MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni
Ewropea u t-theddida ta’ gwerra
Għalkemm il-mexxejja ta’ l-Unjoni Ewropea ma jurux
li resqin ftit ftit lejn gwerra oħra li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika
tista’ tfaqqa’ kontra pajjiżi li huma meqjusin ta’ theddida għas-sigurtà
ta’ l-Amerika, ħafna osservaturi politiċi serji qegħdin iwissu
li ninsabu f’xifer l-irdum ta’ gwerra li fiha jistgħu jintużaw
anki l-armi nukleari.
Jekk l-Unjoni Ewropea tidħol fi gwerra, Malta, sakemm tibqa’ msieħba
fl-Unjoni, tieħu sehem fil-gwerra u tlaqqat il-konsegwenzi koroħ
kollha tal-gwerra.
Iżda anki meta l-Unjoni Ewropea ma appoġġjatx lill-Istati Uniti fl-invażjoni ta’ l-Iraq mingħajr il-kunsens tal-Ġnus Magħquda, il-Gvern Malti appoġġja lill-Istati Uniti u ta’ dan l-appoġġ il-President Bush irringrazzja pubblikament lill-Gvern Malti.
Għalhekk fi gwerra oħra li l-Istati Uniti jagħmlu,
nistgħu nbassru li pajjiżna se jkun imdaħħal fiha, minkejja
li l-poplu Malti la jrid u lanqas jaqbillu jiċċappas bi gwerer.
Huwa fl-interess tal-poplu tagħna li l-Parlament Malti minn issa jistqarr
li pajjiżna ma jappoġġjax lil min jagħmel gwerra, anki jekk
l-UE tieħu sehem jew tappoġġja l-gwerra.
Huwa importanti li deċiżjoni bħal din tittieħed fuq bażi tal-prinċipju li pajjiżna huwa kontra l-gwerer bħala mezz li jsolvu l-kwistjonijiet bejn il-pajjiżi.
Għax jekk ma nagħmlux hekk, ikollna kull darba
noqogħdu niddiskutu meta tinqala’ gwerra għandniex nappoġġjaw
naħa jew l-oħra, u nispiċċaw sabiex nagħmlu kif tagħmel
l-Unjoni Ewropea, jew kif iriduna l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Anki jekk mhix il-politika ta’ l-UE li tqanqal gwerra, xorta waħda
l-Unjoni qiegħda tħejji ruħha għal waħda.
Aktar u aktar jekk l-Ewropa tkompli tqis li tiddependi għal kollox fuq iż-żejt u l-gass li timporta minn pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni.
L-UE issa qiegħda tintebaħ li s-saħħa ekonomika tagħha tiddependi għal kollox fuq il-provvista taż-żejt u tal-gass, u li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni kollha flimkien m’għandhomx kwantità ta‘ żejt u gass biex jinqdew għall-bżonnijiet essenzjali tagħhom.
L-Unjoni jeħtiġilha tiżgura mhux biss
il-kwantitajiet li tikkonsma, iżda li l-prezzijiet taż-żejt u
l-gass ma jogħlewx tant li l-Ewropa ma tkunx tista’ tiflaħ għalihom.
Kemm dwar iż-żejt, kif ukoll dwar il-gass, Malta ma tista’ tgawdi
xejn billi sseħibna fl-UE.
Dwar iż-żewġ prodotti, Malta tkun tista’ tiżgura l-provvista tagħhom u l-orħos prezzijiet possibbli, mhux bis-sħubija fl-UE, iżda bi ftehim ta’ ħbiberija speċjali u koperazzjoni ma’ l-Alġerija u mal-Libja li għandhom iż-żewġ prodotti kemm iridu.
Iżda l-UE ma tippermettilniex nagħmlu ftehim
preferenzjali ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi barra l-Unjoni.
L-UE
miżgħuda b’kontradizzjonijiet
L-UNJONI Ewropea hija miżgħuda b’kontradizzjonijiet.
Tgħid li trid li kull pajjiż imsieħeb jitmexxa demokratikament, iżda fil-fatt ma tħallix li l-maggoranza demokratika fih tagħżel politika differenti minn dik deċiża mill-Unjoni.
B’hekk ma titwettaqx ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu ta’ dak il-pajjiż.
Jiġri li anke jekk il-poplu kollu ta’ Malta ma jkunx jaqbel ma’ dak li tiddeċiedi l-Unjoni, ikollu joqgħod għal dak li tgħid l-Unjoni.
Dan imur kontra prinċipju ewlieni tas-sistema
demokratika.
L-Unjoni Ewropea stess, bħala organizzazzjoni, m’hiex mibnija
demokratikament u lanqas immexxija demokratikament.
Tiftahar li għandha parlament magħżul direttament mill-popli tal-pajjizi membri, iżda dan m’għandux is-setgħat li jimponi r-rieda tiegħu fuq il-mexxejja ta’ l-Unjoni.
Huma l-mexxejja tal-pajjiżi
membri flimkien, fil-Kunsill Ewropew, li fl-aħħar mill-aħħar
jiddeċiedu għall-Unjoni, u mhux il-membri tal-Parlament Ewropew, u
iktar minn darba dak li jiftehmu bejniethom il-mexxejja tal-pajjiżi membri
fil-Kunsill Ewropew, ma jkunx skond ma jridu r-rappreżentanti tal-poplu
ta’ l-Unjoni fil-Parlament Ewropew.
Iżda l-akbar kontradizzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jinsabu fil-politika
li tħaddan fl-oqsma differenti ta’ l-ekonomija.
Fil-qasam tal-kummerż, tippriedka l-liberalizzazzjoni u s-suq ħieles, fl-waqt li fil-qasam ta’ l-agrikoltura, tipprattika l-kontroll tas-suq u l-protezzjoni.
Bħallikieku l-prinċipju
tal-‘free trade’ huwa tajjeb biss fil-każ ta’ l-oġġetti maħdumin,
u huwa ħażin fil-każ tat-tkabbir tal-ħwejjeġ ta’
l-ikel.
Mhux għalhekk l-UE tħaddan politika waħda dwar il-kummerċ
ta’ l-oġġetti maħdumin, u politika bil-maqlub dwar il-kummerċ
tal-ħwejjeġ ta’ l-ikel!
Timxi hekk għax il-mexxejja
ta’ l-Unjoni jqisu li hekk jaqbel lill-pajjiżi ta’ l-Unjoni, minkejja
li jafu li mhux qegħdin jagħmlu sewwa, u anzi li qegħdin jagħmlu
ħsara kbira lil pajjiżi oħrajn barra l-Unjoni.
L-Unjoni waslet fil-qagħda assurda li ma tħallix lil pajjiż
membru jimxi b’politika għalih bħalma l-Unjoni tmexxi għaliha
stess.
Għalhekk insibu li l-Unjoni
tipproteġi l-biedja tagħha billi tikkontrolla d-dħul tal-ħwejjeġ
tal-biedja minn barra l-Unjoni, iżda l-Unjoni ma tippermettix lil Malta
tikkontrolla d-dħul minn barra l-pajjiż ta’ ħwejjeġ
tal-biedja, biex Malta tipproteġi l-biedja tagħha.
Fil-qasam tal-kummerċ ta’ l-oġġetti maħdumin, il-politika ta’ l-Unjoni hija iktar oxxena.
L-Unjoni tħeġġeġ l-imprendituri tagħha jinvestu f’pajjiżi fejn hemm iċ-‘cheap labour’, u l-prodotti tac-‘cheap labour’ jinbiegħu fis-swieq ta’ l-Unjoni Ewropea, minflok il-prodotti maħdumin fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
B’hekk qiegħed jinħoloq qgħad kbir fl-UE u sfruttament tal-ħaddiema fil-pajjiżi barra l-Unjoni.
Din
mhix ħlief politika ta’ esplojtazzjoni.
Il-Parlament
Ewropew ikkritikat
DEJJEM ikkritikajna lill-Parlament Ewropew kemm għan-nuqqas ta’ setgħat
u siwi, kif ukoll għall-mod imħawwad kif jiffunzjona u jivvota.
Issa, il-President stess tal-Parlament, Josef Borrell, għamel
kritika ħarxa dwar il-ħidma tal-Parlament, f’rapport li għadu
kif ħejja għall-kapijiet tal-gruppi politiċi fil-Parlament
Ewropew.
Borrell ħassu mbarazzat ħafna bl-attendenza fqira tal-membri
tal-Parlament.
Dwar dan, ilmenta wkoll il-President tal-Kummissjoni
Ewropea, Josè Manuel Barroso, li rrimarka li meta mar jindirizza l-Parlament
biex jippreżenta l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena
2006, fil-Parlament kien hemm aktar Kummissarji u uffiċjali ta’ l-Unjoni,
milli membri parlamentari.
L-attendenza fqira tal-membri parlamentari timmina l-fiduċja
tal-pubbliku fil-Parlament Ewropew. In-nuqqas ta’ diskussjoni dwar
kwistjonijiet importanti tal-mument ittellef l-interess tal-pubbliku fil-ħidma
tal-Parlament.
L-aġenda tal-laqgħat tal-Parlament turi li hu magħmul għan-nies
teknokrati biss, bil-mod kif tkun miktuba u mid-dokumenti li tagħmel
referenza għalihom.
Diskussjonijiet veri ma jsirux fil-laqgħat tal-Parlament, iżda
l-membri jaqraw id-diskorsi tagħhom li jkunu ta’ ftit minuti biss.
Ma jsirx għalhekk dibattitu billi wieħed iwiegeb lil ieħor.
Il-votazzjonijiet isiru f’ħakka
ta’ għajn wara xulxin, u mhux darba jew tnejn li jkunu membri
parlamentari li jħawdu fil-votazzjonijiet.
Il-President tal-Parlament stqarr li l-Parlament Ewropew jidher maqtugħ
mill-ħwejjeġ li jkunu qegħdin jiġru fl-Ewropa u fid-dinja, u
qajla jiddiskuti kwistjonijiet politiċi ta’ importanza ghall-poplu.
Minflok, il-Parlament jintilef fuq
ħwejjeġ żgħar u f’ħafna każi, ta’ ftit siwi, bħal
x‘għandu jkun id-daqs tat-tuffieħ, u xi “spices” jistgħu
jintużaw għal-laħam!
Il-fatt li l-membri parlamentari jistgħu jitkellmu bl-ilsien ta’ pajjiżhom
ifisser li jista’ jinstemgħu 20 lingwi fil-Parlament, u dan itellef
ħafna u jmewwet id-diskussjonijiet.
Josef Borrell ikkritika wkoll is-safar esaġerat tal-membri parlamentari, li
jtellifhom milli jattendu l-laqgħat tal-Parlament.
Huwa ma jaqbilx li l-membri jmorru bħala osservaturi ta’ l-elezzjonijiet li jsiru f’pajjiżi barra l-Unjoni, u li jieħdu sehem f’missjonijiet ta’ l-UE għal-laqgħat internazzjonali, fejn spiss jattendu mingħajr ma jagħtu ebda kontribut ta’ siwi.
Dan
huwa biss ħela ta’ żmien u ta’ flus.
L-ispiża tal-Parlament Ewropew hija enormi u żgur
mhux ġustifikata bil-ħidma tal-membri parlamentari, aktar u aktar,
meta l-ħidma tagħhom titqabbel ma’ dik tal-membri tal-parlamenti
nazzjonali.
Awguri
lill-Graffitti
Il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali tawgura lill-attivisti qalbenin tal-Moviment
Graffiti li jirbħu l-kawża Kostituzzjonali li għamlu biex
jiddefendu d-dritt fundamentali tagħhom ta’ l-espressjoni ħielsa li
tkasbar meta ma tħallewx jifirxu l-‘banners’ “Peace Not War” u
“Warships Kill” bi protesta kontra d-dħul ta’ ħames bastimenti
tal-gwerra tan-NATO fil-Port il-Kbir fid-19 ta’ Frar.
Nappellaw lill-pubbliku juri l-appoġġ tiegħu
għal dawn iż-żgħażagħ Maltin li jridu jħarsu
n-newtralità ta’ pajjiżna.
Is-Sibt, 18 ta’ Marzu, 2006.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ