MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn KARMENU MIFSUD BONNICI Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Aggressjoni u abbużi kontra l-poplu Libjan

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Ħames xhur ilu l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda approva r-riżoluzzjoni 1973 (2011) li waqqfet żona ta’ bla titjir fuq il-Libja, u awtorizzazzjoni li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili.


Ir-riżoluzzjoni tressqet minn Franza, l-Ingilterra u l-Istati Uni­ti tal-Amerika, u kellha għaxar pajjiżi favuriha, filwaqt li ħames pajjiżi, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Brażil, u l-Ġermanja astjenew.


Din ir-riżoluzzjoni qajmet kritika ħarxa kontra l-Kunsill tas-Sigurtà li ġie mixli li wettaq abbuż u illegalità għax aġixxa bis-setgħat mogħtijin lilu fil-Kapitlu VII tal-Kostituzzjoni tal-Ġnus Magħquda billi ddikjara b’mod skorrett li dak li kien qiegħed iseħħ fil-Libja, kien qiegħed ikompli joħloq theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, billi qal “…the situation in the Libyan Arab Jamahrija continues to constitute a threat to international peace and security”.

 

Mentri fil-Libja kien hemm gwerra ċivili li fiha ribelli riedu jwarrbu l-Gvern Libjan immexxi minn Gaddafi, iżda b’daqshekk ma kienx hemm ebda theddida għall-“international peace and security”, u għalhekk il-Kunsill tas-Sigurtà ma kellux dritt jaġixxi bis-set­għat li jagħtih il-Kapitlu VII tal-Kostituzzjoni tal-Ġnus Magħquda.


Dan kien id-dnub oriġinali tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-pajjiżi li aġixxew bis-saħħa ta’ dik ir-rizoluzzjoni, għamel ħażin u l-azzjonijiet tagħhom mhumiex skont il-liġi, la darba huma frott ta’ abbuż tal-liġi li tirregola lill-Ġnus Magħquda.

 

Intervent militari illegali


Għalxejn il-pajjiżi li qegħdin jieħdu sehem fil-gwerra kontra l-Libja jsostnu li l-azzjonijiet tagħhom huma koperti mir-riżoluzzjoni 1973 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, għax la darba l-gwerra ċivili fil-Libja mhix ta’ theddida għall-‘international peace and security’, il-Kunsill tas-Sigurtà ma setax jawtorizza dawk l-azzjonijiet kif għamel bis-setgħat li jagħtih il-Kapitlu VII tal-Kostituzzjoni tal-Ġnus Magħquda.


Dan ifisser li l-intervent militari ta’ Franza, l-Ingilterra tan-NATO huma illegali u jammontaw għal aggressjoni kontra l-poplu Libjan.

 

Il-pajjiżi li qegħdin jappoġġjaw l-interventi militari tan-NATO fil-Libja, bħal Malta, qegħdin jagħtu appoġġ għal atti illegali u għal agressjoni kontra poplu li m’għamel xejn biex ta lok għaliha.

 

Protezzjoni tal-popolazzjoni


Fir-riżoluzzjoni 1973 (2011) jingħad testwalment il-kliem: il-Kunsill tas-Sigurtà “…expres­sing the determination to ensure the protection of civilians and cilivian populated areas” għadda biex awtorizza li jittieħu l-miżuri kollha meħtieġa.

 

Issa m’hemmx dubju li l-bumbardamenti tan-NATO fuq l-ibliet u l-irħula Libjani mhumiex jiżguraw protezzjoni lill-popolazzjoni ċivili u lill-postijiet fejn hemm popolazzjoni ċivili, għax il-bumbardamenti qegħdin jikkaġunaw imwiet u ferimenti fost il-popolazzjoni ċivili u ħsarat lill-postijiet fejn hemm popolazzjoni ċivili, kontra r-rieda espressa fil-Kunsill tas-Sigurtà “to ensure the protection of civilians and civilian populated areas”.

 

Ir-riżoluzzjon tal-Kunsill tas-Sigurtà tipprovdi l-Kunsill “4. Authorises Member States… to take all necessary measures…  to protect civilians and civilin populated areas under threat of attack in the Libyan Arab Jamahirija”.

 

Dawn il-kliem ifissru li l-miżuri meħtieġa huma awtorizzati li jistgħu jittieħdu biex jipproteġu lil persuni ċivili u l-postijiet fejn hemm popolazzjoni ċivili, kemm-il darba biss dawn ikunu mhedda li se jkunu attakkati.

 

Jekk ma jkunx hemm din it-theddida ta’ attakki, mhumiex awtorizzati li jistgħu jittieħdu ebda miżuri.

 

Dan ifisser li r-riżoluzzjoni 1973 (2001) lanqas tawtorizza lin-NATO li jibbumbardjaw l-ibliet u l-irħula li huma taħt il-kontroll tal-Gvern Libjan, għax f’dawk l-ibliet u l-irħula l-persuni ċivili u l-postijiet fejn joqogħdu ma jkunux mheddin li se jkunu attakkati mill-forzi tal-Gvern Libjan.

 

Anke kieku r-riżoluzzjoni 1973 (2011) kienet legali, in-NATO qegħdin jaġixxu mhux skont ma tgħid ir-riżoluzzjoni, għax qegħdin jattakkaw fejn m’hemmx theddida għan-nies ċivili u għall-postijiet fejn hemm popolazzjoni ċivili.


Ir-riżoluzzjoni 1973 (2011) ukoll waqqfet żona ta’ bla titjir billi fil-paragrafu sitta qalet li l-Kunsill tas-Sigurtà “decides to establish a ban on all flights in the airspace of the Libyan Arab Jamahirija in order to help protect civilians”, iżda skont paragrafu sebgħa “the ban… shall not apply to flights… authorised by paragraphs 4 and 8”, u paragrafu erbgħa jikkontempla t-teħid tal-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-persuni ċivili u l-postijiet fejn hemm popolazzjoni ċivili.

 

Bis-saħħa ta’ dawn il-paragrafi tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà n-NATO ma ħallewx itiru ajruplani u ħeli­kopters tal-Gvern Libjan, fil-waqt li ajruplani u ħelikopters tan-NATO jittajru fuq il-Libja, iżda s’hawn jistgħu biss jagħmlu dan skont il-paragrafi sitta u erbgħa tar-riżoluzzjoni “to protect civilians and civilian populated areas”.

 

L-ajruplani u l-ħelikopters tan-NATO li qegħdin jibbumbardjaw l-ibliet u l-irħula Libjani mhumiex jagħmlu dan biex jipproteġu n-nies ċivili u l-postijiet fejn joqogħdu, u għal­daqstant it-tijiriet tan-NATO mhumiex awtorizzati mir-riżoluzzjoni 1973 (2011) u huma ksur ta’ żona ta’ bla titjir imwaqqaf minnha.

 

L-assi tal-Gvern Libjan


Il-Kunsill tas-Sigurtà kien fis-26 ta’ Frar, 2011 approva riżo­luzzjoni  numru 1970 (2011) dwar il-Libja li fiha, fost sanzjo­nijiet oħrajn, imposta s-sanzjoni tal-iffriżar tal-assi diretti jew indiretti tal-Gvern Libjan fil-pajjiżi barranin, u dawn jinkludu l-flus u l-assi finanzjarji oħrajn, kif ukoll riżorsi ekonomiċi oħrajn li l-Libja għandha fil-pajjiżi barranin.

 

Fir-riżoluzzjoni ta’ wara, numru 1973 (2011) hemm ipprovduti li l-Kunsill tas-Sigurtà, f’paragrafu 20 “affirms the determination to ensure that assets frozen pursuant to… resolution 1970 (2011) shall, at a later stage, as soon as possible, be made available to and from the benefit of the people of the Libyan Arab Jamahirya”.


Bis-saħħa ta’ dak li jingħad fil-paragrafu 20 tar-riżoluzzjoni 1973 (2011) il-Ġnus Magħquda laqgħet it-talba tal-Gvern Olandiż biex dan jagħti €100 miljun mill-fondi ffriżati fil-banek Olandiżi tal-Gvern Libjan, lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex din takkwista mediċini u strumenti għall-isptarijiet għal-Libjani ta’ Benghazi u ta’ Misurata.

 

Huwa minnu li l-Libjani f’Benghazi u Misurata jagħmlu parti mill-poplu ta’ Jamahirija Libjana msemmija fil-paragrafu 20 tar-riżoluzzjoni 1973 (2011), iżda l-poplu tal-Jamahirija Libjana mhux biss dak li hemm f’Benghazi u f’Misurata, iżda anke l-Libjani li hemm fi Tripli u fil-Punent tal-Libja li huma taħt il-kontroll tal-Gvern Libjan, li wkoll jeħtieġilhom mediċini u strumenti għall-isptarijiet.

 

Għalhekk il-Ġnus Magħquda, il-Gvern Olandiż u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qegħdin jiddiskriminaw bejn il-Libjani fuq bażi tat-twemmin politiku tagħhom, billi qegħdin jiffavorixxu lil dawk li huma kontra l-Gvern Libjan immexxi minn Gaddafi, u qegħdin iċaħħdu lil-Libjani li jappoġġjaw lill-Gvern Libjan milli jibbenefikaw mill-fondi li jappartjenu lill-poplu Libjan kollu.

 

Abbuzi minn Franza u l-Italja


Il-Gvern Olandiż qiegħed jgħaddi €100 miljun mill-fondi Libjani ffriżati lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex minnhom jibbenefikaw il-Libjani ribelli.

 

Xi gvernijiet oħrajn, bħal dak ta’ Franza u dak tal-Italja, abbużaw mill-assi ffiriżati Libjani fil-pajjiżi tagħhom, għax bla ma kisbu l-awtorizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda qabdu u taw minnhom direttament lill-Kunsill tar-Ribelli ta’ Benghazi, għax Franza u l-Italja jagħrfuh bħala l-Gvern tal-Libja, flok dak ta’ Tripli.

 

Dan hu abbuż sfaċċat għax jekk l-assi ffriżati Libjani jappartjenu lill-poplu Libjan, il-Libjani ta’ Tripli u l-Punent tal-Libja għandhom dritt għalihom daqs il-Libjani ta’ Benghazi u l-Lvant tal-Libja.

 

Hu għajb li l-Ġnus Magħquda tħalli pajjiżi f’isimha jabbużaw b’dan il-mod mill-ġid tal-poplu Libjan u jiddiskriminaw bejn sezzjoni u oħrajn tal-istess poplu.

 

L-embargo tal-armi


Ir-riżoluzzjoni 1970 (2011) kienet ukoll imponiet ‘embargo’ fuq id-dħul tal-armi fil-Libja.

 

Din kienet projbizzjoni totali u ma tiddistingwix bejn il-parti tal-Libja li hi taħt il-Gvern Libjan u l-parti li hi f’idejn ir-ribelli ta’ Benghazi.


B’dankollu, hu fatt magħruf minn kulħadd li ħafna pajjiżi bagħtu armi u armamenti lir-ribelli Libjani, u l-Gvern Franċiż kien ardit biżżejjed li sostna li r-riżoluzzjoni 1973 (2011) tawtorizzah jagħti l-armi lir-ribelli għax b’hekk tkun qiegħda tittieħed miżura biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili, u fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunar, il-Gvern Franċiż ilu minn Mejju jibgħat armi u armamenti lir-ribelli ta’ Benghazi, u dan l-aħħar, sa waddab fil-muntanji ta’ Nafusa fin-Nofsinhar ta’ Tripli, armi u armamenti bil-paraxuts lir-ribelli ta’ hemmhekk.


L-għoti tal-armi lir-ribelli hu ksur tar-riżoluzzoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, għax l-‘embargo’ fuq l-armi hi totali għal-Libja kollha.

 

Il-Ġnus Magħquda taf b’dan l-abbuż u ksur tas-sanzjonijiet tagħha, u b’dankollu qiegħda tħalli jsir minn pajjiżi li qegħdin jaġixxu f’isimha u bis-saħħa tar-riżoluzzjonijiet tagħha.

 

La taf bih u tħalli jsir, tridu li jsir, u għalhekk trid li l-ġlied fil-Libja jkompli għaddej.


Tibgħat fil-Libja rappreżentant tagħha biex jipprova jwassal għall-waqfien mill-ġlied, fl-istess waqt li tippermetti li jintbagħtu armi u armamenti biex il-ġlied jitkompla u jiżdiedu l-imwiet u l-ferimenti!


Fil-kunflitt tal-Libja l-Ġnus Magħquda tilfu ġieħhom.

 

Għax jekk verament riedu li jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, il-Ġnus Magħquda jmisshom bagħtu forza magħmula mill-pajjiżi membri u l-forza kienet tkun il-Ġnus Magħquda f’isimhom u bl-uniformi tagħhom.

 

Minflok għamlu kif dejjem għamlu f’pajjiżi oħrajn, fil-Libja l-Ġnus Magħquda ssekondat il-ħerqa tal-Franċiżi u l-Ingliżi biex jattakkaw u jipprovaw jeqirdu lill-Gvern Libjan immexxi minn Gaddafi, u b’hekk issanzjonat aggressjoni sfaċċata ta’ pajjiżi magħrufin bħala ‘war mongers’.

 

Il-Gvern Malti ssekonda l-aggressjoni. 

 

Minħabba l-ewro, Malta daħlet f’żona ta’ kriżi

 

Meta daħħluna fiż-Żona Ewro, kienu qalulna li l-ekonomija Maltija se tissaħħaħ.

 

Iżda issa qegħdin nindunaw li meta għamilna dan il-pass, dħalna f’żona ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika kbira.


Wasluna f’sitwazzjoni li minflok pajjiżi kbar u industrijalizzati jgħinu lil Malta, ikollna ngħinuhom aħna billi nagħtuhom self jew nagħmlulhom garanzija tas-self li jagħmlu, bħalma qegħdin nagħmlu mal-Greċja, mal-Irlanda u mal-Portugall.


Issa agħar minn hekk, għax Merkozy, jiġifieri l-Kanċillier Ġermaniża, Merkel, u l-President Franċiż, Sarkozy, iridu li jkun hemm tmexxija ekonomika komuni għall-pajjiżi kollha tal-ewro, u li dawn ikollhom President, li jkun il-President tal-Kunsill Ewropew, li bħalissa hu Von Rompy, u li fil-Kostituzzjoni tagħna ndaħħlu r-rabta li l-Gvern irid jibbilanċja kull sena l-baġit u li d-dejn nazzjonali ma jaqbżux il-limitu ffissat mill-Unjoni Ewropea.


Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikomplu jxekklu lill-Gvern ta’ pajjiżna fil-politika ekonomika u fiskali tiegħu, meta l-Gvern hu diġà mxekkel kemm bir-rata tal-imgħax iffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll mill-valur tal-munita li ma għadux fil-kontroll tal-Gvern, bħalma kienu meta pajjiżna ma kienx imsieħeb fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro.


Meta l-Iżlanda li m’għandhiex l-ewro, kienet se tfalli, qalulna li kien jiġrilna bħalha kieku ma daħħalniex l-ewro.

 

Iżda l-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall kienu se jfallu allavolja għandhom l-ewro, u l-istess intqal li setgħu jagħmlu Spanja u l-Italja, li wkoll għandhom l-ewro.

 

L-Iżvezja ma daħħletx l-ewro u sejra aħjar mill-paj­jiżi tal-ewro.

 

Id-Danimarka wkoll ma daħħlitx l-ewro, u wkoll sejra aħjar miż-Żona Ewro.


L-istess kienet tagħmel Malta kieku ma daħħalniex l-ewro.

 

U ma konniex inkunu obbligati li nsellfu lill-pajjiżi li se jfallu, u lanqas li  nagħmlu tajjeb għalihom meta jissellfu.


U l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi ma kienx ikollhom jitilgħu Brussell kull ħmistax biex jiddiskuta l-kirżi taż-Żona Ewro, u minflok kienu jiddedikaw il-ħin biex jipprovaw isolvu l-problemi ta’ pajjiżna.


 Il-Ħamis, 18 ta’ Awwissu, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ