MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

 Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġġibilna l-gwaj

Għada, il-Ġimgħa, il-Ministri ta’ l-Intern tal-pajjiżi li huma u li se jidħlu fl-Unjoni Ewropea, sejrin jiltaqgħu ħalli jiddiskutu l-qagħda allarmanti tan-nuqqas ta’ sigurtà fl-Unjoni Ewropea li hija mwerwra mit-theddid ta’ attakki bħal dawk li seħħew f’Madrid il-Ħamis li għadda. 

Kontra dan it-theddid, l-Unjoni Ewropea qiegħda tħejji politika komuni barranija u ta’ sigurtà u difiża għall-pajjiżi membri, inkluża Malta.

Il-politika komuni li l-Unjoni qiegħda tħejji kontra t-theddid ta’ attentati vjolenti ma taqbilx mal-politika ta’ newtralità ta’ Malta. 

Meta Malta tħaddan dik il-politika komuni ta’ l-Unjoni, Malta tkun taħt l-istess theddid li llum għandhom Spanja, l-Ingilterra, l-Italja, Franza, il-Ġermanja u pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea se teqred in-newtralità ta’ Malta hekk kif Malta jkollha tħaddan il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà u difiża ta’ l-Unjoni. 

Is-sħubija fl-Unjoni mhux se ġġibilna sigurtà u sliem, iżda se tesponina għat-theddid u teqridilna s-sliem li n-newtralità ġabitilna.

Ftehim militari ma’ l-Italja

Biex aktar iqarreb il-gwaj lejn pajjiżna, il-Gvern Nazzjonalista għadu kif iffirma ftehim militari ma’ l-Italja. 

F’dan il-mument l-interess nazzjonali tagħna jitlob li nitbegħdu mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea u mhux li nagħmlu ftehim militari mal-pajjiżi ta’ l-Unjoni. 

L-Italja hija fil-mira ta’ attentati vjolenti. 

Issa li għamilna ftehim militari magħha, ġejna aħna wkoll fil-mira ta’ attentati vjolenti li jistgħu jiswewlna mwiet, korrimenti u qerda kbira ta’ proprjetà, u ħerba mill-ekonomija tagħna, speċjalment mill-industrija tat-turiżmu.

Il-Gvern Nazzjonalista diġà ssagrifika s-sliem u s-sigurtà ta’ pajjiżna meta daħħal fil-portijiet tagħna ripetutament bċejjeċ tal-gwerra tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea u tan-NATO. 

Fl-istess ħin qiegħda tinkiser sfaċċatament il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li ma tippermettix il-preżenza ta’ konċentrazzjoni ta’ forzi militari barranin f’pajjiżna, u meta fiż-żmien tal-gwerra kontra l-Iraq, ta għajnuna lill-Inglizi u lill-Amerikani u l-Prim Ministru Ingliz Blair u l-President Amerikan Bush pubblikament irringrazzjawna għall-għajnuna tagħna.

Ksur tal-Kostituzzjoni Maltija

Biex l-Unjoni Ewropea ssieħeb magħha lil Malta, il-Gvern Nazzjonalista ssagrifika s-sliem tal-poplu tagħna li ksibna bil-politika ta’ newtralità. 

Issa li l-Unjoni Ewropea qiegħda tħoss li hija mhedda u għalhekk qiegħda tarma ruhha, Malta saret parti mill-fruntiera tagħha u parti mid-difiża tagħha fil-qalba tal-Mediterran. 

Bis-sħubija fl-Unjoni, dħalna fl-armata ta’ l-Unjoni. 

Dan seħħ bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni tagħna li tgħid li Malta tirrofta li tieħu sehem f’xi alleanza militari.

Hija ħaġa gravi ħafna li l-Gvern Malti jikser il-Kostituzzjoni tal-pajjiż. 

Hija ħaġa ħafna aktar gravi li l-Gvern Malti jesponi lill-poplu Malti għall-perikli ta’ attentati li għalihom huma miftuħa l-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Gvern responsabbli u li jħares kif jixraq is-sliem tal-poplu għal ebda raġuni ma jissagrifika l-interessi tal-poplu tiegħu għall-interessi ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Iżda l-Gvern Malti hekk għamel meta għamel il-ftehim ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Meta l-poplu ta’ Malta se jagħmel lill-Gvern li ssagrifika l-ħarsien u s-sliem tal-poplu, l-istess kif il-poplu ta’ Spanja għadu kif għamel u qaċċat lill-Gvern ta’ Aznar li pprefera l-interessi ta’ l-Amerikani għall-interessi tal-poplu Spanjol?

Għal min se tivvota f’Ġunju!

Neil Kinnock, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, meta tkellem fl-Università ta’ Malta dan l-aħħar, kixef kif l-Unjoni Ewropea tqis l-elezzjoni li se ssir f’Ġunju li ġej biex nibagħtu ħames membri fil-Parlament ta’ l-Unjoni.

Kinnock ġie rrapportat fil-gazzetti li ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex imorru jivvotaw. 

U qalilhom biex iħeġġu nies oħra wkoll (x’interess Alla jbierek!). 

U żied jgħidilhom biex imorru jivvotaw “mhux b’mod partiġġjan” (jiġifieri, mhux moħhom fil-partit politiku taghhom) “iżda fl-ahjar interess ta’ l-Unjoni Ewropea” (“in the best interest of the EU”)!

Lanqas qalilna biex nivvotaw fl-interess ta’ pajjiżna, iżda fl-interess ta’ l-Unjoni Ewropea! 

Dan qalu għax għall-Unjoni Ewropea, il-vot ta’ Ġunju tqisu bħal “vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fl-Unjoni Ewropea”. 

Jekk ħafna ċittadini ta’ l-istati membri jmorru jivvotaw, ikun vot ta’ fiduċja u jekk ħafna ma jmorrux jivvotaw, ikun vot ta’ sfiduċja fl-Unjoni Ewropea.

Kellu jkun Neil Kinnock biex insiru nafu l-iskop prinċipali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju!

Għandna dritt noħorġu mill-UE

Biex ċerti preżentaturi u kelliema mistiedna fuq stazzjonijiet tar-radju ma jibqgħux ibellgħu r-ross bil-labra lis-semmiegħa tal-programmi tagħhom meta dawn jistaqsuhom jekk Malta hux se tkun tista’ toħroġ mill-UE fil-futur, ħassejna li għandna nġibu l-“prova tal-fatti”, kif aħna tas-CNI dejjem nagħmlu, flok il-paroli fil-vojt ta’ xi politiċi Maltin u l-qaddejja tagħhom.

Aqraw, xtarru u ddeċiedu min qed “joħlom” – kif stqarr mistieden fuq programm fuq is-Super One, b’referenza ċara għaċ-chairman tas-CNI, Karmenu Mifsud Bonnici, fuq Smash TV qal li Malta tkun tista’ toħroġ mill-Unjoni.

(Dan aċċettah ukoll l-Onorevoli Dr Michael Frendo, li kien qed jiddibatti miegħu).

Araw min qed jibża’ jgħid il-verità. 

L-artiklu I-59 ta‘ l-Abozz tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE għandu t-titlu: 

Ħruġ volontarju mill-Unjoni, u l-erba’ sub-artikli jgħidu hekk:

“1. Kull stat membru jista’ jiddeċiedi, skond ir-regoli kostituzzjonali proprji, li jirtira mill-Unjoni Ewropea”.

“2. Stat membru li jiddeċiedi li jirtira għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Il-Kunsill għandu jikkonsidra din in-notifika. Fid-dawl tal-linji ta’ gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jirregola l-modalitajiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni. Dak il-ftehim għandu jiġi konkluż għan-nom ta’ l-Unjoni mill-Kunsill tal-Ministri, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ir-rappreżentant ta’ l-Istat Membru li jirtira m’għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet jew fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri jew tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernawh.”


“3. Il-Kostituzzjoni għandha tieqaf milli tapplika għal dak l-istat mid-data tal-bidu fis-seħħ tal-ftehim dwar l-irtirar jew fin-nuqqas, sentejn wara n-notifika msemmija fil-paragrafu tnejn, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil ma’ l-Istat Membru inkwistjoni, ma jiddeċidix li jestendi dan it-terminu.”

“4. Jekk stat li jkun iritira mill-Unjoni jitlob biex jerġa’ jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tiġi sottomessa għall-proċedura msemmija fl-Artiklu 57.”

Mela issa tafu bl-iswed fuq l-abjad, kif kull stat membru, inkluża Malta, se jkollha d-dritt terġa’ toħroġ mill-Unjoni fil-futur. 

 

U għalhekk meta tisimgħu lil min jagħtikom stampa differenti billi jgħid li Malta tista’ toħroġ mill-Unjoni, “ikun qed joħlom”, għidulu f’wiċċu u toqogħdux tistħu li jkun qed jipprova jqarraq bikom u bis-semmiegħa l-oħra tal-programm. 

 

U aqrawlu xi parti mill-Artikli I-59 tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni, li kkwotajnilkom kelma b’kelma, hawn fuq.

 

Kjarifika


Il-preżentatur tal-programm ta’ Super One Radio li kkwotajna kliemu fl-artiklu f‘din il-paġna l-ġimgha l-oħra (11 ta’ Marzu – “Issa qegħdin nifhmu aħjar”) – ma kienx Joseph Muscat, kif ħasbu xi qarrejja li ċemplulna ħalli jivverifikaw min kien.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

 Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Il-Ħamis, 18 ta' Marzu, 2004.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ