoni għandu jispeċifika t-tunnellaġġ gross ikkumpensat ta’ xogħlijiet eliġibbli li jsiru barra minnha. It-Tarzna għandha wkoll tkun f’pożizzjoni li turi l-kuntratti kollha relatati mal-għoti ta‘xogħlijiet li jsiru barra minnhom” fil-każ ta’ bini ta’ vapuri.
Rapport annwali
Il-pjan ta’ ristrutturar ikompli jgħid li
“minn Marzu
2003 Malta għandha tforni dawn ir-rapporti fi żmien xahrejn mill-aħħar ta’ kull
sena. L-aħħar rapport għandu jingħata sa l-aħħar ta’ Marzu 2009, ħlief jekk ma
jiġix miftiehem mod ieħor mill-Kummissjoni u Malta”.
Imma l-Unjoni Ewropea ma kinetx kuntenta b’tagħrif dettaljat dwar it-Tarzna li
jingħata fir-rapporti annwali.
Il-pjan ta’ ristrutturar ta s-setgħa lill-Unjoni li tgħasses x’qed jiġri fit-Tarzna, għax il-pjan jgħd ukoll li
“Malta għandha
tikkopera mal-arranġamenti ta’kontroll stabbiliti mill-Kummissjoni, inklużi
spezzjonijiet fuq il-post minn esperti indipendenti, matul il-perjodu ta‘
ristrutturar”.
Għaldaqstant l-Unjoni Ewropea ma tistax tgħid li ma kinetx taf bit-tmexxija
diżastruża tat-Tarzna fl-aħħar snin.
Kienet taf, u ma tniffetx, u għalhekk kienet kuntenta b’dak li kien qiegħed
jiġri li seta’ jwassal biex it-Tarzna jkollha tagħlaq u l-ħaddiema kollha tagħha
jispiċċaw mill-impieg.
F’ċirkostanzi eċċezzjonali
Kieku l-Unjoni Ewropea tħares ġenwinament l-interessi ta’ pajjiżna, hija tapplika dak li l-pjan ta’ ristrutturar stess jipprovdi jekk it-Tarzna ma tkunx ġiet fuq saqajha sa l-aħħar ta’ Diċembru li ġej.
Infatti l-pjan jgħid:
“Jekk
il-vijabbiltà tat-tarznari ma tistax tinkiseb minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali
u li ma kienux previsti fiż-żmien meta ġie mfassal il-pjan ta’ ristrutturar,
il-Kummissjoni Ewropea tista’ tirrevedi l-kundizzjonijieet tal-pjan” u qabel
tagħmel dan, “il-Kummissjoni għandha tqis sew il-vedut ta’ l-Istati Membri dwar
l-eżistenza ta’ ċirkostanza eċċezzjonali”.
Issa ma hemmx dubju li d-diżastru finanzjarju tal-kuntratt tal-konverżjoni tal-Fairmount,
huwa ċirkostanza eċċezzjonali li seħħet fl-aħħar sentejn u li ma kinetx prevista
fis-sena 2002, meta tfassal il-pjan ta’ ristrutturar.
Kieku hemm rieda tajba mill-Kummissjoni u l-Istati Membri ta’ l-Unjoni ma
joġġezzjonawx minħabba l-kompetizzjoni li t-Tarzna ta’Malta tagħmel lit-tarznari
tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-pjan jinbidlu billi l-perjodu ta’ ristrutturar
tat-Tarzna jitwal aktar mill-aħħar ta’ din is-sena.
Iżda l-Kummissarju Ewropew Neelie Kroes ma tridx taf b’xejn,għax għalha r-regoli
ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni huma aktar sagri mill-impieg ta’1,700
ħaddiema tat-Tarzna u aktar importanti mill-ħtieġa li pajjiżna għandu li jkompli
jkollu l-industrija tradizzjonali tat-tiswija u bini ta’ vapuri.
L-Unjoni Ewropea la qatt tat u
lanqas hija mitluba tagħti ewro waħda għat-Tarzna ta’ Malta.
B’danakollu, l-Unjoni tindaħal x’jagħmel il-Gvern Malti dwar it-Tarzna. It-Tarzna
tista’ tkun vittma oħra tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni, jekk ma nieqfux
lill-Unjoni.
Umiljazzjoni Nazzjonali u Deċiżjoni stupida
L-istqarrijiet pubbliċi li l-Kummissarju Ewropew responsabbli
għall-kompetizzjoni Neelie Kroes, għamlet fis-sena ta’ wara li ġiet teżamina
lill-Gvern Malta dwar il-pjan li għamel għat-Tarzna, waħħlitu u qaltlu biex
għan-nofs Diċembru jħejji ruħu bi pjan rivedut għar-riparatorju, jammontaw għal
att ta’ umiljazzjoni nazzjonali.
Dan l-att diżgustanti jixhed li l-Gvern elett demokratikament mill-poplu Malti mhux Sovran li jiddeċiedi ħwejjeġ nazzjonali kif jidhirlu hu fl-aħjar interessi tal-poplu Malti.
Ir-rieda ta’ l-UE hija superjuri għar-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti.
L-interessi nazzjonali mħarsin mill-Gvern Malta għandhom ikunu ssagrifikati għar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni.
Independentament minn kemm hija tajba jew ħażina d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jaħfer id-dejn li l-Malta Shipbuilding għamlet mit-twaqqif tagħha hames snin ilu, la darba l-Gvern iddeċieda li fl-aħjar interessi tal-pajjiż għandu jaħfer dak id-dejn, m’għandux jaċċetta l-umiljazzjoni li burokratiċi barranin mhux maġturin mill-poplu, jaqilbu d-deċiżjoni tal-Gvern Malti.
Barra l-fatt li l-aġir tal-Kummissarju Kroes huwa oġġezzjonabbli għal nazzjon,
li jiftaħar li huwa indipendenti, id-deċiżjoni tagħha fiha nfisha hija stupida.
Għax id-dejn tal-Malta Shipyards huwa fil-fatt dejn tal-Gvern mal-Gvern stess.
Il-Malta Shipyards hija tal-Gvern.
Id-dejn tagħha huwa tal-Gvern.
Id-dejn tagħha huwa dovut lill-Gvern.
Jekk id-dejn ma jinħafirx, il-kumpanija xorta ma tħallsux lill-Gvern.
Jekk min jixtri l-kumpanija jkun mistenni li jħallas id-dejn tagħha, il-prezz li joffri għaliha jkun imnaqqas bl-amont tad-dejn li jkun irid jitħallas.
Għalhekk il-Gvern jiġbor prezz inqas illi jiġbor jekk min jixtri mhux
mistenni li jħallas id-dejn.
Dan ifisser li d-dejn huwa dejjem talf tal-Gvern.
Jekk il-Malta Shipyards tiġi xolta, xorta waħda d-dejn ma jitħallasx lill-Gvern.
Tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea, id-dejn tal-kumpanija se jġorru l-Gvern.
Wara kollox il-kumpanija hija tal-Gvern u l-Gvern huwa responsabbli għad-dejn tagħha.
Is-CNI tħeġġeġ lill-ħaddiema li jridu jkomplu jaħdmu fit-Tarzna jwaqqfu koperattiva u jieħdu f’idejhom it-Tarzna, flimkien ma “partner” strateġiku barrani li jista’ jagħti “management” professjonali effiċjenti u “marketing” aggressive lt-it-Tarzna.
B’hekk it-Tarzna tibqa’ f’idejn il-Maltin u ma ssirx mill-ġdid bażi marittima barranija.
Jekk investituri barranin jikkalkolaw li jistgħu jagħmlu qligħ jekk it-Tarzna jkollha ‘l fuq minn sitt mitt ħaddiema anqas, koperattiva tal-ħaddiema msieħba ma’ partner strateġiku m’għandhiex titlef mit-Tarzna.
La darba l-Gvern ma jkunx se jagħti sussidji lill-koperattiva, m’għandux għax joġġezzjona li t-Tarzna tibqa’ f’idejn il-ħaddiema tagħha.
Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ