MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GHID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGHEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGHEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Daqqiet ta’ ħarta lill-Unjoni Ewropea

 

Il-maltemp ma jonqosx għall-Unjoni Ewropea. 

 

Bħal sajjetti, ifaqqgħu każ wara l-ieħor ta’ korruzzjoni u frodi. 

 

Il-qagħda ta’ l-ekonomija ta’ x’uħud mill-pajjiżi membri, mhix tajba. 

 

Il-qgħad ma jonqosx. 

 

Dwar il-politika barranija, hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi membri. 

 

Fil-qasam tal-kummerċ, hemm aktar minn ġlieda waħda bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

F’dawn l-aħħar sebat ijiem, l-Unjoni Ewropea qalgħet żewġ daqqiet kbar ta’ ħarta. 

 

Waħda minnhom hija l-votazzjoni kontra l-munita ta’ l-Unjoni, il-Euro, fl-Isvezja. 

 

Huwa siewi li wieħed jifli r-raġunijiet tar-riżultat tar-referendum Svediż.

Il-maġġoranza tal-poplu Svediż ċaħdet il-munita ta’ l-Unjoni Ewropea l-Ħadd li għadda. 

 

Minkejja li l-Isvezja ilha msieħba fl-Unjoni, hija baqgħet iżżomm il-munita tagħha, kif għamlu żewġ pajjiżi oħra membri, l-Ingilterra u d-Danimarka. 

 

U l-ewwel tagħlima minn dan il-fatt hija li pajjiż membru ta’ l-Unjoni jista’ jiftiehem ma’ l-Unjoni li ma jkunx l-istess f’kollox bħall-pajjiżi membri l-oħra kollha.

 

L-Unjoni Ewropea ħaditha bi kbira li l-maġġoranza ta’ l-Isvediżi ċaħdu l-Euro. 

 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi, qal li fl-Isvezja rebħet il-biżgħa. 

 

Iżda osservaturi politiċi imparzjali qalu bil-maqlub ta’ dak li qal Prodi. 

 

Huma saħqu li l-maġġoranza ta’ l-Isvediż wrew kuraġġ fiduċja f’pajjiżom u sfidaw lill-Unjoni Ewropea u ma baxxewx rashom għal dak li trid l-Unjoni akkost ta’ kollox.

 

Ir-raġnijiet tar-riżultat

 

L-Unjoni Ewropea qiegħa taħem ħalli l-pajjiż membri jingħqdu fi stat wieħed u l-munita komuni l-Euro tgħin ħafna ħalli dan il-għan jintlaħaq. 

 

Għalhekk meta l-maġġoranza wriet li hija kontra li l-Unjoni ssir stat wieħed.

Meta l-maġġoranza ta’ l-Isvediżi vvotaw LE għall-Euro, urew li ma jridux li l-prezzijiet jogħlew bid-dħul tal-munita ta’ l-Unjoni, kif diġà ra sentejn ilu fit-12-il pajjiżi membri ta’ l-Unjoni li qalbu għall-Euro.

Il-maġġoranza ta’ l-Isvediżi wrew ukoll li jafu li l-Euro hija ta’ theddida għas-servizzi soċjali fil-pajjiż, jiġifieri għall-“welfare state”. 

 

Dan għax il-pajjiżi kollha li daħħlu l-Euro huma marbuta li jimxu skond il-kundizzjonijiet u r-regoli tal-patt li għamlu dwar kemm id-dħul tal-gvern jista’ jkun inqas mill-ħruġ kull sena (id-‘deficit’).

Il-maġġoranza ta’ l-Isvediżi taw kas ukoll li d-dħul tal-Euro ġġib aktar qgħad fil-pajjiż, għax skond il-medja tal-qgħad fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea li addottaw il-Euro, din hija l-ogħla mir-rata tal-qgħad li hemm fl-Isveżja u anki fil-pajjiżi membri li m’għandhomx il-Euro.

Il-maġġoranza ta’ l-Isvediżi fehmu wkoll li jekk l-Isvezja tagħżel il-Euro bħala l-munita tagħha, hija tintrabat li jkollha rata ta’ l-imgħax iffissata mill-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Dan ifisser li l-pajjiż ma jkunx jista’ jbaxxi kif ikollu bżonn ir-rata ta’ l-imgħax fuq self meta jeħtieġlu jattira l-investiment, u lanqas jgħolli r-rata ta’ l-imgħax fuq self meta jkollu l-ħtieġa jrażżan iż-żieda fil-prezzijiet u l-inflazzjoni.

Il-ħafna theddid li rappreżentanti għoljin ta’ l-Unjoni Ewropea għamlu lill-Isvediżi, fis-sens li l-Isvezja titlef mis-saħħa politika u ekonomika tagħha fl-Unjoni jekk hija tiċħad l-Euro, ma sewa xejn għax il-maġġoranza ta’ l-Isvediżi ma beżgħux mit-theddid. 

 

Huma jafu li r-rata tat-tkabbir kull sena ta’ l-ekonomija ta’ l-Isveżja hija akbar mill-medja tar-rata tat-tkabbir tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li għandhom il-Euro.

 

Tliet snin ilu l-maġġoranza tad-Daniżi wkoll ivvotaw kontra li jdaħħlu l-Euro u l-pajjiż baqa’ miexi ’l quddiem ekonomikament. 

 

It-tagħlima tad-Danimarka ma setgħetx ma tinfluwenzax lill-maġġoranza ta’ l-Isvediżi biex jivvotaw kontra l-Euro.

Ir-rebħa tal-LE fl-Isvezja għandha tifsira akbar meta niftakru li kemm il-partiti politiċi l-kbar, kif ukoll il-komunità kollha tan-negozjanti fl-Isvezja ħadmu bis-sħiħ biex ikun hemm riżultat favur l-Euro. 

 

L-istess għamlu l-ogħla rappreżentanti ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

B’danakollu, xorta waħda l-maġġoranza tal-poplu, 56 fil-mija ta’ dawk li vvotaw, qalu LE.

 

L-ex-kolonji jieqfu lil tal-UE

 

L-Unjoni Ewropea qalgħet daqqa ta’ ħarta politika oħra f’dawn il-ġranet meta l-laqgħa f’Cancun, fil-Messiku, ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organisation) spiċċat f’falliment.

Il-falliment tal-laqgħa tal-WTO seħħ ghax il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ma ċedewx għall-proposti ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar miżuri oħra għall-kummerċ ħieles. 

 

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sostnew li l-ewwel l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom inaqqsu s-sussidji u l-protezzjoni li jagħtu lill-biedja tagħhom u għandhom iħallu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ibiegħu aktar il-prodotti tal-biedja tagħhom fis-swieq Ewropej u Amerikan.

Is-sussidji li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-biedja jqumu biljuni kbar għaċ-ċittadini tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

 

Dawn, barra t-taxxi li jkollhom iħallsu għall-għoti tas-sussidji, jispiċċaw sabiex ikollhom iħallsu wkoll prezzijiet ogħla għall-prodotti tal-biedja li jixtru.

L-Unjoni Ewropea trażżan l-importazzjoni fil-pajjiżi membri tal-prodotti tal-biedja li jkunu ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni. 

 

Fl-istess ħin l-Unjoni tagħti sussidji għall-bejgħ bi prezzijiet aktar baxxi lill-prodotti tal-biedja ta’ l-Unjoni li jmorru fil-pajjiżi barra l-Unjoni. 

 

B’hekk il-pajjiżi barra l-Unjoni, li qegħdin jiżviluppaw, huma milquta darbtejn ħażin bil-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-biedja.

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew ma jitħallewx jesportaw il-prodotti tal-biedja tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea, jew ikollhom jitħallsu d-dazji fuq dawk il-prodotti. 

 

Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea tesporta lejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw il-prodotti tal-biedja tagħha u tissussidjahom bil-kbir u għalhekk jikkompetu aktar fil-prezz mal-prodotti tal-biedja tal-pajjiżi li jimportawhom.

Iżda l-Unjoni Ewropea ma timxix bl-istess politika li tirregola s-suq tal-prodotti tal-biedja fil-każ ta’ l-oġġetti industrijali u maħduma fil-fabbriki. 

 

Dwar dawn, l-Unjoni Ewropea tinsisti li s-suq ikun ħieles minn kull kontroll u sussidji, ħlief fuq dawk l-oġġetti li jiġu importati minn barra l-Unjoni.

It-tagħlima mill-falliment tal-laqgħa tal-WTO f’Cancun hija kbira ghall-Unjoni Ewropea. 

 

In-numru l-kbir tal-pajjiżi tad-dinja rvellaw kontra l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea u waqqfulha u wrew li mhux lesti jħalluha tiddettalhom aktar.

Din hija daqqa ta’ ħarta politika lill-Unjoni Ewropea minn pajjiżi li ftit ta’ snin ilu kienu kolonji tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

 

Konsistenza jew konvenjenza?

 

Naħseb li ħafna semgħu b’dawk il-kumpaniji tal-vapuri li jtajru dik li tissejjah “il-bandiera ta’ konvenjenza” fuq il-vapuri tagħhom.

Din il-bandiera tkun ta’ dak il-pajjiż fejn dawn il-kumpaniji jirreġistraw il-vapuri tagħhom. 

 

Għalhekk il-bandiera li tkun qiegħda tperper fuq il-vapuri tagħhom ma tkunx dik tal-pajjiż fejn il-vapuri jkun inbena u varat. 

 

Lanqas ma tkun dik tan-nazzjonalità tas-sid tal-vapur.

Isejħulha “bandiera ta’ konvenjenza” għax għas-sidien ta’ dawk il-vapuri, ikun “jikkonvjeni” – jiġifieri jaqbel – li jkollhom dik il-bandiera ghax b’hekk jiffrankaw flejjes kbar milli kieku jirreġistraw il-vapuri tagħhom f’pajjiżhom stess!

Issa jidher li f’Malta għandna nies li minħabba li jaħsbu li jkun “jikkonvjeni” lill-partit tagħhom, lesti li jibdew iperpru l-bandiera ta’ l-Unjoni Ewropea flok dik ta’ pajjiżhom. 

 

Xi ħadd daħħlilhom f’moħħhom li jekk jagħmlu hekk “il-partit” se jirbaħ l-elezzjoni u huma jsiru ministri!

 

X’se jiġri minn Malta u l-poplu Malti m’għadux importanti. 

 

L-aqwa “li nkunu fil-Gvern”, jgħidu dawn it-talin.

Niġu issa għal kelma oħra li għandha x’taqsam ħafna ma’ dan is-suġġett. 

 

Il-kelma: “konsistenza”. 

 

Din il-kelma tfisser li dak li kont temmen fih u tippriedkah fil-passat, tibqa’ temmen fih u tippriedkah anki fil-preżent u fil-futur, sakemm ma jkollokx prova li dak li tkun temmen fih u tippriedka ma jkunx żbaljat. 

 

Din hi “konsistenza”! 

 

Mill-ewwel tinduna kemm hi differenti mill-kelma “konvenjenza” – jiġifieri, li tagħmel u tgħid dak li taħseb li jkun jaqbillek fil-mument, anke jekk dan ikun kompletament “il-kontra” ta’ dak li dejjem emmint u “ppriedkajt”.

Hija ħasra li l-poplu Malti llum qisu m’għandu l-ħadd li lest li jibqa’ jxejjer il-bandiera “ta’ konsistenza”, jiġifieri l-bandiera Maltija, għax aktar moħħhom biex ixejru “l-bandiera ta’ konvenjenza” ta’ l-Unjoni Ewropea.

Aħna tas-
CNI qatt u qatt m’aħna se ntajru “l-bandiera ta’ konvenjenza” biex ngħoġbu lil xi wħud, sakemm ma jkollniex prova ċara li konna u għadna żbaljati għax “il-bandiera ta’ konvenjenza” tkun ġabitilna ġid kbir lejn pajjiżna u ħallietna indipendenti u sovrani – kif qalulna li se nibqgħu.

 

Il-Ħamis, 18 ta’ Settembru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ