MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA
L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Il-ftehim ta’ Schengen huwa ta’ ħsara għal Malta

Wara
li 188 Libjan kien ilhom għal żmien ma jitħallewx jidħlu fl-ebda pajjiż taż-Żona
Schengen, inkluża Malta, il-Gvern Libjan fil-15 ta’ Frar li għadda ħabbar li se
jirritalja billi ma jħallix iċ-ċittadini tal-pajjiżi tax-Schengen, inklużi
Maltin, jidħlu l-Libja.
Mal-aħbar tad-deċiżjoni tal-Gvern Libjan, il-Viċi Prim Ministru Malti, Tonio Borg, stqarr li ma jaqbilx mad-deċiżjoni li 188 Libjan ma jitħallewx jidħlu fiż-Żona Schengen, u li kien talab biex il-kwistjoni tkun diskussa fil-laqgħa tat-22 ta’ Frar tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-UE.

Dakinhar ukoll Cecilia Malmstrom, il-Kummissarju Ewropew dwar l-Intern, li tkellmet f’isem l-UE u għalhekk f’isem Malta wkoll, qalet li l-Kummissjoni Ewropea tiddeplora d-deċiżjoni unilaterali u spontanja meħuda mill-Gvern Libjan.
Fis-16
ta’ Frar il-Ministru Malti tal-Intern, Carm Mifsud Bonnici kkritika d-deċiżjoni
li l-188 Libjan ma jitħallewx jidħlu fiż-Żona Schengen billi qal li dik id-deċiżjoni
kienet kontra l-ispirtu tal-ftehim ta’ Schengen għax l-iskop tagħha ma kienx dak
ta’ sigurtà.
Iżda fl-istess jum, kelliemi għall-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li ddeplora d-deċiżjoni meħuda mill-Gvern Libjan, qal li l-Kummissjoni Ewropea se tiddiskuti l-kwistjoni fl-aħħar tal-ġimgħa mal-pajjiżi taż-Żona Schengen li huma fl-UE u ma’ dawk li mhumiex fl-Unjoni, biex il-Kummissjoni twieġeb b’mod xieraq għall-azzjoni tal-Gvern Libjan.
Mil-laqgħa tat-22 ta’ Frar tal-Kunsill tal-Ministri tal-Afffarijiet Barranin ma ħareġ xejn.
Fil-25
ta’ Frar saret laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-pajjiżi tal-UE u minkejja li
erba’ pajjiżi, fosthom Malta, qalu li ma qablux mad-deċiżjoni meħuda kontra
l-188 Libjan, xorta waħda l-President tal-laqgħa, l-Ispanjol Alfredo Perez
Rubalcaba, iddikjara fil-konferenza stampa wara l-laqgħa, li l-laqgħa tat l-appoġġ
lill-Isvizzera, il-pajjiż tax-Schengen li kien ħa d-deċiżjoni li l-188 Libjan ma
jingħatawx visa biex jidħlu fiż-Żona Schengen.
Saret
laqgħa oħra tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-UE, fejn reġgħu
ddikjaraw il-kwistjoni u l-isforzi diplomatiċi li kienu saru, iżda ftehim ma
kienx instab.
Fid-9 ta’ Marzu, l-Ewro Parlamentari Malti Simon Busuttil tkellem dwar il-kwistjoni fil-laqgħa tal-Parlament Ewropew, u l-Kummissarju Cecilia Malmstrom qalet li kien qed isir kull sforz biex il-kwistjoni tintemm bla dewmien.
Fil-jiem
ta’ wara l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg irrepeta li l-Gvern Malti, filwaqt li
ma jridx jidħol fil-mertu tal-kwistjoni bejn l-Isvizzera u l-Libja, ma kienx
jaqbel li l-ftehim ta’ Schengen ikun abbużat billi jintuża għal raġunijiet li
mhumiex dawk ta’ sigurtà.
Wara li mar il-Libja u tkellem mal-ogħla rappreżentanti tal-Gvern Libjan, meta ġie lura Malta qal li jekk sal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-UE li għandha ssir fit-22 ta’ Marzu li ġej, ma jintlaħaqx ftehim, Malta se tipproponi li l-pajjiżi tax-Schengen ma jkunux aktar marbutin li jimxu fuq id-deċiżjoni li ttieħdet li l-188 Libjan ma jitħallewx jidħlu fiż-Żona Schengen.
Fl-aħħar jumejn kien aktar speċifiku għax fisser li l-proposta hija li l-pajjiżi li ma jaqblux mad-deċiżjoni dwar il-188 Libjan, la darba l-interessi kummerċjali tagħhom intlaqtu ħażin biha, għandhom jingħataw il-fakultà li joħorġu visa biex il-188 Libjan ikunu jistgħu jmorru fil-pajjiżi li ma jaqblux mad-deċiżjoni kontrihom.
Hu jittama li l-Italja, Franza, Spanja u l-Portugall jissekondaw il-proposta Maltija.
Sadanittant il-ġimgħa l-oħra sar magħruf li l-Gvern Libjan kien qabel mal-proposti ta’ ftehim li saru min-naħa tal-Unjoni Ewropea, iżda li l-Gvern Svizzeru baqa’ ma qabilx magħhom, u għalhekk il-kwistjoni għadha ma ntemmitx.
Minħabba din il-kwistjoni bejn il-pajjiżi taż-Żona Schengen u l-Libja hawn
mijiet ta’ Maltin li ma jistgħu jmorru għax-xogħol tagħhom fil-Libja, u hemm
ħafna Maltin oħrajn li ma jridux joħorġu mil-Libja biex jiġu mal-familji tagħhom
f’Malta għax jibżgħu li wara ma jitħallewx jerġgħu jidħlu l-Libja għax-xogħol
tagħhom.
L-istess jingħad dwar ħafna nies tan-negozju jew li qegħdin jwettqu kuntratti fil-Libja, li huma mwaqqfin milli jmorru jkomplu bin-negozju jew jwettqu l-kuntratti li għandhom.
Il-ftehim ta’ Schengen huwa l-kaġun ta’ dan l-inkwiet kollu li minnu pajjiżna
mhu se jikseb xejn u se jitlef ħafna.
Fl-interess nazzjonali li ninħallu mix-Schengen
Fil-konferenza
stampa li saret nhar it-Tnejn li għadda,
* Karmenu Mifsud Bonnici, Ċermen tas-CNI
* qal li fl-interess nazzjonali,
* pajjiżna għandu jinħall mill-ftehim ta’ Schengen mill-aktar fis,
* u għandu jwarrab il-ħtieġa tal-visa għal-Libjani biex jiġu Malta
* u għall-Maltin biex imorru l-Libja,
* kif konna qabel is-sħubija fl-UE.
Hu
qal li l-Gvern Svizzeru kien ilu xhur li għamel il-‘black list’ ta’ 188 Libjan u
għarraf b’dan lill-pajjiżi kollha tax-Schengen u ma ħadu ebda passi, sakemm
il-Gvern Libjan irritalja billi waqqaf id-dħul fil-Libja taċ-ċittadini
tal-pajjiżi tax-Schengen.
Il-kwistjoni għalhekk hija bejn il-pajjiżi tax-Schengen u l-Libja.
Il-kelliemi fisser li waqt li l-ministri Maltin ikkritikaw lill-Isvizzera għax għamlet abbuż mill-ftehim, l-UE kkundannat lill-Gvern Libjan u wriet appoġġ lill-Isvizzera.
Intqal li s-CN ma taqbilx mal-ftehim ta’ Schengen li ġab lil pajjiżna f’qagħda li pajjiż barrani jista’ jiddeċiedi anki b’abbuż min ma jistax jidħol f’pajjiżna, jew lil min ma noħorġulux visa.
Din il-kwistjoni għandha sservina tagħlima li mhux fl-interess nazzjonali li nintrabtu bi ftehim bħal dak ta’ Schengen u li l-istess hu ħażin li bil-ftehim tas-sħubija fl-UE, id-deċiżjonijiet li l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE jieħdu anki bl-Oppożizzjoni tal-Gvern Malti, xorta waħda jkollna noqogħdu għalihom.
Għalhekk iċ-Ċermen tas-CNI sostna li jaqbel li noħorġu mill-UE, barra li ninħallu mix-Schengen, jekk irridu li l-poplu jikseb lura s-sovranità, l-indipendenza u l-ħelsien.
Fil-konferenza kien diskuss ukoll is-sehem ta’ Malta f’alleanzi militari li skont il-Kostituzzjoni m’għandux jitħalla jseħħ.
Iċ-Ċermen
wera li l-Gvern Malti qed jieħu sehem f’laqgħat tal-Ministri tal-pajjiżi tan-Nato
u kif in-Nato qiegħda xxandar il-mawriet tal-bastiment tan-Nato fil-portijiet
tagħna bl-iskop li tikber il-ħbiberija u l-koperazzjoni bejniethom.
Il-kelliemi semma l-mozzjoni għal reżoluzzjoni tal-PE tal-laqgħa tal-10 ta’
Marzu, 2010, li tgħid li l-Parlament ifakkar fil-ħtieġa li tissaħħaħ il-partnership
strateġiku u l-koperazzjoni bejn l-UE u n-Nato.
Huwa fisser kif l-Unjoni qiegħda taħdem dejjem aktar fil-qrib man-Nato u bit-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni saħħet ir-rieda għat-twaqqif ta’ armata.


Huwa
wera kif il-Gvern Malti,
* bla tagħrif fil-Parlament,
* se jibgħat 12-il suldat Malti
* fuq bastimenti Olandiżi tal-gwerra
* biex jieħdu sehem fil-missjoni tal-Unjoni u n-Nato
* kontra piraterija fl-ibħra tas-Somalja,
* fejn il-pajjiżi tal-Punent ukoll
* qegħdin jagħmlu pirateriji
* kemm billi jwaddbu l-iskart tossiku tagħhom,
* kif ukoll billi jieħdu l-ħut
* li kien il-mezz ewlieni tal-għixien tal-poplu Somalu.
Intqal li se jintbagħtu tliet suldati fl-Uganda biex iħarrġu s-suldati Somali,
* u kien hemm suldat mal-missjoni militari tal-UE f’Ġorġja,
* u ieħor f’missjoni militari l-Ingilterra.
Mifsud Bonnici qal li dawn il-passi juru li Malta qiegħda tieħu sehem f’alleanzi militari, għax l-UE qiegħda aktar ma tmur tiżviluppa f’alleanza militari bejn il-pajjiżi membri fl-Unjoni.
Il-Forzi Armati ta’ Malta pirati tan-NATO
minn Sammy Meilaq, Kampanja Helsien Nazzjonali
Il-poplu
Malti għandu ġrajja li kemm-il darba kienet marbuta mal-piraterija.
Il-furbani ħabtu għal Malta diversi drabi.
Il-Kavallieri ta’ Malta, mill-banda l-oħra, wettqu diversi atti ta’ piraterija fil-Mediterran.
Dan l-aħħar iżda, il-poplu Malti ġie mdeffes mill-Gvern ta’ Gonzi biex jieħu parti f’piraterija barra l-Mediterran.
Din il-piraterija hi organizzata min-NATO kontra s-sajjieda foqra tas-Somalja.
Is-Somalja hu pajjiż fqir għall-aħħar u mkisser bil-gwerer u b’inkwiet ċivili intern.
Għandu kosta kbira ħafna u allura hemm ukoll komunità li tgħix mis-sajd b’mezzi tradizzjonali, iżda li għallanqas jaqilgħu x’jieklu.
F’dawn l-aħħar snin, iżda, fl-ibħra Somali bdiet tidħol il-piraterija tas-sajd biex jisirqu l-ħut (Pirate Fishing).
Din il-piraterija tant kibret li f’dawn l-aħħar snin qed ikun hemm kontinwament madwar 700 bastiment pirata jisirqu l-ħut.
Dawn jinkludu ‘trawlers’ u ‘factory ships’.
Il-qabdiet tagħhom huma qabdiet kbar.
L-
,
wara ħafna riċerki u spezzjonijiet, xandret dettalji sewwa dwar din
il-piraterija.
L-EJF hija NGO mill-aktar serja, irreġistrat fir-Renju Unit.
Il-fatti ma’ jista’ jinnegahom ħadd.
Il-pirati ġejjin l-aktar minn pajjiżi Ewropej u miċ-Ċina.
L-ibħra Ewropej skarsaw sewwa mill-ħut u l-UE għamlet diversi restrizzjonijiet fil-qabdiet biex tara li l-ħut jerġa’ jkollu ż-żmien ikattar.
Iċ-Ċina għandha popolazzjoni enormi.
Għalhekk din il-piraterija!
FL-istess waqt, biex is-sajjieda Somali tkompli tiġihom ħażin, nibdet ukoll il-piraterija tar-rimi tal-iskart tossiku u nukleari.
Diversi korporazzjonijiet kbar qegħdin ikollhom problemi kif jeħilsu minn skart tossiku u nukleari, allura bdew jibagħtu pirati jarmu dan l-iskart fl-ibħra tas-Somalja (Pirate Dumping).
Ovvjament dan qed jagħmel ħsara kbira lill-ambjent u lill-għixien tas-sajjieda fis-Somalja.
Il-Gvern tas-Somalja m’għandux mezzi navali biex iwaqqaf dawn iż-żewġ pirateriji.
Fil-fatt huwa għalhekk li l-pirati għażlu l-ibħra Somali biex jisirqu l-ħut u jarmu l-iskart tossiku.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, is-sajjieda Somali, diġà foqra, raw li l-għixien tal-komunità tagħhom se jispiċċa.
Għandhom il-familji, għandhom it-tfal x’jitimgħu iżda jafu li l-gvern tagħhom ma’ jista’ jagħmel xejn biex jiddefendihom.
Huma allura organizzaw ruħhom f’patrols mal-kosta biex iwaqqfu lill-pirati u jkeċċuhom il-barra.
Iżda l-pirati għandhom bastimenti kbar u b’saħħithom aktar mill-mezzi żgħar tas-sajjieda Somali.
Mhux
talli s-sajjieda ma’ rnexxilhomx ikeċċu lill-pirati tal-Ewropa u taċ-Ċina, talli
dawn ġew irramtati, tkissrulhom il-laneċ tagħhom, weġġawhom u f’xi każi f’dawn
il-konflitti anke sfaw maqtulin sajjieda Somali mill-pirati.
Wara dawn l-inċidenti, is-sajjieda sabu ruħhom f’sitwazzjoni ddisprata.
Raw li triq waħda għandhom.
Dik li jorganizzaw ruħhom fi gwerillieri u jaħbtu huma għal bastimenti merkantili li jbaħħru fl-ibħra tagħhom.
Dan biex jilħqu żewġ oġġettivi.
Biex ikollhom il-mezzi finanzjarji biex jgħixu lill-komunità u lit-tfal tagħhom u biex juru lill-pajjiż min fejn ġejjin il-pirati tas-sajd u tar-rimi tal-iskart tossiku, li kif jgħid il-Malti “iz-zalza se tiġihom għola mill-ħut.”
Hawnhekk,
iżda daħlet in-NATO.
Mhux biex twaqqaf il-pirateriji tas-serq tal-ħut u tar-rimi tal-iskart tossiku!
Dak ma jimportax!
Jew għallanqas biex twaqqaf kemm il-pirati kif ukoll ir-ritaljazzjoni tas-sajjieda Somali.
Iżda n-NATO daħlet biss biex topponi lis-sajjieda Somali u b’hekk tkun qiegħda tiddefendi l-pirateriji tal-kumpaniji u tal-korporazzjonijiet kbar.
B’hekk in-NATO tkun qiegħda taqdi il-vera missjoni tagħha, dik tal-fergħa armata tal-korporazzjonijiet kbar kapitalisti.
Dan avolja s-sajjieda Somali kemm-il darba stqarrew li lesti jmorru lura għall-għixien mis-sajd jekk titwaqqaf il-piraterija tas-sajd u tar-rimi tal-iskart tossiku u nukleari.

Id-deċiżjoni
ta’ Gonzi li jibgħat suldati Maltin man-NATO f’din il-piraterija hija illegali.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta ma’ tħallix li suldati Maltin jieħdu sehem f’alleanzi militari.
Hija wkoll deċiżjoni immorali u anti-soċjali.
Taħqar liż-żgħir, f’dan il-każ lill-komunità tas-sajjieda Somali.
Dan biex il-kumpaniji kbar tas-sajd u l-korporazzjonijiet kbar li jipproduċu l-iskart nukleari ikomplu jkabbru l-profitti.
Hija deċiżjoni inumana għax hija ta’ dannu kbir għall-ambjent.
Huma biss is-sajjieda gwellillieri li qegħdin jipprovaw iwaqqfu ir-rimi tal-iskart tossiku u nukleari fl-ibħra tas-Somalja.
Hija wkoll deċiżjoni kontra l-interessi tal-Maltin, għax dan kollu qed isir bi flus il-poplu Malti. Qisu l-poplu mhux intaxxat biżżejjed!
Dawn il-fatti kollha ma jdejqu xejn il-Gvern ta’ Gonzi, anzi jidher li jaqbel magħhom bis-sħiħ tant li f’ġurnal lokali, riċentiment, il-Brigadier Martin Xuereb, tal-Forzi Armati, qal li l-Gvern wera l-intenzjoni tiegħu li jibgħat missjoni militari man-NATO fl-ibħra tas-Somalja.
Mhux kuxjenza soċjali biss ma’ fadallux il-Gvern.
Jidher li wasal li rabba immunità totali għat-tniggiża tagħna.
Il-Ħamis, 18 ta’ Marzu, 2010

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ