MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

 Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

It-trattat tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE inaqqas id-demokrazija

   

Wieħed mill-għanijiet ewlenin li kellha l-Konvenzjoni tar-rappreżentanti tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea taħt it-tmexxija ta’ l-ex-President ta’ Franza Giscard d-Estaing, kien li tifli sewwa s-setgħat li matul is-snin l-Unjoni Ewropea ħatfet taħt idejha, u tara liema minn dawn is-setgħat kellhom jitreġġgħu lura għand il-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri.

 

Dan il-għan ewlieni tal-Konvenzjoni mhux talli ma ntlaħaqx, iżda għall-kuntrarju l-konvenzjoni spiċċat biex fasslet Kostituzzjoni li żżid is-setgħat lill-Unjoni Ewropea u toħodhom minn taħt idejn tal-gvernijiet nazzjonali u tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri.

 

B’hekk insibu li t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (Kostituzzjoni Ewropea) ikabbar bil-bosta s-setgħat ta’ l-Unjoni u jnaqqas is-sosvranita` tal-pajjiżi membri, u jdajjgħef is-siwi tal-parlamenti nazzjonali. 

 

Din hija raġuni oħra importanti għaliex m’għandniex nivvotaw favur ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Il-poplu ta’ pajjiżna ma jibqax kmand x’isir fl-oqsma kollha ġodda li skond il-Kostituzzjoni Ewropea se jaqgħu taħt is-setgħa ta’ l-Unjoni Ewropea, u dawn miżjuda ma’ l-oqsma li llum diġa` huma taħt is-setgħa ta’ l-Unjoni. 

 

Għax il-Kostituzzjoni Ewropea ġdida tagħti setgħat ġodda lill-Unjoni li hija tikkapparra oqsma li għadhom illum f’idejn il-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri, u kemm-il darba l-Unjoni tiddeċiedi li tagħmel liġijiet għalihom, il-gvernijiet nazzjonali m’għandhomx aktar setgħa fuq dawk l-oqsma.

 

Min ma jridx idgħajjef il-gvernijiet magħżula demokratikament mill-poplu ta’ pajjiż fl-elezzjonijiet ġenerali, u ma jridx li jkunu l-maġġoranza tal-gvernijiet ta’ l-UE li jmexxuna, ma għandux jivvota favur it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Dan it-trattat inaqqas id-dermokrazija f’pajjiżna. 

 

Illum, f’pajjiżna tikkmanda r-reida tal-maġġoranza tal-Maltin fl-oqsma kollha li ma ħadithomx l-Unjoni. 

 

Bit-trattat, ħafna oqsma li jiġu deċiżi bis-sistema tal-maġġoranza tal-gvernijiet ta’ l-Unjoni u mhux bil-kunsens tal-gvernijiet kollha, ir-rieda tal-Maltin tista’ tkun ma taqbilx ma’ dik tal-maġġoranza tal-gvernijiet barranin ta’ l-Unjoni, u r-rieda tal-poplu Malti ma tkun tiswa xejn. Ikollna naċċettaw li nagħmlu dak li jridu l-barranin. 

 

Min ma jridx li dan iseħħ, m’għandux jivvota favur ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Għaliex ma nivvotawx favur il-Kostituzzjoni ta’ l-UE

 

Min sentejn ilu vvota kontra r-ratifika tat-Trattat ta’ Ateni tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea ma jistax issa jivvota favur ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Għax f’’dan it-Trattat hemm it-Trattat ta’ Ateni u jikkonfermah kollu kemm hu. 

 

Tħalli biss barra d-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralita` ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-Reġjun ta’ Għawdex.

 

It-Trattat ta’ l-2003 ta’ Ateni huwa l-pakkett li l-Gvern Nazzjonalista kien ftiehem ma’ l-Unjoni Ewropea. Il-pakkett huwa żvantaġġjuż u ta’ ħsara għall-poplu Malti u speċjalment għall-ħaddiema. 

 

Għandu ħafna aspetti negattivi fih li għandna nagħmlu minn kollox biex inxejnu.

 

Jekk napprovaw it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa nkunu qed napprovaw l-aspetti negattivi kollha tal-pakkett miftiehem mill-Gvern Nazzjonalista u li huwa ffirma fit-Trattat ta’ Ateni.

 

Wieħed mill-agħar aspetti negattivi fit-Trattat ta’ Ateni ta’ l-2003 huwa li l-morsa li fiha jdaħħal lil kull Gvern Malti ma tħalliħx jagħti l-għajnuniet li hemm bżonn biex jinħoloq ix-xogħol u jkattar l-impjiegi f’pajjiżna.

 

It-trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fih regolamenti li jissikkaw aktar il-morsa lil kull gvern li jkollna u jnaqqsulna x-xogħol u jtellfulna l-impjiegi f’pajjiżna.

 

Għalhekk m’għandniex nivvotaw favurih ghax m’għandux miżuri li bihom jinħoloq ix-xogħol u jiżdiedu l-impjiegi.

 

It-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jorbotna li 

nżidu l-ispiża militari tagħna u 

nnaqqsu l-ispiża ta’ l-impjegati fis-settur pubbliku, 

innaqqsu l-ispiża fis-servizzi soċjali,

 intaqqlu l-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet, 

naqtgħu l-għoti b’xejn tas-servizzi tas-saħħa u 

nipprivitizzaw dawk l-impriżi kollha li huma tal-poplu kollu.

 

Dawn huma l-aspetti negattivi kollha tal-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea li issa se jsiru regoli tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat li se jitressaq għar-ratifika fil-Parlament.

 

Min ma jemminx f’dawn l-aspetti negattivi kollha tal-politika ekonomika u soċjali m’għandux jivvota favurihom. 

 

Ikun qiegħed jivvota favurihom jekk jivvota favur or-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li fit-Tielet Parti tiegħu hemm imfissra dawn il-miżuri kollha anti-soċjali.

 

Il-Kostituzzjoni ta’ l-UE toħloq qagħda perikoluża

 

It-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (il-Kostituzzjoni Ewropea) jwaqqaf Unjoni differenti mill-Unjoni tal-llum, u jagħtiha setgħat ħafna aktar milli għandha l-Unjoni llum.

 

Għax il-Kostituzzjoni Ewropea ma tagħtix biss lill-Unjoni s-setgħat magħrufin bħala esklussivi, jiġifieri li huma ta’ l-Unjoni biss u li ttieħedu minn idejn gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri.

 

Tagħtiha wkoll setgħat fuq oqsma li kemm fl-Unjoni u kemm il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħmlu liġijiet dwarhom (shared competences).

 

Iżda jekk l-Unjoni Ewropea tuża s-setgħa tagħha f’dawn l-oqsma, il-gvernijiet nazzjonali ma jibqghux aktar setgħat fuqhom.

 

Il-Kostituzzjoni Ewropea żżid ukoll is-setgħat ta’ l-Unjoni għax iżżid ħafna oqsma fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu mhux aktar bil-ftehim ta’ kull pajjiż membru, iżda bil-maġġoranza tal-pajjiżi membri.

 

Dan ifisser li filwaqt li qabel l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tieħu deċiżjoni sakemm anki pajjiżna kien ikun jaqbel magħha, issa l-Kostituzzjoni Ewropea tagħti lill-maġġoranza fl-Unjoni d-dritt li tieħu deċiżjonijiet li Malta tista’ ma tkunx taqbel magħhom.

 

Il-Kostituzzjoni Ewropea tipprovdi wkoll li l-kapijiet tal-pajjiżi membri jistgħu jiftehmu li jżidu s-setgħat ta’ l-Unjoni u b’hekk jagħmlu bidliet fil-Kostituzzjoni Ewropea. 

 

Dan id-dritt mogħti mill-Kostituzzjoni ġdida jagħmilha impossibbli li tgħid x’setgħat jista’ jkollha, jew ma jistax ikollha, l-Unjoni ġdida mwaqqfa b’din il-Kostituzzjoni.

 

Għalhekk min jivvota favur ir-ratifika ta’ din il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea jkkun qiegħed jagħti setgħa lill-Gvern tal-ġurnata li jiftiehem mal-gvernijiet l-oħrajn ta’ l-Unjoni u jbiddel il-Kostituzzjoni mingħajr ebda bżonn ta’ ratifika u jżid kemm ikun irid is-setgħat ta’ l-Unjoni mingħajr ebda ħtieġa ta’ ratifika.

 

Din hija qagħada perikoluża li m’għandniex nivvutaw favuriha.

 

Il-prinċipji anti-soċjali tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE

 

IL-fundaturi ta’ l-Unjoni Ewropea riedu li tinżamm il-paċi fl-Ewropa permezz tat-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa. 

 

Iżda biż-żmien, dawn il-mezzi biex tinżamm il-paċi l-Unjoni Ewropea dawwrithom u għamlithom l-għanijiet ewlenin tagħha.

 

U t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jagħmilhom prinċipji kostituzzjonali tal-politika ekonomika neo-liberali kapitalista li bihom ikunu marbutin l-pajjiżi membri kollha ta’ l-Unjoni, inkluża Malta.

 

Jekk il-poplu Malti fil-maġġoranza tiegħu jħoss li jaqbillu jbiddel din il-politika ekonomika għall-ġid ta’ pajjiżu, isib li dan ma jistax jagħmlu għax it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jorbotlu jdejh b’katina li bilfors ikollu joqgħod għar-regoli ta’ dik il-Kostituzzjoni.

 

Din hija raġuni oħra għaliex m’għandniex nivvotaw favur ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni dgħajfet ir-rabta u nisġa soċjali tal-poplu (social cohesion) u ġabet qgħad kbir f’ħafna pajjiżi membri.

 

It-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jagħmel il-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni prinċipji kostituzzjonali li ma jħallux lill-gvern nazzjonali ta’ pajjiż membru jieħi l-passi u l-miżuri li jkunu meħtieġa ħalli

jilqa’ għall-qgħad li jkollu f’pajjiżu u biex ma jħallix li s-suq ħieles iħarbatlu l-welfare state, inaqqaslu d-drittijiet tal-ħaddiema u jdgħajjiflu r-rabta u n-nisġa soċjali tal-poplu tiegħu.

 

Din hija raġuni qawwija għax m’għandniex nivvotaw favur it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Dan it-Trattat ikompli jsaħħaħ l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea favur il-globalizzazzjoni tal-kummerċ u favur il-kompetittivita` fuq skala dinjija li jfissru li l-produzzjoni tittieħed għall-pajjiżi fejn jaħdmu t-tfal taħt l-eta` u fejn il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol m’hunmiex aħjar minn dawk ta’ l-iskjavi.

 

Minflok li l-Kostituzzjoni stabbilita b’dan it-Trattat tgħin biex issolvi dawn il-problemi, hija se tkabbarhom għax tagħmel din il-politika anti-soċjali ta’ l-Unjoni, prinċipju kostituzzjonali ta’ l-Unjoni li jorbot lill-pajjiżi membri kollha, inkluża Malta.

 

Min ma jaqbilx ma’ din il-politika anti-soċjali, m’għandux jivvota għat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 18 ta’ Mejju, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

 Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ